MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/283


PROTOKOLL (Nru 14)

DWAR IL-GRUPP TA' L-EURO

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jippromovu l-kondizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku aktar b'saħħtu fl-Unjoni Ewropea u, għal dak il-għan, li jiżviluppaw il-koordinazzjoni dejjem iktar mill-qrib tal-politika ekonomika fiż-żona ta' l-euro,

KONXJI mill-bżonn li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali għal djalogu msaħħaħ bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, sa ma l-euro tkun saret il-munita ta' l-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Il-Ministri ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jiltaqgħu informalment. Dawn il-laqgħat għandhom iseħħu, skond il-ħtieġa, sabiex ikunu diskussi kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltajiet speċifiċi li huma jaqsmu fejn tidħol il-munita unika. Il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-laqgħat. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun mistieden jieħu sehem f'dawn il-laqgħat, li għandhom ikunu preparati mir-rappreżentanti tal-Ministri responsabbli għall-finanzi ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u tal-Kummissjoni.

Artikolu 2

Il-Ministri ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jeleġġu president għal sentejn u nofs, bil-maġġoranza ta' dawk l-Istati Membri.