17.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/84


RAKKOMANDAZZJONI Nru 1/2023 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

tal-24 ta’ Marzu 2023

dwar is-sorveljanza tas-suq u l-infurzar [2023/820]

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 166(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 166(3) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi li r-rakkomandazzjonijiet għandhom isiru b’kunsens reċiproku.

(2)

Skont l-Artikolu 182 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”) jifforma parti integrali minn dak il-Ftehim.

(3)

L-Artikolu 6(2) tal-Protokoll jipprevedi l-istabbiliment ta’ arranġamenti speċifiċi għall-moviment tal-merkanzija fis-suq intern tar-Renju Unit, konsistenti mal-pożizzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq bħala parti mit-territorju doganali tar-Renju Unit f’konformità mal-Protokoll, meta l-merkanzija tkun destinata għall-konsum finali jew għall-użu finali fl-Irlanda ta’ Fuq u fejn ikunu fis-seħħ is-salvagwardji meħtieġa biex tiġiprotetta l-integrità tas-suq intern u tal-unjoni doganali tal-Unjoni f’konformità mal-Protokoll,

GĦAMEL IR-RAKKOMANDAZZJONI LI ĠEJJA:

Artikolu 1

Il-Kumitat Konġunt jirrakkomanda lill-Unjoni u lir-Renju Unit dan li ġej:

 

Fil-kuntest tal-arranġamenti speċifiċi previsti skont l-Artikolu 6(2) tal-Protokoll, jenħtieġ li l-għodod tas-sorveljanza tas-suq u tal-infurzar jintużaw b’mod kollaborattiv għall-monitoraġġ tal-fluss tal-merkanzija u għall-ġestjoni ta’ kwalunkwe riskju li l-merkanzija tista’ tidħol illegalment fl-Unjoni jew fir-Renju Unit.

 

Il-kooperazzjoni msaħħa bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, u bejn ir-Renju Unit u l-awtoritajiet tal-Istati Membri fejn xieraq, jenħtieġ li tirfed dawk l-arranġamenti b’attività effettiva ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ infurzar. Dan jenħtieġ li jappoġġa l-monitoraġġ u l-ġestjoni ta’ dawk l-arranġamenti mingħajr il-ħtieġa ta’ verifiki jew kontrolli fil-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda.

 

Din il-kooperazzjoni tista’ tinkludi l-kondiviżjoni tal-għarfien, l-iskambju ta’ informazzjoni, il-ħidma mal-operaturi u attività konġunta fejn xieraq, b’mod partikolari bejn l-awtoritajiet fl-Irlanda ta’ Fuq u fl-Istati Membri rilevanti, biex jiġu indirizzati l-attività illegali u l-kuntrabandu, jiġi żgurat li l-oġġetti ma jitqegħdux fis-suq li ma jissodisfawx l-istandards applikabbli, u jiġi żgurat li l-attività ta’ infurzar u sorveljanza tingħata prijorità abbażi tar-riskju u l-intelligence. L-awtoritajiet ser jiżguraw ukoll l-għarfien tan-negozji u tal-operaturi dwar l-aċċess għas-suq disponibbli għall-merkanzija li tiċċaqlaq bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni, meta din il-merkanzija tissodisfa r-rekwiżiti applikabbli, f’konformità mal-Protokoll.

 

Jenħtieġ li r-Renju Unit u l-Unjoni jaħdmu b’mod kostruttiv permezz tal-istrutturi tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż il-Kumitat Konġunt, biex jappoġġaw il-funzjonament effettiv tal-arranġamenti l-ġodda, fl-interess tan-nies u tan-negozji fl-Irlanda ta’ Fuq.

Artikolu 2

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha ssir effettiva fil-jum ta’ wara d-data li fiha tkun saret.

Magħmul f’Londra, l-24 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti

Maroš ŠEFČOVIČ

James CLEVERLY


(1)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.