5.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 463/21


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Ottubru 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Is-Slovakkja

(Kawża C-668/22)

(2022/C 463/28)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Sasinowska, G. Wilms, R. Lindenthal, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Slovakka

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billa ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tilħaq ċerti riżultati li jirriżultaw mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2009 (1) tas-16 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi rekwiżiti dwar servizzi ta’ kollegament tad-dejta għall-Ajru Uniku Ewropew, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2009;

tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 29/2009 jipprevedi li l-fornituri tal-ATS għandhom jiżguraw li l-unitajiet tal-ATS li jipprovdu servizzi tat-traffiku tal-ajru fi ħdan l-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 1(3) ikollhom il-kapaċità li jipprovdu u jħaddmu s-servizzi ta’ kollegament tad-data ddefiniti fl-Anness II tal-imsemmi regolamemt. Is-servizzi tad-data ddefiniti fl-Anness II huma: il-funzjoni li jinbdew komunikazzjonijiet tal-kollegament tad-data (DLIC), is-servizz tal-ġestjoni tal-komunikazzjonijiet tal-ATS (ACM), is-servizz ta’ awtorizzazzjoni u ta’ informazzjoni tal-ATC (ACL) u s-servizz ta’ ċċekkjar tal-mikrofonu tal-ATC (AMC). Bi ksur tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 29/2009, il-fornitur tal-ATS innominat mir-Repubblika Slovakka ma żgurax li l-unitajiet tal-ATS ikollhom il-kapaċità li jipprovdu u jħaddmu s-servizzi ta’ kollegament tad-data ddefiniti fl-Anness II ta’ dan ir-regolament. Fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni mmotivata, ir-Repubblika Slovakka ma adottatx il-miżuri neċessarji fis-sens tal-Artikolu 4(3) TUE sabiex il-fornitur tal-ATS innominat minnha jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 29/2009.


(1)  ĠU 2009, L 13, p. 3, rettifika fil-ĠU 2009, L 104, p. 58.