10.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 112/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fit-3 ta’ Jannar 2017 – Sporting Odds Limited vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Irányítása

(Kawża C-3/17)

(2017/C 112/25)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sporting Odds Limited

Konvenuta: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Irányítása

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “TFUE”), il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, kif ukoll ir-rekwiżit li jirrikjedi li r-restrizzjonijiet Statali għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard għandhom jillimitaw dawn l-attivitajiet b’mod koerenti u sistematiku, għan legali li l-Istat Membru jiġġustifika fundamentalment bil-ġlieda kontra l-vizzju għal-logħob u bil-protezzjoni tal-konsumaturi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-monopolju nazzjonali tal-Istat fir-rigward tal-imħatri sportivi u tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel onlajn u offlajn, peress li, barra minn hekk, wara r-riorganizzazzjoni tas-suq deċiża mill-Istat, fornituri ta’ servizzi rregolati bid-dritt privat jistgħu jorganizzaw, f’dan l-istess Stat Membru u f’każinojiet fiżiċi, fil-kuntest ta’ skema ta’ konċessjoni, logħob tal-ażżard ieħor onlajn u offlajn li jinvolvi riskju għoli ta’ vizzju (logħob tal-każino, logħob tal-karti, slot machines, logħob tal-każino onlajn, logħob tal-karti onlajn)?

2)

L-Artikolu 56 TFUE, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni kif ukoll ir-rekwiżit li jirrikjedi li r-restrizzjonijiet Statali għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard għandhom jillimitaw dawn l-attivitajiet b’mod koerenti u sistematiku, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dan l-artikolu jinkiser u dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt jekk jista’ jiġi kkonstatat li r-riorganizzazzjoni tas-suq iġġustifikata bil-ġlieda kontra l-vizzju għal-logħob u bl-għan legali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jkollha bħala konsegwenza u tissarraf konkretament f’żieda kostanti tan-numru ta’ każinojiet, tat-taxxa annwali fuq il-logħob miġbura mingħand il-każinojiet, tal-estimi baġitarju ta’ dħul tal-Istat li joriġina mill-miżata fuq il-konċessjonijiet ta’ każinojiet, ta’ ċippijiet mixtrija mil-lagħba u tas-sommom ta’ flus użati biex wieħed jikseb id-dritt li jilgħab fuq slot machine wara r-riorganizzazzjoni tas-suq deċiża mill-Istat?

3)

L-Artikolu 56 TFUE, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni kif ukoll ir-rekwiżit li jirrikjedi li r-restrizzjonijiet Statali għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard għandhom jillimitaw dawn l-attivitajiet b’mod koerenti u sistematiku, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dan l-artikolu jinkiser u dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt jekk jista’ jiġi kkonstatat li l-introduzzjoni tal-monopolju nazzjonali tal-Istat u l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard awtorizzat minn fornituri privati ta’ servizzi, li huma fundamentalment immotivati bil-ġlieda kontra l-vizzju għal-logħob u bl-għan legali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ikollhom ukoll għan ta’ politika ekonomika, jiġifieri ż-żieda tad-dħul nett li joriġina mill-attivitajiet ta’ logħob u l-ilħuq ta’ livell ta’ profitti partikolarment għoli fis-suq tal-każinojiet fl-iqsar żmien possibbli, għall-finijiet tal-finanzjament ta’ spejjeż baġitarji tal-Istat u servizzi pubbliċi oħra?

4)

L-Artikolu 56 TFUE, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni kif ukoll ir-rekwiżit li jirrikjedi li r-restrizzjonijiet Statali għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard għandhom jillimitaw dawn l-attivitajiet b’mod koerenti u sistematiku, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dan l-artikolu jinkiser u dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt, jew li hemm diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bejn il-fornituri ta’ servizzi jekk jista’ jiġi stabbilit li l-Istat Membru jkun qed ikompli jirriżerva għall-monopolju nazzjonali tal-Istat ċerti servizzi ta’ logħob tal-ażżard onlajn billi jinvoka l-istess raġunijiet ta’ natura pubblika bħal dawk li għalihom, fl-istess ħin, ikun agħmel aċċessibli servizzi oħra ta’ logħob tal-ażżard onlajn billi jagħti numru dejjem ikbar ta’ konċessjonijiet?

