MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/274


PROTOKOLL (Nru 9)

DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TA' L-ARTIKOLU 16(4) TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA U L-ARTIKOLU 238(2) TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI EWROPEA BEJN L-1 TA' NOVEMBRU 2014 U L-31 TA' MARZU 2017 MINN NAĦA WAĦDA, U MILL-1 TA' APRIL 2017 MIN-NAĦA L-OĦRA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

B'KONT MEĦUD ta' l-importanza fundamentali li l-qbil dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea bejn l-1 ta' Novembru 2014 u l-31 ta' Marzu 2017 min-naħa l-waħda, u mill-1 ta' April 2017 min-naħa l-oħra (minn issa 'l quddiem, “id-Deċiżjoni”) fl-approvazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona,

QABLU DWAR id-dispożizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu uniku

Qabel l-eżami mill-Kunsill ta' kwalunkwe abbozz li jkun jimmira jew li jemenda jew li jirrevoka d-Deċiżjoni jew kwalunkwe dispożizzjoni tagħha, jew li jemenda indirettament il-kamp ta' applikazzjoni jew it-tifsira tagħha permezz tal-modifika ta' att legali ieħor ta' l-Unjoni, il-Kunsill Ewropew għandu jwettaq deliberazzjoni preliminari dwar l-abbozz imsemmi, waqt li jaġixxi b' konsensus skond l-Artikolu 15(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.