MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/284


PROTOKOLL (NRU 15)

DWAR ĊERTI DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U TA' L-IRLANDA TA' FUQ

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li r-Renju Unit ma jkunx obbligat jew marbut li jadotta l-euro mingħajr deċiżjoni separata sabiex jagħmel hekk mill-gvern u l-Parlament tiegħu,

BILLI, fis-16 ta' Ottubru 1996 u t-30 ta' Ottubru 1997, il-Gvern tar-Renju Unit għarraf lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu li ma jipparteċipax fit-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

FILWAQT LI JINNOTAW l-prattika tal-gvern tar-Renju Unit li tiffinanzja s-self li hemm bżonn permezz tal-bejgħ tad-dejn lis-settur privat,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

1.

Kemm-il darba r-Renju Unit ma javżax lill-Kunsill bl-intenzjoni li jadotta l-euro, ma jkun hemm ebda obbligazzjoni li jagħmel dan.

2.

L-Artikoli 3 sa 8 u 10 għandhom japplikaw għar-Renju Unit in vista tan-notifika mogħtija lill-Kunsill mill-gvern tar-Renju Unit fis-16 ta' Ottubru 1996 u fit-30 ta' Ottubru 1997.

3.

Ir-Renju Unit għandu jżomm il-poteri tiegħu fil-politika monetarja skond il-liġi nazzjonali.

4.

L-Artikolu 282(2), ħlief l-ewwel u l-aħħar sentenza tiegħu, l-Artikolu 282(5), it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 119, l-Artikolu 126(1), (9) u (11), l-Artikolu 127(1) sa (5), l-Artikolu 128, l-Artikoli 130, 131, 132 u 133, l-Artikolu 138, l-Artikolu 140(3), l-Artikoli 219 u 283 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea m’għandhomx japplikaw għar-Renju Unit. F'dawn id-dispożizzjonijiet, kull referenza għall-Unjoni jew għall-Istati Membri ma tinkludix lir-Renju Unit u referenzi għall-banek ċentrali nazzjonali m’għandhomx jinkludu l-Bank of England. Bl-istess mod, l-Artikolu 121(2) tat-Trattati ma għandux japplika għar-Renju Unit fir-rigward ta' l-adozzjoni tal-partijiet tal-linji gwida ġenerali ta' politika ekonomika li jikkonċernaw iż-żona ta' l-euro b'mod ġenerali.

5.

Ir-Renju Unit għandu jagħmel ħiltu sabiex jevita deficit eċċessiv.

L-Artikoli 143 u 144 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit. L-Artikoli 134(4) u 142 japplikaw għar-Renju Unit daqs li kieku kellu deroga.

6.

Id-drittijiet għall-vot tar-Renju Unit għandhom jiġu sospiżi fir-rigward ta' l-atti tal-Kunsill imsemmija fl-Artikoli nnumerati fil-paragrafu 4 u fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 139(4), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan japplika t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 139(4) tat-Trattat imsemmi.

Ir-Renju Unit ma jkollux lanqas dritt jipparteċipa fil-ħatra tal-President, il-Viċi President u membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE skond l-Artikoli 283(2) it-tieni subparagrafu tat-Trattat.

7.

L-Artikoli 3, 4, 6, 7, 9.2, 10.1, 10.3, 11.2, 12.1, 14, 16, 18, 19, 20, 22, 23, 26, 27, 30, 31, 32, 33, 34 u 49 tal-Protokoll fuq l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (“l-Istatut”) m’għandhomx japplikaw għar-Renju Unit.

F'dawk l-Artikoli, referenzi għall-Unjoni jew l-Istati Membri m’għandhomx jinkludu r-Renju Unit u referenzi għall-banek ċentrali nazzjonali jew azzjonisti ma jinkludux il-Bank of England.

Referenzi fl-Artikoli 10.3 u 30.2 ta' l-Istatut għal “kapital sottoskritt tal-BĊE” m'għandhomx jinkludu kapital sottoskritt mill-Bank of England.

8.

L-Artikolu 141(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 43 sa 47 ta' l-Istatut ikollhom seħħ, sew jekk ikun hemm jew ma jkunx hemm Stat Membru b'deroga, mingħajr preġudizzju għall-emendi li ġejjin:

a)

Referenzi fl-Artikolu 43 għax-xogħol ta' l-BĊE u ta' l-IME jinkludu dak ix-xogħol li jkun għad irid isir wara l-introduzzjoni ta' l-euro minħabba f'xi deċiżjoni tar-Renju Unit li ma jadottax l-euro.

b)

B'żieda max-xogħol imsemmi fl-Artikolu 46, l-BĊE irid ukoll jagħti parir u jikkontribwixxi għat-tħejjija ta' kull deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward tar-Renju Unit meħuda skond paragrafi 9(a) u (c).

c)

Il-Bank of England irid iħallas l-abbonament tiegħu għall-kapital tal-BĊE bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż operattiv relattivi fuq l-istess bażi bħall-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri b'deroga.

9.

Ir-Renju Unit jista' jinnotifika f'kull ħin l-intenzjoni tiegħu li jadotta l-euro. F'dak il-każ:

a)

Ir-Renju Unit għandu jkollu d-dritt li jadotta l-euro iżda biss jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq talba tar-Renju Unit u taħt il-kondizzjonijiet u konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 140, paragrafi 1 u 2, tat- Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, għandu jiddeċiedi jekk hu jissodisfax il-kondizzjonijiet meħtieġa;

b)

Il-Bank of England għandu jħallas il-kapital sottoskritt tiegħu, jittrasferixxi lill-BĊE l-assi ta' riservi barranin u jikkontribwixxi għar-riservi tiegħu fuq l-istess bażi bħall-bank ċentrali nazzjonali ta' Stat Membru li d-deroga tiegħu tkun ġiet abrogata;

c)

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq il-kondizzjonijiet u skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 140(3) tat-Trattat imsemmi, għandu jieħu d-deċiżjonijiet l-oħra kollha meħtieġa sabiex ir-Renju Unit ikun jista' jadotta l-euro.

Jekk ir-Renju Unit jadotta l-euro skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll, il-paragrafi 3 sa 8 għandhom jieqfu milli jibqgħu fis-seħħ.

10.

Minkejja l-Artikoli 123 tat- Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 21.1 ta' l-Istatut, il-gvern tar-Renju Unit jista' jibqa' jżomm il-faċilità ta' ways and means mal-Bank ta' l-Ingilterra jekk u sakemm ir-Renju Unit ma jadottax l-euro.