5)

L-Artikolu 56 TFUE u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-fatt li l-possibbiltà ta’ ksib ta’ awtorizzazzjoni għal-logħob tal-każino onlajn tkun esklużivament irriżervata għall-fornituri ta’ servizzi li jkollhom każino fiżiku (konċessjoni) fit-territorju tal-Ungerija u li l-fornituri ta’ servizzi li ma għandhomx każino fiżiku fit-territorju tal-Ungerija – inklużi l-fornituri ta’ servizzi li għandhom każino fiżiku fi Stat Membru ieħor – jiġu konsegwentement esklużi minn din il-possibbiltà?

6)

L-Artikolu 56 TFUE u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sitwazzjoni fejn Stat Membru, jew billi jippubblika eventwali sejħa għal offerti għall-għoti ta’ konċessjoni ta’ każino fiżiku, jew billi jippermetti li operatur ta’ logħob tal-ażżard affidabbli jippreżenta spontanjament offerta għall-ksib ta’ konċessjoni ta’ każino fiżiku, fit-teorija jiggarantixxi lil kull fornitur ta’ servizzi – inkluż fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor – li jkun jissodisfa r-rekwiżiti legali, il-possibbiltà li jikseb dritt ta’ konċessjoni biex jopera każino fiżiku u sussegwentement, ladarba jkollu dan id-dritt, awtorizzazzjoni biex jopera każino onlajn, iżda fejn l-Istat Membru kkonċernat ma joħroġx sejħa għal offerti pubblika u trasparenti għall-finijiet tal-għoti tal-konċessjoni, fejn il-fornitur ta’ servizzi fil-prattika lanqas ma jkun jista’ jeżerċità l-possibbiltà li jippreżenta offerta spontanja, u fejn l-awtorità nazzjonali madankollu tikkonstata ksur fil-konfront ta’ fornitur ta’ servizzi li eżerċita l-attività tiegħu mingħajr ma kien detentur ta’ awtorizzazzjoni u timponi fuqu sanzjoni meqjusa li hija sanzjoni amministrattiva?

7)

L-Artikolu 56 TFUE, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni u r-rekwiżit ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni trasparenti, oġġettiva u pubblika għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sitwazzjoni fejn Stat Membru jistabbilixxi sistema ta’ sejħiet għal offerti għall-għoti ta’ konċessjonijiet f’dak li jirrigwarda ċerti servizzi ta’ logħob tal-ażżard, iżda fejn il-korp li jiddeċiedi dwar l-għoti tal-konċessjonijiet jista’, minflok ma jippubblika sejħa għal offerti, jikkonkludi kuntratt ta’ konċessjoni ma ċerti persuni kklassifikati bħala operaturi ta’ logħob tal-ażżard affidabbli, minflok ma jippermetti li l-fornituri ta’ servizzi kollha jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti taħt kundizzjonijiet identiċi billi jippubblika sejħa għal offerti waħda għall-għoti ta’ konċessjonijiet?

8)

Jekk ir-risposta għas-seba’ domanda tkun waħda negattiva, u jekk Stat Membru jkun jista’ jistabbilixxi diversi tipi ta’ proċeduri li jippermettu l-ksib tal-istess konċessjoni, dan l-Istat Membru għandu, abbażi tal-Artikolu 56 TFUE, jiggarantixxi l-ekwivalenza tagħhom biex jiżgura l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati ma din il-libertà fundamentali, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni trasparenti, oġġettiva u pubblika, kif ukoll tal-ugwaljanza fit-trattament?

9)

Il-fatt li la f’każ u lanqas f’ieħor ma tiġi ggarantita l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju jew ta’ rimedju effettiv ieħor kontra d-deċiżjoni tal-għoti tal-konċessjoni, jaffettwa r-risposta li għandha tingħata għad-domandi 6 sa 8?

