MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/293


PROTOKOLL (Nru 20)

DWAR L-APPLIKAZZJONI TA’ ĊERTI ASPETTI TA’ L-ARTIKOLU 26 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI EWROPEA GĦAR-RENJU UNIT U GĦALL-IRLANDA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIXTIEQU li jsolvu ċerti kwistjonijiet li jirrelataw mar-Renju Unit u l-Irlanda,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW l-eżistenza għal ħafna snin ta' l-arranġementi speċjali għall-ivjaġġar bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Ir-Renju Unit għandu jkun intitolat, independentament mill-Artikoli 26 u 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, u kull dispożizzjoniji oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kull miżura addottata skond dawk it-Trattati, jew kull ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jew mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma' wieħed jew aktar Stati terzi, li jeżerċita fuq il-fruntieri tiegħu ma' Stati Membri oħra dawk il-kontrolli fuq persuni li jkunu jfittxu li jidħlu fir-Renju Unit bħalma huwa jikkonsidra li jkunu meħtieġa għal dan il-għan:

a)

li jivverifika id-dritt għad-dħul fir-Renju Unit ta’ ċittadini ta' Stati Membri u tad-dipendenti tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom bil-Liġijiet ta' l-Unjoni, kif ukoll ta’ ċittadini ta’ Stati oħra li lilhom ingħataw drittijiet bħal dawn bi ftehim li bih huwa marbut ir-Renju Unit, u

b)

li jiddetermina jekk jagħtix jew le lil persuni oħra il-permess li jidħlu fir-Renju Unit.

Xejn fl-Artikoli 26 u 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jew f' xi dispożizzjoni oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew f' xi miżura adottata permezz tagħhom m’għandu jippreġudika id-dritt tar-Renju Unit li jadotta jew jeżerċita dawn il-kontrolli. Referenzi għar-Renju Unit f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu territorji li r-Renju Unit huwa responsabbli għar-relazzjonijiet esterni tagħhom.

Artikolu 2

Ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jibqgħu jagħmlu arranġamenti bejniethom rigward il-moviment ta’ persuni bejn it-territorji tagħhom (“Iż-Żona Komuni għall-Ivjaġġar”), waqt li jirrispettaw bi sħiħ id-drittijiet tal-persuni msemmija fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) ta’ dan il-Protokoll. Għalhekk, sakemm huma jżommu dawn l-arranġamenti, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll għandhom japplikaw għall-Irlanda skond l-istess termini u kondizzjonijiet bħal dawk għar-Renju Unit. Xejn fl-Artikoli 26 u 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, fl-ebda dispożizzjoni oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew f’xi miżura adottati permezz tagħhom, m’għandu jaffettwa dawn l-arranġamenti.

Artikolu 3

L-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw fuq il-fruntieri tagħhom jew f’xi post ieħor tad-dħul fir-territorju tagħhom dawk il-kontrolli fuq persuni li jkunu jfittxu li jidħlu fit-territorju tagħhom mir-Renju Unit jew minn xi territorji li r-relazzjonijiet barranin tagħhom ikunu taħt ir-reponsabbiltà tiegħu għall-istess għanijiet kif jinsabu fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll, jew mill-Irlanda sakemm id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll japplikaw għall-Irlanda.

Xejn fl-Artikoli 26 u 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jew f' xi dispożizzjoni oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew f’xi miżura adottata permezz tagħhom m’għandha tippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri l-oħra li jadottaw jew jeżerċitaw kontrolli bħal dawn.