10)

L-Artikolu 56 TFUE, il-prinċipju ta’ lealtà previst fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “TUE”) kif ukoll il-prinċipju ta’ awtonomija istituzzjonali u proċedurali, ikkunsidrati flimkien mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u r-rekwiżit tad-dritt għal-rimedju ġudizzjarju effettiv u tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw minnu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali adita fil-kawża prinċipali tista’, fil-kuntest tal-eżami tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-kuntest tal-eżami tan-natura neċessarja u proporzjonali tar-restrizzjoni imposta mill-Istat Membru, tordna u tmexxi ex officio eżami u proċedura ta’ perizja, inkluż fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam ta’ proċedura kontenzjuża ma tawtorizzahiex tagħmel dan?

11)

L-Artikolu 56 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta u mar-rekwiżit tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw minnu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali adita fil-kawża prinċipali ma tistax, fil-kuntest tal-eżami tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-kuntest tal-eżami tan-natura neċessarja u proporzjonali tar-restrizzjoni imposta mill-Istat Membru, tqiegħed l-oneru tal-prova fuq il-fornitur ta’ servizzi kkonċernat mir-restrizzjoni, iżda li huwa l-Istat Membru u, b’mod konkret, l-awtorità ta’ dan l-Istat Membru li tkun ħadet id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, li għandu jiġġustifika u jipprova l-konformità mad-dritt tal-Unjoni u n-natura neċessarja u proporzjonata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, u li l-assenza ta’ tali turija, fiha nnifisha, għandha bħala konsegwenza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra d-dritt tal-Unjoni?

12)

L-Artikolu 56 TFUE, fid-dawl ta’ dritt għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, tad-dritt għal smigħ previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, u tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, kif ukoll f’dak tal-klawżola ta’ lealtà prevista fl-Artikolu 4(3) TUE, b’mod parallel, madankollu, għall-prinċipju ta’ awtonomija istituzzjonali u proċedurali fl-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn ir-rekwiżiti ma jkunux issodisfatti meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, konformement ma’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, ma tinformax lil fornitur li jipproponi servizz ta’ logħob tal-ażżard dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva, ma tipprovax, fi stadju sussegwenti tal-proċedura amministrattiva, tikseb l-opinjoni tiegħu dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, u timponi, fil-kuntest ta’ proċedura b’istanza waħda, sanzjoni meqjusa li hija ta’ natura amministrattiva mingħajr ma tispjega fid-dettall, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni, din il-kompatibbiltà u l-provi li jsostnuha?

13)

Fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE, tal-Artikolu 41(1) u (2)(a), kif ukoll tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, u tar-rekwiżit tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw minnu, ir-rekwiżiti li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet jiġu ssodisfatti jekk il-possibbiltà li l-fornitur ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard jikkontesta l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tista’ tkun tiġi eżerċitata esklużivament, u għall-ewwel darba, quddiem il-qorti nazzjonali?

14)

L-Artikolu 56 TFUE, kif ukoll l-obbligu tal-Istat Membru li jiġġustifika jew jimmotiva restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru ma jkunx issodisfa dan l-obbligu jekk ma tkun teżisti, kemm jekk fid-data ta’ meta ġiet deċiża r-restrizzjoni, kif ukoll fid-data ta’ meta din tkun ġiet eżaminata, ebda analiżi rilevanti tal-effetti ta’ din ir-restrizzjoni li tikkonferma li din għandha għanijiet ta’ ordni pubbliku?

15)

Fid-dawl tal-limiti legali stabbiliti għall-ammont tal-multa amministrattiva li tista’ tiġi imposta, tan-natura tal-attività affettwata minn din is-sanzjoni u, b’mod partikolari, tal-fatt li din tkun attività sensittiva fir-rigward tal-ordni pubblika u tas-sigurtà pubblika, kif ukoll fid-dawl tal-iskop repressiv tal-multa, jista’ jitqies, abbażi tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li l-multa amministrattiva kontenzjuża hija “ta’ natura kriminali”, u din iċ-ċirkustanza għandha effett fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi 11 sa 14.

16)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn, abbażi tar-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi magħmula iktar ’il fuq, il-qorti adita fil-kawża prinċipali tikkonstata li l-leġiżlazzjoni u l-applikazzjoni tagħha jkunu illegali, hija għandha tiddeċiedi li anki s-sanzjoni, ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma hijiex konformi mal-Artikolu 56 TFUE, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni?