16.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/15


DIRETTIVA (UE) 2022/2464 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Diċembru 2022

li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2019 bit-titolu “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (il-“Patt Ekoloġiku”), il-Kummissjoni Ewropea ħadet impenn li tirrieżamina d-dispożizzjonijiet dwar ir-rapportar mhux finanzjarju tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Il-Patt Ekoloġiku huwa l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni għat-tkabbir. Għandu l-għan li jittrasforma l-Unjoni f’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva mingħajr emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra sal-2050. Għandu wkoll l-għan li jipproteġi, jikkonserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni, u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni minn riskji u minn impatti relatati mal-ambjent. Il-Patt Ekoloġiku għandu l-għan li jissepara t-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi, u li jiżgura li r-reġjuni u ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jipparteċipaw fi tranżizzjoni soċjalment ġusta għal sistema ekonomika sostenibbli li biha ħadd u mkien ma jitħalla jaqa’ lura. Se jikkontribwixxi għall-objettiv li tinbena ekonomija li taħdem għan-nies, filwaqt li jsaħħaħ l-ekonomija tas-suq soċjali tal-Unjoni, jgħin sabiex jiġi żgurat li tkun lesta għall-futur u jwassal għal stabbiltà, għal impjiegi, għal tkabbir u għal investiment sostenibbli.

Dawn l-għanijiet huma partikolarment importanti meta jitqiesu l-ħsara soċjoekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u l-ħtieġa għal irkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jagħmel l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 vinkolanti fl-Unjoni. Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna”, il-Kummissjoni tieħu l-impenn li tiżgura li sal-2050 l-ekosistemi kollha tad-dinja jiġu restawrati, ikunu reżiljenti u jkunu protetti b’mod adegwat. Dik l-istrateġija għandha l-għan li tpoġġi l-bijodiversità tal-Ewropa fit-triq tal-irkupru sal-2030.

(2)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2018 intitolata “Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” (il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli”), il-Kummissjoni stabbiliet miżuri sabiex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin: l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-flussi kapitali lejn l-investiment sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv, jiġu ġestiti r-riskji finanzjarji li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tar-riżorsi, id-degradazzjoni ambjentali u kwistjonijiet soċjali, u titrawwem it-trasparenza u l-ippjanar fit-tul fl-attività finanzjarja u ekonomika. Id-divulgazzjoni minn ċerti kategoriji ta’ impriżi ta’ informazzjoni rilevanti, komparabbli u affidabbli dwar is-sostenibbiltà hija prerekwiżit sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw għadd ta’ atti leġiżlattivi bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli. Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jirregola kif il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji jiddivulgaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà lill-investituri finali u lis-sidien tal-assi.

Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) joħloq sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli bl-għan li jiżdiedu l-investimenti sostenibbli u jiġi miġġieled il-greenwashing ta’ prodotti finanzjarji li jiddikjaraw li huma sostenibbli meta dan ma jkunx xieraq. Ir-Regolament (UE) 2019/2089 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), ikkomplementat bir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2020/1816 (8), (UE) 2020/1817 (9) u (UE) 2020/1818 (10), jintroduċi rekwiżiti ta’ divulgazzjoni ambjentali, soċjali u ta’ governanza (“ESG”) għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji u standards minimi għall-bini ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u ta’ Parametri Referenzjarji tal-UE Allinjati ma’ Pariġi.

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) jirrikjedi li istituzzjonijiet kbar li jkunu ħarġu titoli li huma ammessi għan-negozjar f’suq regolat jiddivulgaw informazzjoni dwar ir-riskji tal-ESG mit-28 ta’ Ġunju 2022. Il-qafas prudenzjali għad-ditti tal-investiment stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u bid-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) fih dispożizzjonijiet dwar l-introduzzjoni ta’ dimensjoni tar-riskju tal-ESG fil-Proċess ta’ Rieżami u ta’ Evalwazzjoni Superviżorji (“SREP”) mill-awtoritajiet kompetenti, u fih ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tar-riskju tal-ESG għad-ditti tal-investiment, applikabbli mis-26 ta’ Diċembru 2022. Fis-6 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej, b’segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli.

(3)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-17 ta’ Ġunju 2019 bit-titolu “Linji gwida dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju: Suppliment dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni relatata mal-klima” (“Linji Gwida dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni relatata mal-klima”), il-Kummissjoni enfasizzat il-benefiċċji għall-kumpaniji meta jsir rapportar dwar informazzjoni relatata mal-klima b’mod partikolari billi jżidu s-sensibilizzazzjoni u l-fehim ta’ riskji u opportunitajiet marbuta mal-klima fi ħdan il-kumpanija, jiddiversifikaw il-bażi tal-investituri, joħolqu kost inqas tal-kapital u jtejbu d-djalogu kostruttiv mal-partijiet ikkonċernati kollha. Barra minn hekk, id-diversità fuq il-bordijiet tal-kumpaniji jista’ jkollha influwenza fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet, il-governanza korporattiva u r-reżiljenza.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Diċembru 2019 dwar l-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-Kunsill enfasizza l-importanza ta’ informazzjoni affidabbli, komparabbli u rilevanti dwar ir-riskji għas-sostenibbiltà, l-opportunitajiet u l-impatti, u stieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li jiġi żviluppat standard Ewropew tar-rapportar mhux finanzjarju.

(5)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Mejju 2018 dwar il-finanzi sostenibbli (14), il-Parlament Ewropew talab l-iżvilupp ulterjuri tar-rekwiżiti ta’ rapportar mhux finanzjarju fil-qafas tad-Direttiva 2013/34/UE. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar governanza korporattiva sostenibbli (15), il-Parlament Ewropew laqa’ tajjeb l-impenn tal-Kummissjoni li tirrieżamina d-Direttiva 2013/34/UE u esprima l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas komprensiv tal-Unjoni dwar ir-rapportar mhux finanzjarju li jkun fih standards obbligatorji tal-Unjoni għar-rapportar mhux finanzjarju. Il-Parlament Ewropew talab l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar għal kategoriji addizzjonali ta’ impriżi u għall-introduzzjoni ta’ rekwiżit ta’ awditjar.

(6)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2015 bit-titolu “Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development” (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (l-“Aġenda 2030”), l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) adottat qafas globali ġdid għall-iżvilupp sostenibbli. L-Aġenda 2030 għandha fil-qalba tagħha l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (“SDGs”) u tkopri t-tliet dimensjonijiet tas-sostenibbiltà: dik ekonomika, dik soċjali u dik ambjentali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2016 bit-titolu “Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli: Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà”, rabtet l-SDGs mal-qafas ta’ politika tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet u l-inizjattivi ta’ politika kollha tal-Unjoni, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha, jieħdu dawk l-għanijiet f’kunsiderazzjoni sa mill-bidu nett. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2017 dwar “Ġejjieni Ewropew sostenibbli: Tweġiba tal-UE għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”, il-Kunsill ikkonferma l-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 b’mod sħiħ, koerenti, komprensiv, integrat u effettiv, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn.

(7)

Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) emendat id-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja minn ċerti impriżi u gruppi kbar. Id-Direttiva 2014/95/UE introduċiet rekwiżit fuq l-impriżi sabiex jirrapportaw informazzjoni dwar, bħala minimu, kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim. Fir-rigward ta’ dawk is-suġġetti, id-Direttiva 2014/95/UE talbet lill-impriżi jiddivulgaw informazzjoni skont l-oqsma ta’ rapportar li ġejjin: mudell kummerċjali; politiki, inklużi proċessi ta’ diliġenza dovuta; l-eżitu ta’ dawk il-politiki; ġestjoni tar-riskju u tal-kriżijiet; u l-indikaturi prinċipali tal-prestazzjoni relevanti għan-negozju.

(8)

Ħafna partijiet ikkonċernati jqisu li t-terminu “mhux finanzjarju” mhuwiex preċiż, b’mod partikolari minħabba li jimplika li l-informazzjoni inkwistjoni ma għandhiex rilevanza finanzjarja. Madankollu, u dejjem aktar, tali informazzjoni għandha rilevanza finanzjarja. Ħafna organizzazzjonijiet, inizjattivi u prattikanti fil-qasam tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jirreferu għall-“informazzjoni dwar is-sostenibbiltà”. Għalhekk, huwa preferibbli li jintuża t-terminu “informazzjoni dwar is-sostenibbiltà” minflok “informazzjoni mhux finanzjarja”. Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2013/34/UE tiġi emendata sabiex tqis dak it-tibdil fit-terminoloġija.

(9)

Jekk l-impriżi wettqu rapportar aħjar dwar is-sostenibbiltà, fl-aħħar mill-aħħar il-benefiċjarji jkunu ċ-ċittadini individwali u l-faddala, inklużi t-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema li jkunu infurmati b’mod adegwat u b’hekk ikunu jistgħu jimpenjaw ruħhom aħjar fid-djalogu soċjali. Il-faddala li jridu jinvestu b’mod sostenibbli se jkollhom l-opportunità li jagħmlu dan, filwaqt li ċ-ċittadini kollha jibbenefikaw minn sistema ekonomika stabbli, sostenibbli u inklużiva. Sabiex jinkisbu tali benefiċċji, l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà ddivulgata fir-rapporti annwali tal-impriżi l-ewwel trid tilħaq żewġ gruppi primarji ta’ utenti. L-ewwel grupp ta’ utenti jikkonsisti fl-investituri, li jinkludu l-maniġers tal-assi, li jridu jifhmu aħjar ir-riskji u l-opportunitajiet li l-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà joħolqu għall-investimenti tagħhom u l-impatti ta’ dawk l-investimenti fuq in-nies u fuq l-ambjent. It-tieni grupp ta’ utenti jikkonsisti f’atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi u sħab soċjali, li jixtiequ jżommu lill-impriżi aktar responsabbli għall-impatti tagħhom fuq in-nies u fuq l-ambjent. Partijiet ikkonċernati oħrajn jistgħu jagħmlu użu wkoll mill-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà ddivulgata fir-rapporti annwali, b’mod partikolari biex titrawwem il-komparabbiltà bejn is-setturi tas-suq u fi ħdanhom.

Is-sħab kummerċjali tal-impriżi, inklużi l-klijenti, jistgħu jiddependu fuq l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà sabiex jifhmu u, fejn meħtieġ, jirrapportaw dwar ir-riskji u l-impatti tagħhom għas-sostenibbiltà permezz tal-ktajjen tal-valur tagħhom stess. Dawk li jfasslu l-politika u l-aġenziji ambjentali jistgħu jużaw tali informazzjoni, b’mod partikolari fuq bażi aggregata, sabiex jimmonitorjaw ix-xejriet ambjentali u soċjali, sabiex jikkontribwixxu għall-kontijiet ambjentali, u sabiex jinformaw il-linji politiċi pubbliċi. Ftit ċittadini individwali u konsumaturi jikkonsultaw direttament ir-rapporti annwali tal-impriżi, iżda jista’ jkun li jużaw tali informazzjoni dwar is-sostenibbiltà indirettament, pereżempju, meta jikkunsidraw il-parir jew l-opinjonijiet ta’ konsulenti finanzjarji jew ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi. Ħafna investituri u maniġers tal-assi jixtru informazzjoni dwar is-sostenibbiltà minn fornituri tad-data terzi, li jiġbru informazzjoni minn diversi sorsi, inklużi rapporti korporattivi pubbliċi.

(10)

Is-suq għall-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà qed jikber b’rata mgħaġġla, u r-rwol tal-fornituri tad-data terzi qed jikseb importanza akbar minħabba l-obbligi l-ġodda li l-investituri u l-maniġers tal-assi jeħtieġu jissodisfaw. Biż-żieda fid-disponibbiltà ta’ data diżaggregata, l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà jenħtieġ li tiġi bi spiża aktar raġonevoli. L-emendi lid-Direttiva 2013/34/UE previsti f’din id-Direttiva emendatorja huma mistennija li jżidu l-komparabbiltà tad-data u jarmonizzaw l-istandards. Huwa mistenni li l-prattiki tal-fornituri tad-data terzi se jitjiebu u li l-għarfien espert f’dan il-qasam jikber, b’potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(11)

Kien hemm żieda sinifikanti ħafna fid-domanda għal informazzjoni dwar is-sostenibbiltà korporattiva f’dawn l-aħħar snin, speċjalment min-naħa tal-komunità tal-investiment. Dik iż-żieda fid-domanda hija xprunata min-natura li qed tinbidel tar-riskji għall-impriżi u mis-sensibilizzazzjoni dejjem akbar tal-investituri dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ dawk ir-riskji. Dan huwa partikolarment il-każ għal riskji finanzjarji relatati mal-klima. Teżisti wkoll sensibilizzazzjoni li qed tikber dwar ir-riskji u l-opportunitajiet għall-impriżi u għall-investimenti li jirriżultaw minn kwistjonijiet ambjentali oħrajn, bħat-telf tal-bijodiversità, u minn kwistjonijiet tas-saħħa u soċjali, inkluż kwistjonijiet dwar it-tħaddim tat-tfal u x-xogħol furzat. Iż-żieda fid-domanda għal informazzjoni dwar is-sostenibbiltà hija xprunata wkoll mit-tkabbir fil-prodotti ta’ investiment li espliċitament ifittxu li jissodisfaw ċerti standards ta’ sostenibbiltà jew li jilħqu ċerti objettivi ta’ sostenibbiltà u biex tiġi żgurata koerenza mal-ambizzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima adottat fit-12 ta’ Diċembru 2015 (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika u l-politiki tal-Unjoni. Parti minn dik iż-żieda hija l-konsegwenza loġika tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata qabel, b’mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2019/2088 u (UE) 2020/852. Parti minn dik iż-żieda kienet isseħħ xorta waħda, minħabba s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini, il-preferenzi tal-konsumaturi u l-prattiki tas-suq li qed jinbidlu malajr. Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet taċċellera ż-żieda fil-ħtiġijiet tal-informazzjoni tal-utenti, b’mod partikolari peress li kixfet il-vulnerabbiltajiet tal-ħaddiema u tal-ktajjen tal-valur tal-impriżi. L-informazzjoni dwar l-impatti ambjentali hija rilevanti wkoll fil-kuntest tal-mitigazzjoni ta’ pandemiji futuri, peress li d-disturb mill-bniedem tal-ekosistemi qed ikun dejjem aktar marbut mal-okkorrenza u mat-tixrid tal-mard.

(12)

L-impriżi nfushom jistgħu jibbenefikaw mit-twettiq ta’ rapportar ta’ kwalità għolja dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. It-tkabbir fl-għadd ta’ prodotti ta’ investiment li għandhom l-għan li jsegwu objettivi ta’ sostenibbiltà jfisser li rapportar tajjeb ta’ sostenibbiltà jista’ jtejjeb l-aċċess ta’ impriża għall-kapital finanzjarju. Ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà jista’ jgħin lill-impriżi jidentifikaw u jimmaniġġjaw ir-riskji u l-opportunitajiet tagħhom stess relatati ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. Dan jista’ jipprovdi bażi għal djalogu u għal komunikazzjoni aħjar bejn l-impriżi u l-partijiet ikkonċernati tagħhom, u jista’ jgħin lill-impriżi jtejbu r-reputazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, bażi konsistenti għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà fil-forma ta’ standards tar-rapportar ta’ sostenibbiltà twassal għall-forniment ta’ informazzjoni rilevanti u suffiċjenti u b’hekk tnaqqas b’mod sinifikanti t-talbiet ad hoc għall-informazzjoni.

(13)

Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-21 ta’ April 2021 dwar il-klawżoli ta’ rieżami fid-Direttivi 2013/34/UE, 2014/95/UE u 2013/50/UE u l-kontroll tal-idoneità li jakkumpanjah dwar il-qafas tal-UE għar-rapportar pubbliku mill-kumpaniji (“Rapport tal-Kummissjoni dwar il-klawżoli ta’ rieżami u l-kontroll tal-idoneità li jakkumpanjah”) identifika problemi dwar l-effettività tad-Direttiva 2014/95/UE. Hemm evidenza sinifikanti li ħafna impriżi ma jiddivulgaw l-ebda informazzjoni materjali dwar l-ebda suġġett ewlieni relatat mas-sostenibbiltà, inkluża informazzjoni relatata mal-klima bħall-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet serra, u fatturi li jaffettwaw il-bijodiversità. Ir-rapport identifika wkoll il-komparabbiltà u l-affidabbiltà limitati tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà bħala problemi sinifikanti. Barra minn hekk, ħafna impriżi li minnhom l-utenti jeħtieġu informazzjoni dwar is-sostenibbiltà mhumiex obbligati jirrapportaw tali informazzjoni. Għaldaqstant, hemm ħtieġa ċara ta’ qafas ta’ rapportar robust u affordabbli li jkun akkumpanjat minn prattiki ta’ awditjar effettivi biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tad-data u jiġu evitati l-greenwashing u l-għadd doppju.

(14)

Fin-nuqqas ta’ azzjoni politika, id-distakk bejn il-ħtiġijiet tal-informazzjoni tal-utenti u l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà pprovduta mill-impriżi mistenni li jikber. Dak id-distakk għandu konsegwenzi negattivi sinifikanti. L-investituri ma jistgħux iqisu biżżejjed ir-riskji u l-opportunitajiet relatati mas-sostenibbiltà fid-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom. L-aggregazzjoni ta’ diversi deċiżjonijiet ta’ investiment li ma jqisux b’mod adegwat ir-riskji relatati mas-sostenibbiltà għandha l-potenzjal li toħloq riskji sistemiċi li jheddu l-istabbiltà finanzjarja. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja ġibdu l-attenzjoni lejn dawk ir-riskji sistemiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-klima. L-investituri huma wkoll anqas kapaċi jidderieġu r-riżorsi finanzjarji lejn l-impriżi u l-attivitajiet ekonomiċi li jindirizzaw u li ma jaggravawx il-problemi soċjali u ambjentali, u dan jimmina l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli u l-Ftehim ta’ Pariġi. L-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-sħab soċjali, il-komunitajiet affettwati mill-attivitajiet tal-impriżi, u partijiet ikkonċernati oħrajn huma anqas kapaċi jżommu lill-impriżi responsabbli għall-impatti tagħhom fuq in-nies u fuq l-ambjent. Dan joħloq defiċit fir-responsabbiltà, u jista’ jwassal għal livelli aktar baxxi ta’ fiduċja taċ-ċittadini fin-negozji, u dan imbagħad jista’ jkollu impatti negattivi fuq il-funzjonament effiċjenti tal-ekonomija soċjali tas-suq. In-nuqqas ta’ metrika u ta’ metodi ġeneralment aċċettati għall-kejl, għall-valwazzjoni u għall-immaniġġjar tar-riskji relatati mas-sostenibbiltà huwa wkoll ostaklu għall-isforzi tal-impriżi sabiex jiżguraw li l-mudelli u l-attivitajiet kummerċjali tagħhom ikunu sostenibbli. In-nuqqas ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà provduta mill-impriżi jillimita wkoll il-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-atturi tas-soċjetà ċivili, it-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema, li jidħlu fi djalogu mal-impriżi dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà.

(15)

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-klawżoli ta’ rieżami u l-kontroll tal-idoneità li jakkumpanjah ukoll identifika żieda sinifikanti fit-talbiet magħmula lill-impriżi għall-informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltàbil-mira li jiġi indirizzat id-distakk eżistenti fl-informazzjoni bejn il-ħtiġijiet tal-informazzjoni tal-utenti u l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà korporattiva disponibbli. Barra minn hekk, l-aspettattivi kontinwi fuq l-impriżi sabiex jużaw varjetà ta’ oqfsa u ta’ standards differenti x’aktarx li jkomplu u jistgħu saħansitra jintensifikaw hekk kif il-valur imqiegħed fuq l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà jkompli jikber. Fin-nuqqas ta’ azzjoni politika sabiex jinbena kunsens dwar l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jirrapportaw, se jkun hemm żidiet sinifikanti f’dawk li huma kostijiet u piż għall-impriżi li jirrapportaw u għall-utenti ta’ tali informazzjoni.

(16)

Id-distakk eżistenti fl-informazzjoni jagħmilha aktar probabbli li l-Istati Membri individwali jintroduċu regoli jew standards nazzjonali dejjem aktar diverġenti. Rekwiżiti differenti ta’ rapportar fi Stati Membri differenti jistgħu joħolqu kostijiet u kumplessità addizzjonali għall-impriżi li joperaw min-naħa għall-oħra tal-fruntieri u għalhekk idgħajfu s-suq intern, u jistgħu jdgħajfu d-dritt tal-istabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital madwar l-Unjoni. Tali rekwiżiti differenti ta’ rapportar jistgħu wkoll jagħmlu l-informazzjoni rrapportata anqas komparabbli bejn il-fruntieri, u b’hekk ixekklu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

(17)

L-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE japplikaw għall-impriżi kbar li huma entitajiet ta’ interess pubbliku b’għadd medju ta’ impjegati li jaqbeż il-500, u għall-entitajiet ta’ interess pubbliku li huma impriżi prinċipali ta’ grupp kbir b’għadd medju ta’ impjegati li jaqbeż il-500 fuq bażi kkonsolidata, rispettivament. Fid-dawl taż-żieda fil-ħtiġijiet tal-utenti għall-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li kategoriji addizzjonali ta’ impriżi jkunu meħtieġa jirrapportaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. Għalhekk huwa xieraq li l-impriżi l-kbar kollha u l-impriżi kollha, bl-eċċezzjoni tal-impriżi mikro, li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni, jintalbu jirrapportaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva emendatorja li temenda l-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE jistipulaw b’mod espliċitu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar b’referenza għall-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2013/34/UE. Għalhekk, dawn la jissimplifikaw u lanqas ma jimmodifikaw rekwiżit ieħor u r-restrizzjoni ta’ eżenzjonijiet għall-entitajiet ta’ interess pubbliku prevista fl-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/34/UE ma tapplikax. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-entitajiet ta’ interess pubbliku ma jiġux ittrattati bħala impriżi kbar għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-impriżi żgħar u medji li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni li huma entitajiet ta’ interess pubbliku jitħallew jirrapportaw f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-impriżi żgħar u medji. Barra minn hekk, l-impriżi kollha li huma impriżi prinċipali ta’ gruppi kbar jenħtieġ li jħejju r-rapportar dwar is-sostenibbiltà fil-livell tal-grupp. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852 jirreferi għall-Artikolu 19a u l-Artikolu 29a tad-Direttiva 2013/34/UE, l-impriżi miżjuda mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà se jkollhom jikkonformaw ukoll mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852.

(18)

Ir-rekwiżit previst f’din id-Direttiva emendatorja li anki l-impriżi kbar li t-titoli tagħhom ma jkunux ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni jenħtieġ li jiddivulgaw informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà huwa prinċipalment ġustifikat mit-tħassib dwar l-impatti u r-responsabbiltà ta’ tali impriżi, inkluż permezz tal-katina tal-valur tagħhom. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-impriżi l-kbar kollha jkunu soġġetti għall-istess rekwiżiti li jirrapportaw l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà pubblikament. Barra minn hekk, il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jeħtieġu wkoll informazzjoni minn dawk l-impriżi l-kbar li t-titoli tagħhom ma jkunux ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni.

(19)

Ir-rekwiżit previst f’din id-Direttiva emendatorja li l-impriżi terzi li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni wkoll jenħtieġ li jiddivulgaw informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, għandu l-għan li jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji ta’ informazzjoni mingħand tali impriżi sabiex ikunu jistgħu jifhmu r-riskji u l-impatti tal-investimenti tagħhom u sabiex tinżamm konformità mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2088.

(20)

Jenħtieġ li anke l-impriżi ta’ pajjiżi terzi li jkollhom attività sinifikanti fit-territorju tal-Unjoni jkunu obbligati wkoll jipprovdu informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, speċjalment dwar l-impatti tagħhom fuq kwistjonijiet soċjali u ambjentali, sabiex jiġi żgurat li l-impriżi ta’ pajjiżi terzi jkunu responsabbli għall-impatti tagħhom fuq in-nies u fuq l-ambjent u li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji li joperaw fis-suq intern. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi ta’ pajjiżi terzi li jiġġeneraw fatturat nett ta’ aktar minn EUR 150 miljun fl-Unjoni u li jkollhom impriża sussidjarja jew fergħa fit-territorju tal-Unjoni jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà. Sabiex jiġu żgurati l-proporzjonalità u l-infurzabbiltà ta’ tali rekwiżiti, jenħtieġ li l-limitu li jkun hemm fatturat nett ta’ aktar minn EUR 40 miljun jiġi applikat għall-fergħat ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi, u l-limitu relatat biex impriża titqies bħala impriża kbira jew impriża żgħira jew ta’ daqs medju, bl-eċċezzjoni ta’ impriżi mikro, li t-titoli tagħha jkunu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni jenħtieġ li japplika għall-impriżi sussidjarji ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi, peress li tali impiżi sussidjarji u fergħat jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-pubblikazzjoni tar-rapport dwar is-sostenibbiltà tal-impriża ta’ pajjiż terz. Ir-rapporti dwar is-sostenibbiltà ppubblikati mill-impriża sussidjarja jew mill-fergħa ta’ impriża ta’ pajjiż terz jenħtieġ li jitħejjew f’konformità mal-istandards li mistennija jiġu adottati sat-30 ta’ Ġunju 2024 mill-Kummissjoni permezz ta’ atti delegati.

Jenħtieġ li l-impriża sussidjarja jew il-fergħa ta’ impriża ta’ pajjiż terz tkun kapaċi wkoll tirrapporta skont l-istandards li japplikaw għall-impriżi stabbiliti fl-Unjoni, jew skont standards li jitqiesu ekwivalenti skont att ta’ implimentazzjoni. Fil-każ li mhux l-informazzjoni kollha meħtieġa skont din id-Direttiva emendatorja tiġi pprovduta mill-impriża ta’ pajjiż terz, minkejja l-aħjar sforzi tal-impriża sussidjarja jew tal-fergħa ta’ dik l-impriża ta’ pajjiż terz biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa, dik l-impriża sussidjarja jew dik il-fergħa jenħtieġ li tipprovdi l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħha u toħroġ dikjarazzjoni li tindika li l-impriża ta’ pajjiż terz ma tkunx għamlet il-bqija tal-informazzjoni meħtieġa disponibbli. Sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-affidabbiltà tar-rapportar, jenħtieġ li r-rapporti dwar is-sostenibbiltà tal-impriżi ta’ pajjiżi terzi jiġu ppubblikati akkumpanjati minn opinjoni ta’ aċċertament espressa minn persuna jew ditta awtorizzata li tagħti opinjoni dwar l-affidabbiltà ta’ rapportar dwar is-sostenibilità, jew skont il-liġi nazzjonali tal-impriża ta’ pajjiż terz jew ta’ Stat Membru. Fil-każ li tali opinjoni ta’ aċċertament ma tiġix ipprovduta, jenħtieġ li l-impriża sussidjarja jew il-fergħa tal-impriża ta’ pajjiż terz toħroġ dikjarazzjoni li tindika li l-impriża ta’ pajjiż terz ma pprovdietx l-opinjoni ta’ aċċertament meħtieġa. Ir-rapport dwar is-sostenibbiltà jenħtieġ li jintgħamel aċċessibbli mingħajr ħlas għall-pubbliku permezz tar-reġistri ċentrali, kummerċjali jew tal-kumpaniji tal-Istati Membri, jew inkella fuq is-sit web tal-impriża sussidjarja jew tal-fergħa tal-impriża ta’ pajjiż terz.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jinfurmaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwali dwar l-impriżi sussidjarji jew il-fergħat tal-impriżi ta’ pajjiżi terzi li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżit ta’ pubblikazzjoni u dwar il-każijiet fejn ikun ġie ppubblikat rapport iżda l-impriża sussidjarja jew il-fergħa tal-impriża ta’ pajjiż terz tkun iddikjarat li ma setgħetx tikseb l-informazzjoni meħtieġa mill-impriża ta’ pajjiż terz. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel pubblikament disponibbli fuq is-sit web tagħha lista tal-impriżi ta’ pajjiżi terzi li jkunu ppubblikaw rapport dwar is-sostenibbiltà.

(21)

Meta titqies ir-rilevanza dejjem akbar tar-riskji relatati mas-sostenibbiltà u filwaqt li jitqies li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni jiffurmaw proporzjon sinifikanti tal-impriżi kollha li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investitur, huwa xieraq li jkun meħtieġ li anke l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, bl-eċċezzjoni ta’ impriżi mikro, li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni jiddivulgaw informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. L-introduzzjoni ta’ tali rekwiżit se jgħin sabiex jiġi żgurat li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jkunu jistgħu jinkludu impriżi iżgħar li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni f’portafolli ta’ investiment, fuq il-bażi li huma jirrapportaw l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li jeħtieġu l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji.

Għalhekk, din ser tgħin sabiex tipproteġi u ttejjeb l-aċċess ta’ impriżi iżgħar li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni għall-kapital finanzjarju, u tevita d-diskriminazzjoni kontra tali impriżi min-naħa tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji. L-introduzzjoni tar-rekwiżit li l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, bl-eċċezzjoni tal-impriżi mikro, li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni jiddivulgaw informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà hija meħtieġa wkoll sabiex jiġi żgurat li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jkollhom l-informazzjoni li jeħtieġu mingħand l-impriżi destinatarji ta’ investiment sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom stess stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2088. Jenħtieġ li l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni jingħataw il-possibbiltà li jirrapportaw skont standards li jkunu proporzjonati mal-kapaċitajiet u mar-riżorsi tagħhom, u rilevanti għall-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom. L-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li t-titoli tagħhom ma jkunux ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni jenħtieġ li jkollhom ukoll il-possibbiltà li jagħżlu li jużaw tali standards proporzjonati fuq bażi volontarja.

L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju ser jikkostitwixxu referenza għall-impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti introdotti minn din id-Direttiva emendatorja fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li huma jistgħu jitolbu b’mod raġonevoli mingħand il-fornituri u mingħand l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-mikroimpriżi li huma fornituri jew klijenti fil-ktajjen tal-valur ta’ tali impriżi. Barra minn hekk, l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien sabiex iħejju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jeħtieġu rappurtar dwar is-sostenibbiltà, minħabba d-daqs iżgħar u r-riżorsi aktar limitati tagħhom, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi ekonomiċi diffiċli maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar ir-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà fir-rigward tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni, jibdew japplikaw għal snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2026 jew wara. Wara dik id-data, għal perjodu tranżitorju ta’ sentejn, jenħtieġ li l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni jkollhom il-possibbiltà li ma jipparteċipawx fir-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà stabbiliti f’din id-Direttiva, dment li fir-rapport ta’ ġestjoni tagħhom jiddikjaraw fil-qosor għaliex l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà ma tkunx ġiet ipprovduta.

(22)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu ħielsa li jivvalutaw l-impatt tal-miżuri tat-traspożizzjoni nazzjonali tagħhom fuq l-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, sabiex jiżguraw li huma ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċifika lill-mikroimpriżi u jevitaw piż amministrattiv bla bżonn. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jappoġġaw lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju fl-applikazzjoni tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

(23)

Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) tapplika għall-impriżi kollha li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-impriżi kollha li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni, inklużi emittenti ta’ pajjiżi terzi, jaqgħu taħt l-istess rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li d-Direttiva 2004/109/KE jkun fiha l-kontroreferenzi meħtieġa għal kwalunkwe rekwiżit dwar ir-rapportar tas-sostenibbiltà fir-rapport finanzjarju annwali.

(24)

Il-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(4) u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta miżuri sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-informazzjoni meħtieġa skont dik id-Direttiva, u għall-istabbiliment ta’ kriterji ġenerali ta’ ekwivalenza fir-rigward tal-istandards kontabilistiċi, rispettivament. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa dwar l-ekwivalenza tal-istandards kontabilistiċi li jintużaw minn emittenti ta’ pajjiżi terzi. Sabiex tiġi riflessa l-inklużjoni tar-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà fid-Direttiva 2004/109/KE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà applikati minn emittenti minn pajjiżi terzi, simili għal dak li hemm previst fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 (18) li jistipula l-kriterji għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-istandards tal-kontabilità applikati minn emittenti ta’ pajjiżi terzi. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata wkoll is-setgħa li tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa dwar l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jintużaw minn emittenti ta’ pajjiżi terzi. L-emendi introdotti b’din id-Direttiva emendatorja jiżguraw reġimi ta’ ekwivalenza konsistenti għar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà u għar-rekwiżiti ta’ rapportar finanzjarju fir-rigward tar-rapport finanzjarju annwali.

(25)

L-Artikolu 19a(3) u l-Artikolu 29a(3) tad-Direttiva 2013/34/UE jeżentaw lill-impriżi sussidjarji kollha mill-obbligu li jirrapportaw informazzjoni mhux finanzjarja meta tali impriżi u l-impriżi sussidjarji tagħhom ikunu inklużi fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-impriża prinċipali tagħhom, dment li dak ir-rapport jinkludi l-informazzjoni mhux finanzjarja rrapportata skont dik id-Direttiva. Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tkun faċilment aċċessibbli għall-utenti, u li jiġi żgurat li jkun hemm it-trasparenza fir-rigward ta’ liema impriża prinċipali tal-impriża sussidjarja eżentata qed tirrapporta fil-livell ta’ grupp. Għalhekk, huwa meħtieġ li dawk l-impriżi sussidjarji jintalbu jinkludu fir-rapport ta’ ġestjoni tagħhom l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-impriża prinċipali li tkun qed tirrapporta l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà fil-livell tal-grupp, il-links web għar-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-impriża prinċipalitagħhom u referenza fir-rapport ta’ ġestjoni tagħhom għall-fatt li huma eżentati mir-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jirrikjedu li l-impriża prinċipali tippubblika r-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat bil-lingwi li huma jaċċettaw u li l-impriża prinċipali tipprovdi kwalunkwe traduzzjoni meħtieġa b’tali lingwi. Jenħtieġ li tali eżenzjoni tapplika wkoll meta l-impriża prinċipali li tirrapporta fil-livell ta’ grupp tkun impriża ta’ pajjiż terz li tkun qed tirrapporta informazzjoni dwar is-sostenibbiltà f’konformità ma’ standards ekwivalenti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà.

Id-Direttiva 2004/109/KE, kif emendata permezz ta’ din id-Direttiva emendatorja, jenħtieġ li tipprevedi mekkaniżmi xierqa biex tiġi ddeterminata l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, u jenħtieġ li l-impriżi li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjonikif ukoll dawk l-impriżi li t-titoli tagħhom ma humhiex ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni jkunu meħtieġa jirrapportaw skont l-istess standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. F’dan il-kuntest, l-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill- Kummissjoni skont il-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(4), u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE, li jistabbilixxu mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-istandards jenħtieġ li jintużaw biex jiġi ddeterminat jekk għandhiex issir eżenzjoni fuq l-impriżi sussidjarji tal-impriżi prinċipali ta’ pajjiżi terzi fl-ambitu tar-reġim tad-Direttiva 2013/34/UE. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriża sussidjarja tkun eżentata meta r-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat jitwettaq f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 29b tad-Direttiva 2013/34/UE introdott minn din id-Direttiva emendatorja jew b’mod ekwivalenti għal dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, kif determinati f’konformità ma’ att ta’ implimentazzjonidwar l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE. Jenħtieġ li tali eżenzjoni ma tapplikax għall-impriżi kbar li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-investituri, sabiex tiġi żgurata trasparenza akbar fir-rigward ta’ tali impriżi.

(26)

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/34/UE jeżenta lill-impriżi prinċipali mill-obbligu li jħejju rapporti finanzjarji kkonsolidati u rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat meta l-impriżi prinċipali jkunu impriżi sussidjarji ta’ impriża prinċipali oħra li tikkonforma ma’ dak l-obbligu. Madankollu, jenħtieġ li jiġi speċifikat li r-reġim ta’ eżenzjoni mir-rapporti finanzjarji kkonsolidati u mir-rapporti ta’ ġestjoni kkonsolidati jopera indipendentement mir-reġim ta’ eżenzjoni mir-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat. Għalhekk, impriża tista’ tiġi eżentata mir-rekwiżiti ta’ rapportar finanzjarju kkonsolidat iżda mhux mir-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat meta l-impriża prinċipali apikali tagħha tipprepara rapporti finanzjarji kkonsolidati u rapporti ta’ ġestjoni kkonsolidati f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, jew f’konformità ma’ rekwiżiti ekwivalenti jekk l-impriża tkun stabbilita f’pajjiż terz, iżda ma twettaqx rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, jew f’konformità ma’ rekwiżiti ekwivalenti jekk l-impriża tkun stabbilita f’pajjiż terz. Huwa meħtieġ li l-impriżi prinċipali li jirrapportaw fil-livell ta’ grupp jipprovdu fehim adegwat tar-riskji għal, u l-impatti, tal-impriżi sussidjarji tagħhom, inkluża informazzjoni dwar il-proċessi tad-diliġenza dovuta tagħhom fejn xieraq. Jista’ jkun hemm każijiet fejn id-differenzi bejn is-sitwazzjoni tal-grupp u dik tal-impriżi sussidjarji individwali tiegħu, jew bejn is-sitwazzjoni ta’ impriżi sussidjarji individwali f’territorji differenti jkunu partikolarment sinifikanti u, fin-nuqqas ta’ informazzjoni addizzjonali dwar l-impriża sussidjarja individwali kkonċernata, iwasslu lill-utent tal-informazzjoni biex jasal għal konklużjoni sostanzjalment differenti dwar ir-riskji għal, jew l-impatti, tal-impriża sussidjarja.

(27)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom rwol ewlieni fit-tranżizzjoni lejn sistema ekonomika u finanzjarja kompletament sostenibbli u inklużiva f’konformità mal-Patt Ekoloġiku. Dawn jista’ jkollhom impatti pożittivi u negattivi sinifikanti permezz tal-attivitajiet ta’ self, ta’ investiment, u ta’ sottoskrizzjoni tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi tal-assigurazzjoni għajr dawk li huma meħtieġa jikkonformaw mad-Direttiva 2013/34/UE, inklużi l-kooperattivi u l-impriżi reċiproċi, ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, dment li jissodisfaw ċerti kriterji tad-daqs. Għalhekk, l-utenti tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà jkunu jistgħu jivvalutaw kemm l-impatti ta’ tali istituzzjonijiet ta’ kreditu u impriżi tal-assigurazzjoni fuq is-soċjetà u fuq l-ambjent kif ukoll ir-riskji li jirriżultaw minn kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà li dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi tal-assigurazzjoni jistgħu jiffaċċjaw.Id-Direttiva 2013/34/UE tipprevedi tliet kriterji possibbli biex tiddetermina jekk impriża titqiesx bħala “impriża kbira”, jiġifieri t-total tal-karta bilanċjali, il-fatturat nett u l-numru medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja.

Il-kriterju tal-fatturat nett jeħtieġ li jiġi adattat għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-impriżi tal-assigurazzjoni billi ssir referenza għad-definizzjoni tal-fatturat nett fid-Direttivi tal-Kunsill 86/635/KEE (19) u 91/674/KEE (20) minflok id-definizzjoni ġenerali stabbilita fid-Direttiva 2013/34/UE. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza mar-rekwiżiti ta’ rapportar tad-Direttiva 86/635/KEE, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu li ma japplikawx ir-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

(28)

Jenħtieġ li l-lista ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà li dwarhom l-impriżi huma meħtieġa jirrapportaw tkun konsistenti kemm jista’ jkun mad-definizzjoni tat-terminu “fatturi ta’ sostenibbiltà” stabbilita fir-Regolament (UE) 2019/2088, u jenħtieġ li tipprevjeni n-nuqqas ta’ tqabbil tal-informazzjoni meħtieġa mill-utenti tad-data u l-informazzjoni li trid tiġi rrapportata mill-impriżi. Jenħtieġ li dik il-lista tikkorrispondi wkoll għall-ħtiġijiet u għall-aspettattivi tal-utenti u tal-impriżi, li spiss jużaw it-termini “ambjentali”, “soċjali” u “governanza” bħala mezz sabiex jikkategorizzaw it-tliet kwistjonijiet ewlenin relatati mas-sostenibbiltà. Madankollu, id-definizzjoni tat-terminu “fatturi tas-sostenibbiltà” stabbilita fir-Regolament (UE) 2019/2088 ma tinkludix b’mod espliċitu kwistjonijiet ta’ governanza. Id-definizzjoni tat-terminu “kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà” fid-Direttiva 2013/34/UE kif emendata permezz ta’ din id-Direttiva emendatorja jenħtieġ għalhekk li tkopri fatturi ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem, u tal-governanza, u tinkorpora d-definizzjoni tat-terminu “fatturi ta’ sostenibbiltà” stipulat fir-Regolament (UE) 2019/2088. Ir-rekwiżiti ta’ rapportar tad-Direttiva 2013/34/UE jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ rapportar nazzjonali.

(29)

L-Artikolu 19a(1) u l-Artikolu 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedu rapportar mhux biss dwar l-informazzjoni sa fejn ikun meħtieġ għall-fehim tal-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-impriża, iżda wkoll dwar l-informazzjoni meħtieġa għal fehim tal-impatt tal-attivitajiet tal-impriża fuq kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati, fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u fuq kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim. Għalhekk, dawk l-Artikoli jirrikjedu li l-impriżi jirrapportaw kemm dwar l-impatti tal-attivitajiet tal-impriża fuq in-nies u fuq l-ambjent, kif ukoll dwar kif kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà jaffettwaw lill-impriża. Din tissejjaħ il-perspettiva ta’ materjalità doppja, li fiha r-riskji għall-impriża u l-impatti tal-impriża jirrappreżentaw perspettiva waħda ta’ materjalità. Il-kontroll tal-idoneità fuq ir-rapportar korporattiv juri li dawk iż-żewġ perspettivi spiss ma jkunux mifhuma jew applikati tajjeb. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-impriżi jenħtieġ li jikkunsidraw kull perspettiva ta’ materjalità fiha nnifisha, u jenħtieġ li jiddivulgaw informazzjoni li hija materjali miż-żewġ perspettivi kif ukoll informazzjoni li hija materjali minn perspettiva waħda biss.

(30)

L-Artikolu 19a(1) u l-Artikolu 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedu li l-impriżi jiddivulgaw informazzjoni dwar ħames oqsma ta’ rapportar: mudell tan-negozju; politiki, inklużi l-proċessi ta’ diliġenza dovuta implimentati; l-eżitu ta’ dawk il-politiki; ir-riskji u l-immaniġġjar tar-riskji; u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni rilevanti għan-negozju. L-Artikolu 19a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE ma fihx referenzi espliċiti għal oqsma oħrajn ta’ rapportar li l-utenti tal-informazzjoni jqisu rilevanti, li wħud minnhom jallinjaw mad-divulgazzjonijiet inklużi fl-oqfsa internazzjonali, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji Relatati mal-Klima. Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni jiġu speċifikati f’dettall suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li l-impriżi jirrapportaw informazzjoni dwar ir-reżiljenza tagħhom relatata mar-riskji relatati ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. Minbarra l-oqsma ta’ rapportar identifikati fl-Artikolu 19a(1) u l-Artikolu 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE, jenħtieġ li l-impriżi jkunu meħtieġa jiddivulgaw informazzjoni dwar l-istrateġija tan-negozju tagħhom u r-reżiljenza tal-mudell tan-negozju u l-istrateġija relatata mar-riskji marbutin ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. Jenħtieġ li huma jkunu obbligati wkoll jiddivulgaw kwalunkwe pjan li jista’ jkollhom biex jiżguraw li l-mudell u l-istrateġija tan-negozju tagħhom ikunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mal-objettivi li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119, mingħajr ebda eċċess jew b’eċċess limitat.

Huwa importanti b’mod speċjali li l-pjanijiet relatati mal-klima jkunu bbażati fuq l-aħħar xjenza, inklużi r-rapporti tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) u r-rapporti mill-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima. L-informazzjoni divulgata f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852 dwar l-ammont tan-nefqa kapitali (CapEx) jew tan-nefqa operatorja (OpEx) assoċjati ma’ attivitajiet allinjati mat-tassonomija tista’ tappoġġa l-pjanijiet finanzjarji u ta’ investiment relatati ma’ tali pjanijiet fejn xieraq. Jenħtieġ li l-impriżi jkunu meħtieġa wkoll jiddivulgaw jekk il-mudell u l-istrateġija tan-negozju tagħhom iqisux l-interessi tal-partijiet ikkonċernati u kif jagħmlu dan; kwalunkwe opportunità għall-impriża li tirriżulta minn kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà; l-implimentazzjoni tal-aspetti tal-istrateġija tan-negozju li jaffettwaw, jew li huma affettwati minn, kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà; kwalunkwe mira ta’ sostenibbiltà stabbilita mill-impriża u l-progress li sar fil-kisba tagħha; ir-rwol tal-bord u tal-maniġment fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà; l-impatti avversi attwali u potenzjali ewlenin marbutin mal-attivitajiet tal-impriża; u kif l-impriża identifikat l-informazzjoni li tirrapporta dwarha. Ladarba tkun meħtieġa d-divulgazzjoni ta’ elementi, bħall-miri u l-progress fil-kisba tagħhom, rekwiżit separat li jiġu ddivulgati l-eżiti tal-politiki ma jibqax neċessarju.

(31)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ strumenti internazzjonali bħall-“Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: L-Implimentazzjoni tal-Qafas “Ipproteġi, Irrispetta u Irrimedja” tan-Nazzjonijiet Uniti” (“Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem”), il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tad-diliġenza dovuta jiġu speċifikati f’aktar dettall milli huwa l-każ bħalissa fil-punt (b) tal-Artikolu 19a(1) u fil-punt (b) tal-Artikolu 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE. Id-diliġenza dovuta hija l-proċess li l-impriżi jwettqu sabiex jidentifikaw, jimmonitorjaw, jipprevjenu, jimmitigaw, jirrimedjaw jew iġibu fi tmiemhom l-impatti avversi attwali u potenzjali ewlenin marbutin mal-attivitajiet tagħhom u jidentifika kif l-impriżi jindirizzaw dawk l-impatti negattivi. L-impatti marbutin mal-attivitajiet ta’ impriża jinkludu impatti direttament ikkawżati mill-impriża, l-impatti li l-impriża tikkontribwixxi għalihom, u l-impatti li huma marbuta b’xi mod ieħor mal-katina tal-valur tal-impriża. Il-proċess tad-diliġenza dovuta jikkonċerna l-katina tal-valur kollha tal-impriża inklużi l-operazzjonijiet tagħha stess, il-prodotti u s-servizzi tagħha, ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha u l-ktajjen tal-provvista tagħha. F’konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, impatt avvers attwali jew potenzjali għandu jitqies bħala impatt ewlieni meta jkun fost l-akbar impatti marbutin mal-attivitajiet tal-impriża fuq il-bażi ta’: il-gravità tal-impatt fuq in-nies jew fuq l-ambjent; l-għadd ta’ individwi li huma jew li jistgħu jiġu affettwati, jew l-iskala tal-ħsara lill-ambjent; u l-faċilità li biha tista’ tiġi rrimedjata l-ħsara, li biha jista’ jiġi rrestawrat l-ambjent jew li biha l-persuni affettwati jistgħu jitreġġgħu lura għall-istat preċedenti tagħhom.

(32)

Id-Direttiva 2013/34/UE ma teħtiġx id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar riżorsi intanġibbli għajr l-assi intanġibbli rikonoxxuti fil-karta bilanċjali. Huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li l-informazzjoni dwar l-assi intanġibbli u fatturi intanġibbli oħrajn, inklużi r- riżorsi intanġibbli ġġenerati internament, mhijiex irrapportata biżżejjed, u dan ixekkel il-valutazzjoni xierqa tal-iżvilupp, tal-prestazzjoni u tal-pożizzjoni tal-impriża, u l-monitoraġġ tal-investimenti. Sabiex l-investituri jkunu jistgħu jifhmu aħjar id-distakk dejjem akbar bejn il-valur kontabilistiku ta’ ħafna impriżi u l-valwazzjoni tas-suq tagħhom, li huwa osservat f’ħafna setturi tal-ekonomija, jenħtieġ li jkun meħtieġ rapportar adegwat dwar r- riżorsi intanġibbli mingħand l-impriżi l-kbar kollha u mingħand l-impriżi kollha, għajr il-mikroimpriżi, li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni. Madankollu, ċerta informazzjoni dwar ir-riżorsi intanġibbli hija intrinsika għall-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u għalhekk jenħtieġ li tkun parti mir-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Pereżempju, informazzjoni dwar il-ħiliet, il-kompetenzi, l-esperjenza, il-lealtà lejn l-impriża u l-motivazzjoni tal-impjegati għat-titjib tal-proċessi, l-prodotti u s-servizzi, hija informazzjoni dwar is-sostenibbiltà rigward kwistjonijiet soċjali li tista’ titqies ukoll bħala informazzjoni dwar riżorsi intanġibbli. Bl-istess mod, l-informazzjoni dwar il-kwalità tar-relazzjonijiet bejn l-impriża u l-partijiet ikkonċernati tagħha, inkluż il-klijenti, il-fornituri u l-komunitajiet affettwati mill-attivitajiet tal-impriża, hija informazzjoni dwar is-sostenibbiltà rilevanti għal kwistjonijiet soċjali jew ta’ governanza li tista’ titqies ukoll bħala informazzjoni dwar riżorsi intanġibbli. Tali eżempji juru kif f’xi każijiet mhuwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn l-informazzjoni dwar ir-riżorsi intanġibbli u l-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà.

(33)

L-Artikolu 19a(1) u l-Artikolu 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE ma jispeċifikawx jekk l-informazzjoni li trid tiġi rrapportata tridx tkun tħares ‘il quddiem jew tridx tkun informazzjoni dwar il-prestazzjoni fil-passat. Bħalissa hemm nuqqas ta’ divulgazzjonijiet li jħarsu ‘l quddiem, li l-utenti tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tant iqisu siewja. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE jispeċifikaw li l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà rrapportata trid tinkludi informazzjoni li tħares ‘il quddiem u retrospettiva, u informazzjoni kemm kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. L-informazzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika konklużiva fejn xieraq. Jenħtieġ ukoll li l-informazzjoni tkun armonizzata, komparabbli u bbażata fuq indikaturi uniformi fejn xieraq, filwaqt li tippermetti rapportar li jkun speċifiku għall-impriżi individwali u li ma jipperikolax il-pożizzjoni kummerċjali tal-impriża. Jenħtieġ li l-informazzjoni rrapportata dwar is-sostenibbiltà tqis ukoll perjodi ta’ żmien qosra, medji u fit-tul u tinkludi informazzjoni dwar il-katina tal-valur kollha tal-impriża, inklużi l-operazzjonijiet tagħha stess, il-prodotti u s-servizzi tagħha, ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha u l-katina tal-provvista tagħha, kif xieraq. L-informazzjoni dwar il-katina tal-valur kollha tal-impriża tkun tinkludi informazzjoni relatata mal-katina tal-valur tagħha fl-Unjoni u informazzjoni li tkopri pajjiżi terzi jekk il-katina tal-valur tal-impriża testendi barra mill-Unjoni. Għall-ewwel tliet snin tal-applikazzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri skont din id-Direttiva emendatorja, f’każ li ma tkunx disponibbli l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-katina tal-valur, jenħtieġ li l-impriża tispjega l-isforzi li tkun għamlet biex tikseb l-informazzjoni dwar il-katina tal-valur tagħha, ir-raġunijiet għaliex dik l-informazzjoni ma setgħetx tinkiseb, u l-pjanijiet tal-impriża li tikseb tali informazzjoni fil-futur.

(34)

Mhuwiex l-objettiv ta’ din id-Direttiva emendatorja li l-impriżi jintalbu jiddivulgaw il-kapital intellettwali, il-proprjetà intellettwali, l-għarfien espert jew ir-riżultati tal-innovazzjoni li jikkwalifikaw bħala sigrieti kummerċjali kif definit fid-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22). Ir-rekwiżiti ta’ rapportar previsti f’din id-Direttiva emendatorka għandhom għalhekk ikunu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943.

(35)

L-Artikolu 19a(1) u l-Artikolu 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedu li l-impriżi jinkludu fir-rapportar mhux finanzjarju tagħhom referenzi għall-ammonti rrapportati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u spjegazzjonijiet addizzjonali dwar dawn l-ammonti. Madankollu, dawk l-Artikoli ma jeħtiġux li l-impriżi jagħmlu referenzi għal informazzjoni oħra fir-rapport ta’ ġestjoni jew li jżidu spjegazzjonijiet addizzjonali għal dik l-informazzjoni. Għaldaqstant, bħalissa hemm nuqqas ta’ konsistenza bejn l-informazzjoni mhux finanzjarja rrapportata u l-bqija tal-informazzjoni ddivulgata fir-rapport ta’ ġestjoni. Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti rekwiżiti ċari f’dan ir-rigward.

(36)

L-Artikolu 19a(1) u l-Artikolu 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedu li l-impriżi jipprovdu spjegazzjoni ċara u motivata għan-nuqqas ta’ twettiq tal-politiki fir-rigward ta’ waħda jew aktar mill-kwistjonijiet elenkati f’dawk l-Artikoli, meta l-impriża ma tagħmilx dan. It-trattament differenti tad-divulgazzjonijiet dwar il-politiki li l-impriżi jista’ jkollhom, meta mqabblin mal-oqsma l-oħrajn ta’ rapportar inklużi f’dawk l-Artikoli, ħoloq konfużjoni fost l-impriżi li jkunu qed jirrapportaw u ma għenx sabiex titjieb il-kwalità tal-informazzjoni rrapportata. Għalhekk, ma hemmx bżonn li jinżamm tali trattament differenti tal-politiki f’dik id-Direttiva. Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jiddeterminaw liema informazzjoni jeħtieġ li tiġi ddivulgata fir-rigward ta’ kull wieħed mill-oqsma ta’ rapportar imsemmijin fl-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE kif emendate minn din id-Direttiva emendatorja.

(37)

L-impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19a(1) u l-Artikolu 29a(1) tad-Direttiva 2013/34/UE jistgħu jiddependu fuq oqfsa ta’ rapportar nazzjonali, tal-Unjoni jew internazzjonali, u meta jagħmlu dan, iridu jispeċifikaw fuq liema oqfsa jkunu ddependew. Madankollu, id-Direttiva 2013/34/UE ma teħtieġx li l-impriżi jużaw qafas jew standard komuni ta’ rapportar, u ma żżommx lill-impriżi milli jagħżlu li ma jużaw l-ebda qafas jew standard tar-rapportar affattu. Kif meħtieġ mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/95/UE, fil-5 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni intitolata “Linji Gwida dwar ir-rapportar mhux finanzjarju (metodoloġija għar-rapportar ta’ informazzjoni mhux finanzjarja)” (“Linji Gwida dwar ir-rapportar mhux finanzjarju”), li tipprevedi linji gwida mhux vinkolanti għall-impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

Fis-17 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida tagħha dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni relatata mal-klima, li fihom linji gwida addizzjonali, speċifikament dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni relatata mal-klima. Dawk il-Linji Gwida dwar ir-rapportar ta’ informazzjoni relatata mal-klima inkorporaw b’mod espliċitu r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji Relatati mal-Klima. L-evidenza disponibbli tindika li dawk il-Linji Gwida dwar ir-rapportar mhux finanzjarju ma kellhomx impatt sinifikanti fuq il-kwalità tar-rapportar mhux finanzjarju mill-impriżi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE. In-natura volontarja tal-linji gwida tfisser li l-impriżi huma liberi li jiddeċiedu japplikawhomx jew le. Għalhekk, il-linji gwida ma jistgħux jiżguraw waħedhom il-komparabbiltà tal-informazzjoni ddivulgata minn impriżi differenti, jew id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kollha li l-utenti ta’ dik l-informazzjoni jqisu rilevanti. Din hija r-raġuni għaliex hemm il-ħtieġa għal standards komuni obbligatorji tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni tkun komparabbli u li l-informazzjoni rilevanti kollha tiġi ddivulgata. Filwaqt li jibnu fuq il-prinċipju ta’ materjalità doppja, jenħtieġ li l-istandards ikopru l-informazzjoni kollha li hija materjali għall-utenti ta’ dik l-informazzjoni. Standards komuni ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà huma meħtieġa wkoll sabiex jippermettu l-aċċertament u d-diġitalizzazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u sabiex jiffaċilitaw is-superviżjoni u l-infurzar tiegħu.

L-iżvilupp ta’ standards komuni obbligatorji tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà huwa meħtieġ sabiex tintlaħaq sitwazzjoni li fiha l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà jkollha status komparabbli ma’ dak tal-informazzjoni finanzjarja. L-adozzjoni ta’ standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà permezz ta’ atti delegati tkun tiżgura rapportar armonizzat dwar is-sostenibbiltà fl-Unjoni kollha. Għalhekk, impriża tkun konformi mar-rekwiżiti tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tad-Direttiva 2013/34/UE billi tirrapporta skont l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Meta jkunu qed jiġu ddefiniti tali standards, huwa essenzjali li tingħata kunsiderazzjoni xierqa, bl-akbar mod possibbli, lill-istandards ewlenin tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà użati madwar id-dinja, filwaqt li ma titnaqqasx l-ambizzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja u tal-atti delegati adottati skont din.

(38)

L-ebda standard jew qafas eżistenti waħdu ma jissodisfa l-ħtiġijiet tal-Unjoni għal rapportar dwar is-sostenibbiltà. L-informazzjoni meħtieġa mid-Direttiva 2013/34/UE jeħtieġ li tkopri l-informazzjoni rilevanti minn kull perspettiva ta’ materjalità, jeħtieġ li tkopri l-kwistjonijiet kollha relatati mas-sostenibbiltà u jeħtieġ li tkun allinjata, fejn xieraq, ma’ obbligi oħrajn skont il-liġi tal-Unjoni sabiex tiġi ddivulgata informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, inklużi l-obbligi stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2019/2088 u (UE) 2020/852. Barra minn hekk, l-istandards obbligatorji ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-impriżi tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu proporzjonati mal-livell ta’ ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku u mal-objettiv tal-Unjoni tan-newtralità klimatika sal-2050 kif ukoll mal-miri intermedjarji skont ir-Regolament (UE) 2021/1119. Għalhekk, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards tal-Unjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati rapidament u jiġi żgurat li l-kontenut ta’ dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jkun konsistenti mal-ħtiġijiet tal-Unjoni.

(39)

Il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) huwa assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ stabbilita skont il-liġi tal-Belġju li taqdi l-interess pubbliku billi tipprovdi pariri lill-Kummissjoni dwar l-approvazzjoni tal-istandards internazzjonali tar-rapportar finanzjarju. L-EFRAG stabbilixxa reputazzjoni bħala ċentru Ewropew ta’ għarfien espert dwar ir-rapportar korporattiv u jinsab f’pożizzjoni tajba sabiex irawwem il-koordinazzjoni bejn l-istandards tal-Unjoni ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà u inizjattivi internazzjonali li jkollhom l-għan li jiżviluppaw standards li huma konsistenti madwar id-dinja. F’Marzu 2021, task force b’diversi partijiet ikkonċernati stabbilita mill-EFRAG ippubblikat rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp possibbli ta’ standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-Unjoni. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet fihom proposti sabiex jiġi żviluppat sett koerenti u komprensiv ta’ standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, li jkopru l-kwistjonijiet kollha relatati mas-sostenibbiltà minn perspettiva ta’ materjalità doppja. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet fihom ukoll pjan direzzjonali dettaljat għall-iżvilupp ta’ tali standards, u proposti għat-tisħiħ reċiproku tal-kooperazzjoni bejn inizjattivi globali ta’ ffissar ta’ standards u inizjattivi tal-Unjoni li jistabbilixxu l-istandards. F’Marzu 2021, il-President tal-Bord tal-EFRAG ippubblika rakkomandazzjonijiet għal tibdiliet possibbli fil-governanza għall-EFRAG fil-każ li kellu jintalab jiżviluppa parir tekniku dwar l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-President tal-Bord tal-EFRAG jinkludu l-istabbiliment ta’ pilastru ġdid tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà fi ħdan l-EFRAG, filwaqt li l-pilastru eżistenti tar-rapportar finanzjarju ma jiġix immodifikat b’mod sinifikanti. F’Marzu 2022, l-Assemblea Ġenerali tal-EFRAG ħatret lill-membri tal-Bord tar-Rappurtar dwar is-Sostenibbiltà tal-EFRAG li kien għadu kif inħoloq. Meta tadotta standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis il-parir tekniku li ser jiżviluppa l-EFRAG.

Sabiex jiġu żgurati standards ta’ kwalità għolja li jikkontribwixxu għall-ġid pubbliku Ewropew u jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-impriżi u tal-utenti tal-informazzjoni rrapportata, l-EFRAG jenħtieġ li jkollu finanzjament pubbliku suffiċjenti biex tiġi żgurata l-indipendenza tiegħu. Il-parir tekniku tiegħu jenħtieġ li jiġi żviluppat bi proċess dovut xieraq, sorveljanza pubblika u trasparenza, u abbażi tal-għarfien espert ta’ rappreżentanza bbilanċjata tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-impriżi, l-investituri, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trade unions, u jenħtieġ li jkun akkumpanjat minn analiżijiet tal-kostijiet u l-benefiċċji. Il-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-EFRAG fil-livell tekniku jenħtieġ li tkun kundizzjonali fuq l-għarfien espert fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u jenħtieġ li ma tkun marbuta mal-ebda kontribuzzjoni finanzjarja, mingħajr preġudizzju għall-parteċipazzjoni tal-korpi pubbliċi u tal-organizzazzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-istandards f’dik il-ħidma. Jenħtieġ li jiġi garantit proċess trasparenti li jevita l-kunflitti ta’ interess. Sabiex jiġi żgurat li l-istandards tal-Unjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jqisu l-fehmiet tal-Istati Membri, jenħtieġ li, qabel ma tadotta dawk l-istandards, il-Kummissjoni tikkonsulta lill-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzi Sostenibbli, imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/852, (il-“Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzi Sostenibbli”) u l-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità, imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), (“il-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità”) fir-rigward tal-parir tekniku tal-EFRAG.

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) għandhom rwol fl-abbozzar ta’ standards tekniċi regolatorji skont ir-Regolament (UE) 2019/2088 u jeħtieġ li jkun hemm koerenza bejn dawk l-istandards tekniċi regolatorji u l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), l-ESMA għandha wkoll rwol fil-promozzjoni tal-konverġenza superviżorja fl-infurzar tar-rapportar korporattiv mill-emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni u li se jkunu meħtieġa jirrapportaw f’konformità ma’ dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li l-ESMA, l-EBA u l-EIOPA jkunu meħtieġa jipprovdu opinjoni dwar il-parir tekniku tal-EFRAG. Jenħtieġ li tali opinjonijiet jingħataw fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tat-talba mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, lill-BĊE, lill-Kumitat ta’ Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar (CEAOB) u lill-Pjattaforma dwar Finanzi Sostenibbli sabiex jiġi żgurat li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jkunu koerenti mal-politika u mal-liġi rilevanti tal-Unjoni. Meta kwalunkwe waħda minn dawk l-entitajiet tiddeċiedi li tissottometti opinjoni, jenħtieġ li hija tagħmel dan fi żmien xahrejn mid-data li fiha tkun ġiet ikkonsultata mill-Kummissjoni.

(40)

Sabiex jiġu inkoraġġiti l-kontroll demokratiku, l-iskrutinju u t-trasparenza, il-Kummissjoni għandha, mill-inqas darba fis-sena, tikkonsulta mal-Parlament Ewropew, u, b’mod konġunt, mal-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzi Sostenibbli, u mal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità dwar il-programm ta’ ħidma tal-EFRAG fir-rigward tal-iżvilupp ta’ standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

(41)

Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jkunu koerenti mal-liġi l-oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li dawk l-istandards b’mod partikolari jiġu allinjati mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2088, u jenħtieġ li jqisu l-indikaturi u l-metodoloġiji sottostanti stabbiliti fid-diversi atti delegati adottati skont ir-Regolament (UE) 2020/852, ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni applikabbli għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), l-istandards minimi għall-bini tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati ma’ Pariġi, u ta’ kwalunkwe ħidma mwettqa mill-EBA fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-Pilastru III tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Jenħtieġ li l-istandards iqisu l-liġi ambjentali tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) u d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27), u jenħtieġ li jitqiesu r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE (28), l-annessi tagħha u l-aġġornamenti tagħhom. Jenħtieġ li tiġi kkunsidrata wkoll liġi rilevanti oħra tal-Unjoni, inkluża d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29), u jiġu kkunsidrati wkoll rekwiżiti oħrajn stipulati fil-liġi tal-Unjoni għall-impriżi fir-rigward tad-dmirijiet tad-diretturi u tad-diliġenza dovuta.

(42)

Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jqisu l-linji gwida dwar ir-rapportar mhux finanzjarju u l-linji gwida dwar ir-rapportar ta’ informazzjoni relatata mal-klima. Jenħtieġ li jqisu wkoll rekwiżiti oħrajn ta’ rapportar fid-Direttiva 2013/34/UE li mhumiex direttament relatati mas-sostenibbiltà, bl-għan li jipprovdu lill-utenti tal-informazzjoni rrapportata b’fehim aħjar tal-iżvilupp, tal-prestazzjoni, tal-pożizzjoni u tal-impatt tal-impriża, billi jiġu massimizzati r-rabtiet bejn l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà u informazzjoni oħra rrapportata f’konformità mad-Direttiva 2013/34/UE.

(43)

Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jkunu proporzjonati u jenħtieġ li ma jimponux piż amministrattiv bla bżonn fuq il-kumpaniji li huma meħtieġa jużawhom. Sabiex jiġi mminimizzat it-tfixkil għall-impriżi li diġà jirrapportaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jqisu l-istandards u l-oqfsa eżistenti għar-rapportar u għall-kontabbiltà dwar is-sostenibbiltà fejn xieraq. Tali standards u oqsfa eżistenti jinkludul-Inizjattiva Globali għar-Rapportar, il-Bord għall-Istandards Kontabilistiċi tas-Sostenibbiltà, il-Kunsill Internazzjonali għar-Rapportar Integrat, il-Bord dwar l-Istandards Kontabilistiċi Internazzjonali, it-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji Relatati mal-Klima, il-Bord għall-Istandards tad-Divulgazzjoni dwar il-Karbonju, u s-CDP, li qabel kien magħruf bħala l-Proġett ta’ Divulgazzjoni dwar il-Karbonju.

Jenħtieġ li l-istandards tal-Unjoni jqisu kwalunkwe standard tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà żviluppat taħt l-awspiċji tal-Fondazzjoni Internazzjonali għall-Istandards tar-Rapportar Finanzjarju. Sabiex tiġi evitata frammentazzjoni regolatorja bla bżonn li jista’ jkollha konsegwenzi negattivi għall-impriżi li joperaw globalment, jenħtieġ li l-istandards tal-Unjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jikkontribwixxu għall-proċess ta’ konverġenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà fil-livell globali, billi jappoġġaw il-ħidma tal-Bord tal-Istandards Internazzjonali tas-Sostenibbiltà (ISSB). Jenħtieġ li l-istandards tal-Unjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà inaqqsu r-riskju ta’ rekwiżiti ta’ rapportar inkonsistenti għall-impriżi li joperaw globalment billi jintegraw il-kontenut tal-istandards tal-linja bażi globali li jridu jiġu żviluppati mill-ISSB, sal-punt li l-kontenut ta’ dawk l-istandards tal-linja bażi jkun konsistenti mal-qafas ġuridiku tal-Unjoni u mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku.

(44)

Fil-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tappoġġa lin-negozji u lil partijiet ikkonċernati oħrajn fl-iżvilupp ta’ prattiki kontabilistiċi standardizzati tal-kapital naturali fl-Unjoni u internazzjonalment, bl-għan li jiġi żgurat immaniġġjar xieraq tar-riskji ambjentali u tal-opportunitajiet ta’ mitigazzjoni, u jitnaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet relatati.

Il-Proġett Trasparenti sponsorjat mill-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (il-programm LIFE) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30) qed jiżviluppa l-ewwel metodoloġija ta’ kontabilità tal-kapital naturali, li se tagħmel il-metodi eżistenti aktar faċli sabiex jitqabblu u aktar trasparenti filwaqt li tnaqqas il-limitu għall-kumpaniji sabiex jadottaw u jużaw is-sistemi li jgħinuhom jippreparaw in-negozju tagħhom għall-futur. Il-Protokoll dwar il-Kapital Naturali huwa wkoll referenza importanti fil-qasam tal-kontabilità tal-kapital naturali. Filwaqt li l-metodi tal-kontabilità tal-kapital naturali jservu prinċipalment sabiex isaħħu d-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni interna, jenħtieġ li dawn jiġu kkunsidrati kif xieraq meta jiġu stabbiliti standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Xi metodoloġiji tal-kontabilità tal-kapital naturali għandhom l-għan li jassenjaw valur monetarju lill-impatti ambjentali tal-attivitajiet tal-kumpaniji, li jistgħu jgħinu lill-utenti tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà jifhmu aħjar impatti bħal dawn. Għalhekk huwa xieraq li l-istandards tar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà jkunu jistgħu jinkludu indikaturi monetizzati tal-impatti fuq is-sostenibbiltà jekk dan jitqies neċessarju.

(45)

Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jqisu wkoll il-prinċipji u l-oqfsa rikonoxxuti internazzjonalment dwar l-imġiba responsabbli fin-negozju, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, u l-iżvilupp sostenibbli, inklużi l-SDGs, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Imġiba Kummerċjali Responsabbli u linji gwida settorjali relatati, il-Patt Globali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji dwar Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-istandard ISO 26000 dwar ir-responsabbiltà soċjali, u l-Prinċipji tan-NU għal Investiment Responsabbli.

(46)

Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-informazzjoni rrapportata mill-impriżi f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti u ma tpoġġix piż sproporzjonat f’dawk li huma sforz u spejjeż fuq l-impriżi li jirrapportaw u fuq dawk li huma affettwati b’mod indirett bħala parti mill-katina tal-valur ta’ dawk l-impriżi. L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għalhekk jenħtieġ li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jridu jiddivulgaw dwar il-fatturi ambjentali ewlenin kollha, inklużi l-impatti u d-dipendenzi tagħhom fuq il-klima, l-arja, l-art, l-ilma u l-bijodiversità. Ir-Regolament (UE) 2020/852 jipprovdi klassifikazzjoni tal-objettivi ambjentali tal-Unjoni.

Għal raġunijiet ta’ koerenza, huwa xieraq li tintuża klassifikazzjoni simili sabiex jiġu identifikati l-fatturi ambjentali li jenħtieġ li jiġu indirizzati mill-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jikkunsidraw u jispeċifikaw kwalunkwe informazzjoni ġeografika jew kuntestwali oħra li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw sabiex jipprovdu fehim tal-impatti ewlenin tagħhom fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà u tar-riskji ewlenin għall-impriża li jirriżultaw minn kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. Meta tkun qed tiġi speċifikata l-informazzjoni dwar il-fatturi ambjentali li l-impriżi jridu jiddivulgaw, jenħtieġ li tiġi żgurata l-koerenza mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2020/852 u mar-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’ dak ir-Regolament u fl-atti delegati adottati skont dak ir-Regolament.

(47)

Fir-rigward ta’ informazzjoni relatata mal-klima, l-utenti huma interessati li jkunu jafu dwar ir-riskji fiżiċi u ta’ tranżizzjoni tal-impriżi, u dwar ir-reżiljenza rigward ix-xenarji klimatiċi differenti u l-pjanijiet tagħhom biex jadattaw ruħhom għalihom u għall-mira tal-Unjoni ta’ newtralità klimatika sal-2050. Huma interessati wkoll fil-livell u l-ambitu tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti ta’ gassijiet serra attribwiti lill-impriża, inkluż sa liema punt l-impriża tuża l-kumpensi u s-sors ta’ dawk il-kumpensi. Il-kisba ta’ ekonomija newtrali għall-klima teħtieġ l-allinjament tal-istandards tal-kontabilità u tal-kumpens tal-gassijiet serra. L-utenti jeħtieġu informazzjoni affidabbli dwar il-kumpensi li tindirizza t-tħassib dwar il-possibbiltà ta’ għadd doppju u ta’ stimi eċċessivi, minħabba r-riskji għall-ilħuq tal-miri relatati mal-klima li l-għadd doppju u l-istimi eċċessivi jistgħu joħolqu. L-utenti huma interessati wkoll li jkunu jafu bl-isforzi magħmula mill-kumpaniji biex inaqqsu b’mod effettiv l-emissjonijiet assoluti tal-gassijiet serra bħala parti mill-istrateġiji tagħhom għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, inklużi l-emissjonijiet tal-ambitu 1, tal-ambitu 2 u, fejn rilevanti, tal-ambitu 3.

Fir-rigward tal-emissjonijiet tal-ambitu 3, prijorità għall-utenti hija li jirċievu informazzjoni dwar liema kategoriji tal-ambitu 3 huma sinifikanti fil-każ tal-impriża, u dwar l-emissjonijiet f’kull waħda minn dawk il-kategoriji tal-ambitu 3. Għalhekk, jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jirrapportaw fir-rigward ta’ tali kwistjonijiet.

(48)

Il-kisba ta’ ekonomija newtrali għall-klima u ċirkolari mingħajr l-ebda tniġġis diffuż teħtieġ il-mobilizzazzjoni sħiħa tas-setturi ekonomiċi kollha. It-tnaqqis fl-użu tal-enerġija u ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika huma kruċjali f’dan ir-rigward, peress li l-enerġija tintuża tul il-ktajjen kollha tal-provvista. Għalhekk, jenħtieġ li l-aspetti tal-enerġija jitqiesu kif xieraq fl-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet ambjentali, inklużi l-kwistjonijiet relatati mal-klima.

(49)

Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw dwar il-fatturi soċjali, inklużi l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-involviment tas-sħab soċjali, in-negozjar kollettiv, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, id-diversità u l-inklużjoni, u d-drittijiet tal-bniedem. Jenħtieġ li tali informazzjoni tkopri l-impatti tal-impriża fuq in-nies, inklużi l-ħaddiema, u fuq is-saħħa tal-bniedem. L-informazzjoni li l-impriżi jiddivulgaw dwar id-drittijiet tal-bniedem jenħtieġ li tinkludi informazzjoni dwar ix-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal fil-ktajjen tal-valur tagħhom, fejn rilevanti. Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà rigward ix-xogħol furzat ma jeżentawx lill-awtoritajiet pubbliċi mir-responsabbiltà tagħhom li jindirizzaw, permezz tal-politika kummerċjali u mezzi diplomatiċi, l-importazzjoni ta’ prodotti, prodotti bħala riżultat ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ix-xogħol furzat. Jenħtieġ li l-impriżi jkunu jistgħu jirrapportaw ukoll dwar il-possibbiltà ta’ riskji u xejriet fir-rigward tal-impjiegi u l-introjti.

Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jindirizzaw il-fatturi soċjali jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw fir-rigward tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li huma rilevanti għan-negozji, inklużi l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, adottat mill-Kummissjoni fl-4 ta’ Marzu 2021, jitlob rekwiżiti aktar b’saħħithom sabiex l-impriżi jirrapportaw fuq kwistjonijiet soċjali. Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jispeċifikaw ukoll l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tal-prinċipji demokratiċi u tal-istandards stabbiliti fil-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u f’konvenzjonijiet ewlenin oħrajn tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, id-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Karta Soċjali Ewropea, u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li r-rapportar li jitwettaq dwar fatturi soċjali, kif ukoll dwar fatturi ambjentali u ta’ governanza, ikun proporzjonat mal-kamp ta’ applikazzjoni u l-għanijiet ta’ din id-Direttiva emendatorja. L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jindirizzaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-paga ugwali għal xogħol b’valur ugwali jenħtieġ li jispeċifikaw, fost affarijiet oħra, l-informazzjoni li trid tiġi rrapportata dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, filwaqt li jqisu dritt rilevanti ieħor tal-Unjoni. L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jindirizzaw l-impjiegi u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità jenħtieġ li jispeċifikaw, fost affarijiet oħra, l-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata dwar il-miżuri ta’ aċċessibbiltà meħuda mill-impriża.

L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jindirizzaw it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet jenħtieġ li jispeċifikaw, fost affarijiet oħra, l-informazzjoni li trid tiġi rrapportata dwar il-proporzjon u t-tqassim tal-ħaddiema li jipparteċipaw fit-taħriġ. L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jindirizzaw in-negozjar kollettiv jenħtieġ li jispeċifikaw, fost affarijiet oħra, l-informazzjoni li trid tiġi divulgata dwar l-eżistenza tal-kunsilli tax-xogħlijiet kif ukoll l-eżistenza tal-ftehimiet kollettivi u l-proporzjon ta’ ħaddiema koperti b’tali ftehimiet. L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jindirizzaw il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema jenħtieġ li jispeċifikaw, fost affarijiet oħra, l-informazzjoni li trid tiġi divulgata dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-bordijiet amministrattivi u superviżorji. L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jindirizzaw id-diversità jenħtieġ li jispeċifikaw, fost affarijiet oħra, l-informazzjoni li trid tiġi rrapportata dwar id-diversità tal-ġeneru fil-maniġment superjuri u l-għadd ta’ membri tas-sess sottorappreżentat fil-bordijiet tagħhom.

(50)

L-utenti jeħtieġu informazzjoni dwar il-fatturi ta’ governanza. L-aktar fatturi ta’ governanza rilevanti għall-utenti huma elenkati f’oqfsa ta’ rapportar awtorevoli bħall-Inizjattiva Globali għar-Rapportar u t-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji Relatati mal-Klima, kif ukoll minn oqfsa globali awtorevoli bħall-Prinċipji ta’ Governanza Dinjija tan-Network Internazzjonali ta’ Governanza Korporattiva u l-Prinċipji tal-G20/OECD dwar il-Governanza Korporattiva. Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw dwar fatturi ta’ governanza. Jenħtieġ li tali informazzjoni tkopri r-rwol tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji ta’ impriża fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, l-għarfien espert u l-ħiliet meħtieġa biex jiġi ssodisfat dak ir-rwol jew l-aċċess li tali korpi għandhom għal tali għarfien espert u ħiliet, jekk il-kumpanija għandhiex politika f’termini ta’ inċentivi li huma offruti lill-membri ta’ dawk il-korpi u li huma marbuta ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u informazzjoni dwar is-sistemi ta’ kontroll intern u ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ impriża fir-rigward tal-proċess ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà. L-utenti jeħtieġu wkoll informazzjoni dwar il-kultura korporattiva tal-impriżi u l-approċċ tagħhom għall-etika tan-negozju, li huma elementi rikonoxxuti ta’ oqfsa awtorevoli dwar il-governanza korporattiva, bħall-Prinċipji ta’ Governanza Dinjija tan-Network Internazzjonali ta’ Governanza Korporattiva, inkluż informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim, u dwar l-attivitajiet u l-impenji tal-impriża li huma mmirati biex jeżerċitaw l-influwenza politika tagħha, inkluż l-attivitajiet ta’ lobbying tagħha.

Informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-impriża u l-kwalità tar-relazzjonijiet mal-klijenti, il-fornituri u l-komunitajiet affettwati mill-attivitajiet tal-impriża, tgħin lill-utenti jifhmu r-riskji ta’ impriża u impatti fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. Informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet mal-fornituri tinkludi prattiki ta’ pagament relatati mad-data jew il-perjodu għall-pagament, ir-rata tal-imgħax għal ħlas tard jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru msemmija fid-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31). Kull sena, eluf ta’ negozji, speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”), ibatu piż amministrattiv u finanzjarju minħabba li jitħallsu tard, jew minħabba li ma jitħallsu xejn affattu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-pagamenti tard iwasslu għal insolvenza u għal falliment, b’effetti qerrieda fuq ktajjen tal-valur sħaħ. Jenħtieġ li ż-żieda fl-ammont ta’ informazzjoni dwar il-prattiki ta’ pagament tħeġġeġ lil impriżi oħrajn jidentifikaw lil dawk li jħallsu fil-pront u b’mod affidabbli, jidentifikaw prattiki inġusti ta’ pagament, jaċċessaw informazzjoni dwar in-negozji li jinnegozjaw magħhom, u jinnegozjaw termini ta’ pagament aktar ġusti.

(51)

Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jippromwovu perspettiva aktar integrata tal-informazzjoni kollha ppubblikata mill-impriżi fir-rapport ta’ ġestjoni sabiex jipprovdu lill-utenti ta’ dik l-informazzjoni b’fehim aħjar tal-iżvilupp, tal-prestazzjoni, tal-pożizzjoni u tal-impatt tal-impriża. Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jiddistingwu, kif meħtieġ, bejn l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw meta jirrapportaw fil-livell individwali u l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw meta jirrapportaw fil-livell ta’ grupp. L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jenħtieġ li jkun fihom ukoll gwida għall-impriżi dwar il-proċess biex tiġi identifikata l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li jenħtieġ li tiġi inkluża fir-rapport ta’ ġestjoni, peress li impriża jenħtieġ li tkun obbligata biss tiddivulga l-informazzjoni rilevanti biex jinftiehmu l-impatti tagħha fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u l-informazzjoni rilevanti biex jinftiehem kif kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà jaffettwaw l-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tagħha.

(52)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-rapportar dwar is-sostenibbiltà jitwettaqf’konformità mad-drittijiet tal-ħaddiema għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni. Jenħtieġ, għalhekk, li l-maniġment tal-impriża jinforma lir-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-livell xieraq u jiddiskuti magħhom l-informazzjoni rilevanti u l-mezzi kif tinkiseb u tiġi vverifikata l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. Dan jimplika, għall-fini ta’ din id-Direttiva emendatorja, l-istabbiliment ta’ djalogu u skambju ta’ fehmiet bejn ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-maniġment ċentrali jew kwalunkwe livell ieħor ta’ maniġment li jista’ jkun aktar xieraq, f’tali ħinijiet, b’tali mod u b’tali kontenut li jkun jippermetti lir-rappreżentanti tal- ħaddiema jesprimu l-opinjoni tagħhom. Jenħtieġ li l-opinjoni tagħhom tiġi kkomunikata, fejn applikabbli, lill-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji rilevanti.

(53)

L-impriżi fl-istess settur spiss ikunu skoperti għal riskji simili relatati mas-sostenibbiltà, u spiss ikollhom impatti simili fuq is-soċjetà u fuq l-ambjent. Il-paraguni bejn l-impriżi fl-istess settur huma partikolarment siewja għall-investituri u għal utenti oħrajn tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jispeċifikaw kemm l-informazzjoni li l-impriżi fis-setturi kollha jenħtieġ li jiddivulgaw kif ukoll l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw skond is-settur ta’ attività tagħhom. L-istandards dwar is-sostenibbiltà speċifiċi għas-settur huma partikolarment importanti fil-każ ta’ setturi assoċjati ma’ riskji għolja mil-lat tas-sostenibbiltà għall-ambjent jew l-impatti fuq l-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza, inklużi s-setturi elenkati fit-Taqsimiet A sa H u t-Taqsima L tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32), u l-attivitajiet rilevanti f’dawk is-setturi. Meta tkun qed tadotta standards dwar is-sostenibbiltà speċifiċi għas-settur, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-informazzjoni speċifikata minn dawk l-istandards dwar is-sostenibbiltà tkun proporzjonata għall-iskala tar-riskji u l-impatti relatati ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà speċifiċi għal kull settur, filwaqt li tqis il-fatt li r-riskji u l-impatti ta’ xi setturi huma ogħla milli għal oħrajn. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis ukoll il-fatt li mhux l-attivitajiet kollha f’setturi bħal dawn huma neċessarjament assoċjati ma’ riskji jew impatti għoljin għas-sostenibbiltà. Għall-impriżi li joperaw f’setturi li jiddependu b’mod partikolari fuq ir-riżorsi naturali, l-istandards dwar is-sostenibbiltà speċifiċi għas-settur ikunu jeħtieġu d-divulgazzjoni tal-impatti relatati man-natura fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi u r-riskji għalihom.

Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jqisu wkoll id-diffikultajiet li l-impriżi jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-ġbir ta’ informazzjoni mingħand atturi tul il-katina tal-valur tagħhom, speċjalment mill-fornituri li huma impriżi żgħar jew ta’ daqs medju u mill-fornituri fi swieq u f’ekonomiji emerġenti. Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jispeċifikaw divulgazzjonijiet dwar ktajjen tal-valur li huma proporzjonati u rilevanti għall-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-impriżi, u l-kapaċitajiet u l-karatteristiċi ta’ impriżi fil-ktajjen tal-valur, speċjalment dawk il-kapaċitajiet u l-karatteristiċi ta’ impriżi li mhumiex soġġetti għar- rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà previst f’din id-Direttiva emendatorja. Jenħtieġ li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ma jispeċifikawx divulgazzjonijiet li jkunu jirrikjedu li l-impriżi jiksbu informazzjoni mingħand impriżi żgħar u ta’ daqs medju fil-katina tal-valur tagħhom li teċċedi l-informazzjoni li tkun trid tiġi ddivulgata skont l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit tal-Unjoni fuq l-impriżi biex iwettqu proċess ta’ diliġenza dovuta.

(54)

Sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tal-utenti b’mod puntwali, u b’mod partikolari fid-dawl tal-urġenza li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 4(6) u (7) tar-Regolament (UE) 2019/2088, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta l-ewwel sett ta’ standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà permezz ta’ atti delegati sat-30 ta’ Ġunju 2023. Jenħtieġ li dak is-sett ta’ standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jispeċifika l-informazzjoni li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw fir-rigward tal-oqsma ta’ rapportar u tal-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà kollha, u li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jeħtieġ li jikkonformaw mal-obbligi ta’ divulgazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2088. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta t-tieni sett ta’ standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà permezz ta’ atti delegati sa t-30 ta’ Ġunju 2024, li jispeċifikaw l-informazzjoni komplementari li l-impriżi jenħtieġ li jiddivulgaw dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà u oqsma ta’ rapportar, fejn meħtieġ, u l-informazzjoni li hija speċifika għas-settur li fih tkun topera impriża. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, inklużi l-istandards taar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, kull tliet snin sabiex tqis l-iżviluppi rilevanti, inkluż l-iżvilupp ta’ standards internazzjonali.

(55)

Id-Direttiva 2013/34/UE ma teħtieġx li l-impriżi jipprovdu r-rapporti ta’ ġestjoni tagħhom f’format diġitali, li jfixkel ir-rintraċċabbiltà u l-użabbiltà tal-informazzjoni rrapportata. L-utenti tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà qed jistennew dejjem aktar li tali informazzjoni tkun tista’ tiġi rintraċċata, tkun komparabbli u tinqara minn magni f’formati diġitali. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikjedu li l-impriżi soġġetti għar- rekwiżiti ta’ rappurtar dwar is-sostenibbiltà tad-Direttiva 2013/34/UE jagħmlu r-rapporti ta’ ġestjoni tagħhom disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti web tagħhom mingħajr ħlas. Id-diġitalizzazzjoni toħloq opportunitajiet sabiex tiġi sfruttata l-informazzjoni b’mod aktar effiċjenti u għandha potenzjal għal iffrankar sinifikanti fil-kostijiet kemm għall-utenti kif ukoll għall-impriżi. Id-diġitalizzazzjoni tippermetti wkoll iċ-ċentralizzazzjoni tad-data fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri f’format miftuħ u aċċessibbli li jiffaċilita l-qari u jippermetti t-tqabbil tad-data. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi jkunu meħtieġa jħejju r-rapport ta’ ġestjoni tagħhom fil-format elettroniku għar-rapportar speċifikat fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815 (33), u jimmarkaw ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà tagħhom, inklużi d-divulgazzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, f’konformità mal-format elettroniku għar-rapportar speċifikat fir-Regolament Delegat (UE) 2019/815 ladarba dan ikun ġie ddeterminat.

Se tkun neċessarja tassonomija diġitali għall-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-Unjoni sabiex tippermetti l-informazzjoni rrapportata tiġi ttaggjata f’konformità ma’ dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Jenħtieġ li dawn ir-rekwiżiti jikkontribwixxu għall-ħidma dwar id-diġitalizzazzjoni mħabbra mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Frar 2020 bit-titolu “Strateġija Ewropea għad-data” u fil-Komunikazzjoni tagħha tal-24 ta’ Settembru 2020 bit-titolu “Strateġija għall-Finanzi Diġitali għall-UE”. Dawn ir-rekwiżiti jkunu jikkomplementaw ukoll il-ħolqien ta’ punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ESAP) għall-informazzjoni korporattiva pubblika kif previst fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Settembru 2020 intitolata “Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji - pjan ta’ azzjoni ġdid” li fiha titqies ukoll il-ħtieġa li tiġi prevista informazzjoni komparabbli f’format diġitali.

(56)

Sabiex tkun tista’ tiġi inkluża l-informazzjoni rrapportata dwar is-sostenibbiltà fl-ESAP, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-impriżi li t-titoli tagħhom ma jkunux ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni jippubblikaw ir-rapport ta’ ġestjoni tagħhom, inkluż ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà, fil-format ta’ rappurtar elettroniku speċifikat fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/815.

(57)

L-Artikolu 19a(4) tad-Direttiva 2013/34/UE jippermetti li l-Istati Membri jeżentaw lill-impriżi milli jinkludu fir-rapport ta’ ġestjoni d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja meħtieġa skont l-Artikolu 19a(1) ta’ dik id-Direttiva. L-Istati Membri huma permessi li jagħmlu dan meta l-impriża kkonċernata tħejji rapport separat li jiġi ppubblikat flimkien mar-rapport ta’ ġestjoni f’konformità mal-Artikolu 30 ta’ dik id-Direttiva, jew meta dak ir-rapport isir disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-impriża fi ħdan perjodu ta’ żmien raġonevoli li ma jaqbiżx is-sitt xhur wara d-data tal-karta bilanċjali, u ssir referenza għalih fir-rapport ta’ ġestjoni. Teżisti l-istess possibbiltà għar-rapport mhux finanzjarju kkonsolidat imsemmi fid-Direttiva 2013/34/UE. Għoxrin Stat Membru użaw dik l-għażla. Madankollu, il-possibbiltà li jiġi ppubblikat rapport separat tfixkel id-disponibbiltà tal-informazzjoni li tgħaqqad l-informazzjoni finanzjarja u l-informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. Tfixkel ukoll ir-rintraċċabbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni għall-utenti, speċjalment għall-investituri, li huma interessati fl-informazzjoni kemm finanzjarja kif ukoll dwar is-sostenibbiltà. Il-possibbiltà ta’ żminijiet differenti ta’ pubblikazzjoni għall-informazzjoni finanzjarja u għal dik dwar is-sostenibbiltà tkompli taggrava dik il-problema. Il-pubblikazzjoni f’rapport separat tista’ tagħti wkoll l-impressjoni, internament u esternament, li l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tappartjeni għal kategorija ta’ informazzjoni anqas rilevanti, li jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-affidabbiltà perċepita tal-informazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi jirrapportaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà f’taqsima ddedikata u identifikabbli b’mod ċar fir-rapport ta’ ġestjoni u jenħtieġ li l-Istati Membri ma jibqgħux jitħallew jeżentaw lill-impriżi mill-obbligu li fir-rapport ta’ ġestjoni jinkludu informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà.

Tali obbligu jkun jgħin ukoll sabiex jiġi ċċarat ir-rwol tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fis-superviżjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, bħala parti mir-rapport ta’ ġestjoni li jitħejja f’konformità mad-Direttiva 2004/109/KE. Barra minn hekk, l-impriżi li huma meħtieġa jirrapportaw l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà jenħtieġ li fl-ebda każ ma jiġu eżentati mill-obbligu li jippubblikaw ir-rapport ta’ ġestjoni, peress li huwa importanti li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tkun disponibbli pubblikament.

(58)

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedi li l-impriżi li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni jinkludu dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva fir-rapport ta’ ġestjoni tagħhom, li jrid jinkludi, fost informazzjoni oħra, deskrizzjoni tal-politika dwar id-diversità applikata mill-impriża fir-rigward tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tagħha. L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/34/UE jħalli flessibbiltà lill-impriżi sabiex jiddeċiedu liema aspetti tad-diversità jirrapportaw dwarhom. Ma jobbligax b’mod espliċitu lill-impriżi jinkludu informazzjoni dwar xi aspett partikolari tad-diversità. Sabiex isir progress lejn parteċipazzjoni aktar ibbilanċjata bejn il-ġeneri fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-impriżi li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni dejjem jirrapportaw dwar il-politiki tagħhom dwar id-diversità bejn il-ġeneri u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki. Madankollu, sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn, jenħtieġ li tali impriżi jkollhom il-possibbiltà li jirrapportaw xi informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/34/UE flimkien ma’ informazzjoni oħra dwar is-sostenibbiltà. Jekk jiddeċiedu li jagħmlu dan, id-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva jenħtieġ li tinkludi referenza għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-impriża, u l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/34/UE jenħtieġ li tibqa’ soġġetta għar-rekwiżiti ta’ aċċertament tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva.

(59)

L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji ta’ impriża jkollhom responsabbiltà kollettiva sabiex jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, ir-rapporti finanzjarji kkonsolidati, ir-rapport ta’ ġestjoni, ir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat, id-dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva u d-dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva kkonsolidata jitfasslu u jiġu ppubblikati f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva. Jenħtieġ li dik ir-responsabbiltà kollettiva tiġi estiża għar-rekwiżiti ta’ diġitalizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2019/815, għar-rekwiżit ta’ konformità mal-istandards tal-Unjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u għar-rekwiżit ta’ markatura tar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà.

(60)

Il-professjoni tal-aċċertament tagħmel distinzjoni bejn inkarigi ta’ aċċertament limitat u inkarigi ta’ aċċertament raġonevoli. Il-konklużjoni ta’ inkarigu ta’ aċċertament limitat normalment tiġi pprovduta f’forma negattiva ta’ espressjoni billi jiġi ddikjarat li ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni mill-prattikant sabiex jiġi konkluż li s-suġġett ikun iddikjarat b’mod materjalment skorrett. F’inkarigu ta’ aċċertament limitat, l-awditur jagħmel anqas testijiet milli f’inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli. Għalhekk, l-ammont ta’ xogħol għal inkarigu ta’ aċċertament limitat huwa anqas minn dak għal inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli. L-ammont ta’ xogħol f’inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli jinvolvi proċeduri estensivi li jinkludu l-kunsiderazzjoni tal-kontrolli interni tal-impriża li tirrapporta u l-ittestjar sostantiv, u għalhekk huwa ferm akbar milli f’inkarigu ta’ aċċertament limitat.

Il-konklużjoni ta’ inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli normalment tingħata f’forma ta’ espressjoni pożittiva u tirriżulta fl-għoti ta’ opinjoni dwar il-kejl tas-suġġett skont kriterji ddefiniti minn qabel. Id-Direttiva 2013/34/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tivverifika jekk ikunx ġie pprovdut ir-rapport mhux finanzjarju jew ir-rapport separat. Ma jirrikjedix li fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament jivverifika l-informazzjoni, għalkemm jippermetti lill-Istati Membri jirrikjedu tali verifika fejn jixtiequ. In-nuqqas ta’ rekwiżit tal-aċċertament rigward ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà, b’kuntrast mar-rekwiżit li l-awditur statutorju jwettaq awditi statutorji bbażati fuq l-inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli, ikun jhedded il-kredibbiltà tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà divulgata, u b’hekk jonqos milli jissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti li għalihom hija maħsuba dik l-informazzjoni. Għalkemm l-objettiv huwa li jkun hemm livell simili ta’ aċċertament għar-rapportar finanzjarju u dwar is-sostenibbiltà, in-nuqqas ta’ standard miftiehem b’mod komuni għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà joħloq ir-riskju ta’ fehim u ta’ aspettattivi differenti ta’ f’xiex jikkonsisti inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli għal kategoriji differenti ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, speċjalment fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet li jħarsu ‘il quddiem u kwalitattivi.

Għalhekk, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat approċċ progressiv biex jittejjeb il-livell tal-aċċertament meħtieġ għall-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, li jibda b’obbligu fuq l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li jesprimu opinjoni dwar il-konformità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mar-rekwiżiti tal-Unjoni abbażi ta’ inkarigu ta’ aċċertament limitat. Jenħtieġ li dik l-opinjoni tkopri l-konformità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mal-istandards tal-Unjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, il-proċess imwettaq mill-impriża sabiex tiġi identifikata l-informazzjoni rrapportata skont l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-konformità mar-rekwiżit ta’ markatura tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Jenħtieġ li l-awditur jivvaluta wkoll jekk ir-rapportar tal-impriża jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ rapportar tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852. Sabiex jiġu żgurati fehim komuni u aspettattivi komuni ta’ f’xiex jikkonsisti inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jenħtieġ li tkun meħtieġa tesprimi opinjoni bbażata fuq inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli dwar il-konformità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mar-rekwiżiti tal-Unjoni, meta l-Kummissjoni tadotta standards ta’ aċċertament raġonevoli ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà permezz ta’ atti delegati sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2028, wara valutazzjoni biex jiġi determinat jekk ikunx fattibbli aċċertament raġonevoli għall-awdituri u l-impriżi..

L-approċċ gradwali minn inkarigi ta’ aċċertament limitat għal inkarigi ta’ aċċertament raġonevoli jippermetti wkoll l-iżvilupp progressiv tas-suq tal-aċċertament tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, u tal-prattiki ta’ rapportar tal-impriżi. Fl-aħħar nett, tali approċċ progressiv idaħħal b’mod gradwali ż-żieda fil-kostijiet għall-impriżi li jirrapportaw, minħabba li l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà abbażi ta’ inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli huwa aktar għali minn aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà abbażi ta’ inkarigu ta’ aċċertament limitat. L-impriżi soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li jkollhom opinjoni ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà tagħhom abbażi ta’ inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan, u f’każijiet bħal dawn jenħtieġ li jitqiesu li jkunu kkonformaw mal-obbligu li jkollhom opinjoni bbażata fuq inkarigu ta’ aċċertament limitat. L-opinjoni bbażata fuq inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli dwar informazzjoni li tħares ‘il quddiem hija biss aċċertament li tali informazzjoni tkun tħejjiet f’konformità mal-istandards applikabbli.

(61)

L-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar diġà jivverifikaw ir-rapporti finanzjarji u r-rapport ta’ ġestjoni. L-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mill-awdituri statutorji jew mid-ditti tal-awditjar tgħin sabiex tiġi żgurata l-konnettività bejn, u l-konsistenza tal-informazzjoni finanzjarja u tas-sostenibbiltà, li hija partikolarment importanti għall-utenti tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. Madankollu, hemm riskju ta’ konċentrazzjoni ulterjuri tas-suq tal-verifiki, li jista’ jkun ta’ riskju għall-indipendenza tal-awdituri u jżid it-tariffi tal-verifika jew it-tariffi marbuta mal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

Hi u tqis ir-rwol ewlieni tal-awdituri statutorji meta jkunu qed jipprovdu aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u jiżguraw informazzjoni affidabbli dwar is-sostenibbiltà, il-Kummissjoni ħabbret li se tieħu azzjoni biex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-awditjar u toħloq suq tal-awditjar aktar miftuħ u diversifikat, li huma l-kundizzjonijiet biex din id-Direttiva emendatorja tiġi applikata b’suċċess. Barra minn hekk, huwa mixtieq li l-impriżi jiġu offruti għażla usa’ ta’ fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jakkreditaw fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34) sabiex jipprovdu opinjoni ta’ aċċertament fuq ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà, li jenħtieġ li tiġi ppubblikata flimkien mar-rapport ta’ ġestjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw l-għażla li jippermettu lil awditur statutorju, li jkun differenti minn dak/dawk li jkunu qed iwettqu l-awditu statutorju tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji, biex jesprimi opinjoni ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Barra minn hekk, jekk jippermettu lil fornituri indipendenti tas-servizzi tal-aċċertament iwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, l-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu wkoll lil awditur statutorju, li jkun differenti minn dak/dawk li jkunu qed iwettqu l-awditu statutorju tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji, biex jesprimu opinjoni ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu rekwiżiti li jiżguraw il-kwalità tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà imwettaq minn fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament u eżiti konsistenti fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Għalhekk, il-fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament kollha jenħtieġ li jkunu soġġetti għal rekwiżiti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35) fir-rigward tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, filwaqt li jiġu adattati għall-karatteristiċi tal-fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament li ma jwettqux awditi statutorji. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu rekwiżiti ekwivalenti fir-rigward tat-taħriġ u l-eżami, it-tkomplija tal-edukazzjoni, is-sistemi ta’ aċċertament tal-kwalità, l-etika professjonali, l-indipendenza, l-oġġettività, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-ħatra u t-tkeċċija, l-organizzazzjoni tax-xogħol tal-fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament, l-investigazzjonijiet u s-sanzjonijiet, u r-rapportar tal-irregolaritajiet. Dan jkun jiggarantixxi wkoll kundizzjonijiet ekwi fost il-persuni u d-ditti kollha awtorizzati mill-Istati Membri sabiex jipprovdu opinjoni ta’aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà, inklużi l-awdituri statutorji. Jekk impriża tfittex l-opinjoni ta’ fornitur indipendenti akkreditat ta’ servizzi tal-aċċertament li ma jkunx l-awditur statutorju dwar ir-rapportar tas-sostenibbiltà tagħha, jenħtieġ li hija ma jkollhiex bżonn titlob ukoll opinjoni ta’ aċċertament dwar ir-rapportar tagħha dwar is-sostenibbiltà mingħand l-awditur statutorju.

Il-fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament li diġà ġew akkreditati minn Stat Membru għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jenħtieġ li jibqgħu jitħallew jagħmlu dan. Bl-istess mod, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament li, sad-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda dwar it-taħriġ u l- eżami, ikunu għaddejjin mill-proċess ta’ akkreditazzjoni tagħhom ma jkunux soġġetti għal dawk ir-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni ġodda, dment li jlestu għal kollox dak il-proċess fi żmien sentejn mid-data tal-applikazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti l-ġodda. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-fornituri indipendenti kollha ta’ servizzi tal-aċċertament akkreditati minn Stat Membru għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà fi żmien sentejn mid-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni l-ġodda, jiksbu l-għarfien meħtieġ fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà permezz tat-tkomplija tal-edukazzjoni professjonali.

(62)

Sabiex irawmu l-moviment liberu tas-servizzi, jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu lill-fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament stabbiliti fi Stat Membru differenti jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà fit-territorju tagħhom. Dan ikun jiffavorixxi wkoll il-ftuħ tas-suq tal-aċċertament anke meta mhux l-Istati Membri kollha jippermettu l-akkreditazzjoni ta’ fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament fit-territorju tagħhom. Meta l-fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament iwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti, dak l-Istat Membru ospitanti jenħtieġ li jkun jista’ jiddeċiedi li jissorvelja lill-fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament, minħabba l-possibbiltà li jittieħed vantaġġ mill-qafas implimentat għas-superviżjoni tal-awdituri li jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

(63)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li meta impriża tkun meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni li jkollha elementi tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tagħha vverifikati minn parti terza indipendenti akkreditata, ir-rapport tal-parti terza indipendenti akkreditata jenħtieġ li jkun disponibbli jew bħala anness tar-rapport ta’ ġestjoni jew bi kwalunkwe mezz ieħor aċċessibbli għall-pubbliku. Tali disponibbiltà ta’ dak ir-rapport jenħtieġ li ma tipprevenix l-eżitu tal-opinjoni ta’ aċċertament li l-verifika tagħha minn parti terza jenħtieġ li tibqa’ indipendenti. Jenħtieġ li ma tinvolvi l-ebda duplikazzjoni ta’ xogħol bejn l-awditur jew il-fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament li jesprimi l-opinjoni ta’ aċċertament u l-parti terza indipendenti akkreditata.

(64)

Id-Direttiva 2006/43/KE tistabbilixxi regoli dwar l-awditu statutorju ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u kkonsolidati. Huwa neċessarju li jiġi żgurat li japplikaw regoli konsistenti għall-awditu tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji u għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mill-awditur statutorju. Jenħtieġ li d-Direttiva 2006/43/KE tapplika meta l-opinjoni ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà tiġi espressa minn awditur statutorju jew minn ditta tal-awditjar.

(65)

Ir-regoli dwar l-approvazzjoni u r-rikonoxximent tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar jenħtieġ li jippermettu lill-awdituri statutorji jikkwalifikaw ukoll għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awdituri statutorji li jixtiequ jikkwalifikaw għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jkollhom il-livell neċessarju ta’ għarfien teoretiku dwar is-suġġetti rilevanti għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-kapaċità li japplikaw tali għarfien fil-prattika.

Għalhekk, jenħtieġ li l-awdituri statutorji jsegwu taħriġ prattiku ta’ mill-inqas tmien xhur fl-aċċertament tar-rapportar annwali u kkonsolidat dwar is-sostenibbiltà jew f’servizzi oħra relatati mas-sostenibbiltà, filwaqt li titqies l-esperjenza preċedenti tax-xogħol. Madankollu, jenħtieġ li l-awdituri statutorji li diġà ġew approvati jew rikonoxxuti minn Stat Membru jkomplu jitħallew iwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-persuni fiżiċi li jkunu għaddejjin mill-proċess ta’ approvazzjoni fid-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà stabbiliti minn din id-Direttiva emendatorja ma jkunux soġġetti għal dawk ir-rekwiżiti, dment li jlestu l-proċess fi żmien is-sentejn ta’ wara. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awdituri statutorji approvati fis-sentejn wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti u li jkunu jixtiequ jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, jiksbu l-għarfien meħtieġ fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà permezz tat-tkomplija tal-edukazzjoni professjonali. Il-persuni fiżiċi li jiddeċiedu li jiġu approvati biss bħala awdituri statutorji għall-awditjar statutorju jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu aktar tard biex jikkwalifikaw ukoll għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Biex jagħmlu dan, jenħtieġ li tali persuni jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa stabbiliti mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li huma wkoll ikollhom il-livell neċessarju ta’ għarfien teoretiku dwar is-suġġetti rilevanti għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-kapaċità li japplikaw tali għarfien fil-prattika.

(66)

Jenħtieġ li jiġi żgurat li r-rekwiżiti imposti fuq l-awdituri fir-rigward tal-awditu statutorju u l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li huma jwettqu jkunu konsistenti. Għalhekk, jenħtieġ li jkun hemm tal-inqas persuna waħda maħtura li tkun involuta b’mod attiv fit-twettiq tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà (“sieħeb ewlieni tas-sostenibbiltà”). Meta jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li l-awdituri statutorji jkunu meħtieġa jiddedikaw biżżejjed żmien u jassenjaw biżżejjed riżorsi u għarfien espert sabiex iwettqu dmirijiethom b’mod xieraq. Jenħtieġ li r-rekord tal-kont tal-klijent jispeċifika t-tariffi mitlubin għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u jenħtieġ li jinħoloq fajl tal-aċċertament li jinkludi informazzjoni relatata mal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Fejn l-istess awditur statutorju jwettaq l-awditu statutorju tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li jkun possibbli li l-fajl tal-aċċertament jiġi inkluż fil-fajl tal-awditu. Madankollu, ir-rekwiżiti imposti fuq l-awdituri statutorji relatati mal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jenħtieġ li japplikaw biss għal dawk l-awdituri statutorji li jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

(67)

L-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar li jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jenħtieġ li jkollhom livell għoli ta’ għarfien espert tekniku u speċjalizzat fil-qasam tas-sostenibbiltà.

(68)

Id-Direttiva 2006/43/KE tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli xierqa sabiex jevitaw li t-tariffi fuq l-awditu statutorju jiġu influwenzati jew iddeterminati mill-forniment ta’ servizzi addizzjonali lill-entità awditjata jew ikunu bbażati fuq kwalunkwe forma ta’ kontinġenza. Dik id-Direttiva tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-awdituri statutorji li jwettqu awditi statutorji jikkonformaw mar-regoli dwar l-etika professjonali, l-indipendenza, l-oġġettività, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali. Għal raġunijiet ta’ koerenza, huwa xieraq li dawk ir-regoli jiġu estiżi għall-awdituri statutorji li jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

(69)

Sabiex jiġi pprovdut għal prattiki tal-aċċertament uniformi u għal aċċertament ta’ kwalità għolja tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà madwar l-Unjoni kollha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards dwar l-aċċertament tas-sostenibbiltà permezz ta’ atti delegati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li japplikaw standards, proċeduri jew rekwiżiti nazzjonali tal-aċċertament, dment li l-Kummissjoni ma tkunx adottat standard tal-aċċertament permezz ta’ atti delegati li jkopri l-istess suġġett. Jenħtieġ li tali standards tal-aċċertament jistabbilixxu l-proċeduri li l-awditur għandu jwettaq sabiex jasal għall-konklużjonijiet tiegħu fuq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta standards tal-aċċertament għal aċċertament limitat permezz ta’ atti delegati qabel l-1 ta’ Ottubru 2026. Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-armonizzazzjoni tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà fl-Istati Membri kollha, il- CEAOB jenħtieġ li jiġi inkoraġġit jadotta linji gwida mhux vinkolanti biex jiġu stabbiliti l-proċeduri li jridu jitwettqu meta tiġi espressa opinjoni ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà, sa meta l-Kummissjoni tadotta standard tal-aċċertament li jkopri l-istess suġġett.

(70)

Id-Direttiva 2006/43/KE jistabbilixxi regoli dwar l-awditu statutorju ta’ grupp ta’ impriżi. Jenħtieġ li jiġu stipulati regoli simili għall-aċċertament tar-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà.

(71)

Id-Direttiva 2006/43/KE tirrikjedi li l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar jippreżentaw ir-riżultati tal-awditu statutorju tagħhom f’rapport tal-awditjar. Jenħtieġ li jiġu stipulati regoli simili għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Ir-riżultati tal- aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jenħtieġ li jiġu ppreżentati f’rapport tal-aċċertament. Fejn l-istess awditur statutorju jwettaq l-awditu statutorju tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li jkun possibbli li l-informazzjoni dwar l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tiġi ippreżentata fir-rapport tal-awditjar.

(72)

Id-Direttiva 2006/43/KE tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ rieżami ta’ garanzija tal-kwalità tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar. Sabiex jiġi żgurat li r-rieżamijiet tal-garanzija tal-kwalità jsiru wkoll għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u li l-persuni li jwettqu rieżamijiet tal-garanzija tal-kwalità jkollhom edukazzjoni professjonali xierqa u esperjenza rilevanti fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li dak ir-rekwiżit li tiġi stabbilita sistema ta’ rieżami tal-garanzija tal-kwalità jiġi estiż għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Bħala miżura tranżizzjonali, sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-persuni li jwettqu rieżamijiet tal-aċċertament tal-kwalità tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jenħtieġ li jiġu eżentati mir-rekwiżit li jkollhom esperjenza rilevanti fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jew f’servizzi oħra relatati mas-sostenibbiltà.

(73)

Id-Direttiva 2006/43/KE tirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ reġim ta’ investigazzjonijiet u ta’ sanzjonijiet għall-awdituri statutorji u għad-ditti tal-awditjar li jwettqu awditi statutorji. Dik id-Direttiva tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jorganizzaw sistema effettiva ta’ sorveljanza pubblika, u jiżguraw li l-arranġamenti regolatorji għas-sistemi ta’ sorveljanza pubblika jippermettu kooperazzjoni effettiva fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-Istati Membri. Jenħtieġ li tali rekwiżiti jiġu estiżi għall-awdituri statutorji u għad-ditti tal-awditjar li jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-investigazzjonijiet, tas-sanzjonijiet u tal-oqfsa ta’ sorveljanza stabbiliti għall-ħidma tal-awditur fl-awditu statutorju u fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

(74)

Id-Direttiva 2006/43/KE fiha regoli dwar il-ħatra u t-tneħħija tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar li jwettqu awditi statutorji. Jenħtieġ li dawk ir-regoli jiġu estiżi għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tar-regoli imposti fuq l-awdituri fir-rigward tal-ħidma tagħhom fuq l-awditu statutorju u fuq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

(75)

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36), l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li l-azzjonisti ta’ impriżi li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni, li jaġixxu individwalment jew kollettivament, ikollhom id-dritt li jpoġġu punti fuq l-aġenda tal-laqgħa ġenerali, dment li kull punt bħal dan ikun akkumpanjat minn ġustifikazzjoni jew abbozz ta’ riżoluzzjoni li tkun se tiġi adottata fil-laqgħa ġenerali, u li jkollhom id-dritt li jressqu abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet dwar punti inklużi jew li jkunu se jiġu inklużi fl-aġenda ta’ laqgħa ġenerali, skont il-każ. Meta dawk id-drittijiet ikunu soġġetti għall-kundizzjoni li l-azzjonist jew l-azzjonisti rilevanti jkollhom sehem minimu fl-impriża, tali sehem minimu jenħtieġ li ma jaqbiżx il-5 % tal-kapital azzjonarju. Fir-rigward tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li l-azzjonisti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2007/36/KE sabiex iressqu abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet biex jiġu adottati fil-laqgħa ġenerali li jirrikjedu li, l-ewwel nett, parti terza akkreditata li ma tkunx tappartjeni lill-istess ditta jew network tal-awditjar bħall-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li twettaq l-awditu statutorju tħejji rapport dwar ċerti elementi tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u, it-tieni, li tali rapport ikun disponibbli għal-laqgħa ġenerali.

Għal impriżi soġġetti għar- rekwiżiti ta’ rapportar dwar is- sostenibbiltà introdotti minn din id-Direttiva emendatorja u li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2007/36/KE, l-azzjonisti li jirrappreżentaw aktar minn 5 % tad-drittijiet tal-vot jew 5 % tal-kapital tal-impriża, li jaġixxu individwalment jew kollettivament, jenħtieġ li jingħataw ukoll id-dritt li jressqu abbozz ta’ riżoluzzjoni biex tiġi adottata fil-laqgħa ġenerali, li tirrikjedi li, l-ewwel nett, parti terza akkreditata li ma tappartjenix lill-istess ditta jew netwerk tal-awditjar bħall-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li twettaq l-awditu statutorju tħejji rapport dwar ċerti elementi tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u, it-tieni nett, li tali rapport ikun disponibbli għal-laqgħa ġenerali.

(76)

Id-Direttiva 2006/43/KE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li kull entità ta’ interess pubbliku jkollha kumitat tal-awditjar, u tispeċifika l-kompiti tagħha fir-rigward tal-awditu statutorju. Jenħtieġ li dak il-kumitat tal-awditjar jiġi assenjat b’ċerti kompiti fir-rigward tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Jenħtieġ li dawk il-kompiti jinkludu l-obbligu li jinforma lill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-entità ta’ interess pubbliku dwar l-eżitu tal-aċċertament tar-rapportar statutorju u li jispjega kif il-kumitat tal-awditjar ikkontribwixxa għall-integrità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u x’kien ir-rwol tal-kumitat tal-awditjar f’dak il-proċess. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu l-funzjonijiet assenjati lill-kumitat tal-awditjar relatati mar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u relatati mal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, li jrid jitwettqu mill-korp amministrattiv jew superviżorju kollu kemm hu jew minn korp iddedikat stabbilit mill-korp amministrattiv jew superviżorju.

(77)

Id-Direttiva 2006/43/KE fiha rekwiżiti għar-reġistrazzjoni u għas-sorveljanza ta’ awdituri u ta’ entitajiet tal-awditjar ta’ pajjiżi terzi. Sabiex jiġi żgurat li jeżisti qafas konsistenti għall-ħidma tal-awdituri kemm fl-awditu statutorju kif ukoll fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, huwa neċessarju li dawk ir-rekwiżiti jiġu estiżi għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

(78)

Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37) japplika għall-awdituri statutorji u għad-ditti tal-awditjar li jwettqu awditi statutorji ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-awditur statutorju meta jkun qed iwettaq awditu statutorju, dak ir-Regolament jistabbilixxi limitu rigward it-tariffi għal servizzi oħra li l-awditur statutorju jista’ jikseb. Huwa importanti li jiġi ċċarat li l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jenħtieġ li ma jgħoddx fil-kalkolu ta’ dak il-limitu. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 jipprojbixxi l-forniment ta’ ċerti servizzi mhux tal-awditjar matul ċerti perjodi meta l-awditur statutorju jkun qed iwettaq l-awditu statutorju. Is-servizzi relatati mat-tħejjija tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, inkluż kwalunkwe servizz ta’ konsulenza, jenħtieġ li jitqiesu wkoll bħala servizzi pprojbiti matul il-perjodu preskritt fir-Regolament (UE) Nru 537/2014. Il-projbizzjonijiet tal-proveddiment ta’ tali servizzi jenħtieġ li japplikaw fil-każijiet kollha fejn l-awditur statutorju jwettaq l-awditu tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji.

Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-awditur statutorju, ċerti servizzi mhux tal-awditjar jenħtieġ li jkunu pprojbiti wkoll meta l-awditur statutorju jkun qed iwettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 jirrikjedi li l-awdituri statutorji jirrappurtaw l-irregolaritajiet lill-entità awditjata u, f’ċerti ċirkostanzi, lill-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri bħala r-responsabbli għall-investigazzjoni ta’ tali irregolaritajiet. Tali obbligu jenħtieġ li jiġi estiż ukoll, kif xieraq, lill-awdituri statutorji u lid-ditti tal-awditjar fir-rigward tal-ħidma tagħhom fuq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-entitajiet ta’ interess pubbliku.

(79)

Id-Direttiva 2004/109/KE tassenja lis-superviżuri nazzjonali l-kompitu li jinfurzaw il-konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar korporattiv mill-impriżi li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni. L-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva jispeċifika l-kontenut li jrid jiġi inkluż fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, iżda ma għandux referenza espliċita għall-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE, li jeħtieġu t-tħejjija ta’ rapport mhux finanzjarju u ta’ rapport mhux finanzjarju kkonsolidat. Bħala konsegwenza, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ xi Stati Membri ma għandhomx mandat legali biex iwettqu superviżjoni ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji, speċjalment meta dawk id-dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji jiġu ppubblikati f’rapport separat, barra mir-rapport finanzjarju annwali, li l-Istati Membri jistgħu attwalment jippermettu. Għalhekk, huwa meħtieġ li fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2004/109/KE tiddaħħal referenza għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Huwa meħtieġ ukoll li jintalab li l-persuni responsabbli fi ħdan l-emittent jikkonfermaw fir-rapport finanzjarju annwali li, sa fejn jafu huma, ir-rapport ta’ ġestjoni tħejja f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

Barra minn hekk, minħabba l-karattru ġdid tar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li l-ESMA toħroġ linji gwida għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex tippromwovi s-superviżjoni konverġenti tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mill-emittenti soġġetti għad-Direttiva 2004/109/KE. Dawk il-linji gwida jenħtieġ li japplikaw biss għas-superviżjoni ta’ impriżi li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-Unjoni.

(80)

Sabiex jiġu speċifikati ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva emendatorja, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-istabbiliment ta’ standards għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (38). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(81)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja, inkluż, fost oħrajn: valutazzjoni tal-ilħiq tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva emendatorja, inkluża l-konverġenza tal-prattiki ta’ rapportar bejn l-Istati Membri; valutazzjoni tal-għadd ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju li jużaw standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà b’mod volontarju; valutazzjoni ta’ jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar għandux jiġi estiż aktar u kif, b’mod partikolari, fir-rigward tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-impriżi ta’ pajjiżi terzi li joperaw direttament fis-suq intern tal-Unjoni mingħajr impriża sussidjarja jew fergħa fit-territorju tal-Unjoni; valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar impriżi sussidjarji u fergħat ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi introdotti b’din id-Direttiva emendatorja, inkluża valutazzjoni tal-għadd ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi li għandhom impriża sussidjarja jew fergħa soġġetta għar-rekwiżiti tar-rapportar f’konformità mad-Direttiva 2013/34/UE; valutazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ infurzar u tal-limiti rilevanti stabbiliti fid-Direttiva 2013/34/UE; valutazzjoni ta’ jekk tiġix żgurata l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ppubblikat mill-impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja, u ta’ kif tali aċċessibbiltà trid tiġi żgurata.

Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja, jenħtieġ li jiġi ppubblikat sat-30 ta’ April 2029 u kull tliet snin wara dakinhar, u jenħtieġ li jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti leġiżlattivi. Sal- 31 ta’ Diċembru 2028, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina u tirrapporta dwar il-livell ta’ konċentrazzjoni tas-suq tal-aċċertazzjoni tas-sostenibbiltà. Ir-rieżami jenħtieġ li jqis ir-reġimi nazzjonali applikabbli għall-fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament u jivvaluta jekk tali reġimi nazzjonali jikkontribwixxux għall-ftuħ tas-suq tal-aċċertament u sa liema punt jagħmlu dan. Sal- 31 ta’ Diċembru 2028, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-miżuri legali possibbli biex tiżgura diversifikazzjoni suffiċjenti tas-suq tal-aċċertament tas-sostenibbiltà u l-kwalità xierqa tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Ir-rapport dwar il-livell ta’ konċentrazzjoni tas-suq tal-aċċertazzjoni tas-sostenibbiltà jenħtieġ li jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal- 31 ta’ Diċembru 2028 u jkun akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposti leġiżlattivi rilevanti.

(82)

Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva emendatorja ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba raġuni ta’skala u effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva emendatorja ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(83)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, jiġu emendati skont dan.

(84)

Il-BĊE ġie kkonsultat u ta opinjoni fis-7 ta’ Settembru 2021,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2013/34/UE

Id-Direttiva 2013/34/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

‘3.   Il-miżuri ta’ koordinazzjoni stabbiliti mill-Artikoli 19a, 29a, 29d, 30 u 33, mill-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1), mill-Artikolu 34(2) u (3) u mill-Artikolu 51 ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati mal-impriżi li ġejjin irrispettivament mill-forma ġuridika tagħhom, dment li dawk l-impriżi jkunu impriżi kbar, jew impriżi żgħar u ta’ daqs medju, bl-eċċezzjoni ta’ impriżi mikro, li huma entitajiet ta’ interess pubbliku kif definiti fil-punt (a) tal-punt (1) tal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva:

(a)

impriżi tal-assigurazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE (*1)

(b)

istituzzjonijiet ta’ kreditu kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-miżuri ta’ koordinazzjoni msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għall-impriżi elenkati fil-punti (2) sa (23) tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3)

4.   Il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti mill-Artikoli 19a, 29a u 29d ma għandhomx japplikaw għall-prodotti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 2, il-punt 12(b) u (f) tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).

5.   Il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti mill-Artikoli 40a sa 40d għandhom japplikaw ukoll għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-impriżi sussidjarji u l-fergħat tal-impriżi li mhumiex regolati mil-liġi ta’ Stat Membru iżda li l-forma ġuridika tagħhom hija komparabbli mat-tipi ta’ impriżi elenkati fl-Anness I.

(*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi tal-assigurazzjoni (ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1)."

(*3)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338)."

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1)."

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(5)

“fatturat nett” tfisser l-ammonti derivati mill-bejgħ ta’ prodotti u l-forniment ta’ servizzi wara li jitnaqqsu l-iskonti fuq il-bejgħ u t-taxxa fuq il-valur miżjud u taxxi oħra direttament marbuta mal-fatturat; madankollu, għall-impriżi tal-assigurazzjoni imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-Direttiva, “fatturat nett” għandu jiġi definit skont l-Artikolu 35 u l-punt 2 tal-Artikolu 66 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE (*5) għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-Direttiva, “fatturat nett” għandu jiġi definit skont l-Artikolu 43(2)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE (*6); u għall-impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 40a(1) ta’ din id-Direttiva, “fatturat nett” tfisser id-dħul kif definit minn jew skont it-tifsira tal-qafas tar-rapportar finanzjarju li abbażi tiegħu jitħejjew ir-rapporti finanzjarji tal-impriża;

(*5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi tal-assigurazzjoni (ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7)."

(*6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1).”;"

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(17)

“kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà” tfisser fatturi ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi fatturi ta’ sostenibbiltà ddefiniti fil-punt 24 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/2088;

(18)

“rapportar dwar is-sostenibbiltà’” tfisser ir-rapportar ta’ informazzjoni marbuta ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà f’konformità mal-Artikoli 19a, 29a u 29d;

(19)

“riżorsi intanġibbli ewlenin” tfisser riżorsi mingħajr sustanza fiżika li fuqhom jiddependi b’mod fundamentali l-mudell tan-negozju tal-impriża u li huma sors ta’ ħolqien ta’ valur għall-impriża;

(20)

“fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament” tfisser korp ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7)għall-attività speċifika ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 34(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (aa) ta’ din id-Direttiva.

(*7)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).”;"

(3)

Fl-Artikolu 19(1), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“L-impriżi kbar, u l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, bl-eċċezzjoni ta’ impriżi mikro, li huma entitajiet ta’ interess pubbliku kif definiti fil-punt (a) tal-punt (1) tal-Artikolu 2 għandhom jirrapportaw informazzjoni dwar ir-riżorsi intanġibbli ewlenin u jispjegaw kif il-mudell tan-negozju tal-impriża jiddependi fundamentalment fuq tali riżorsi u kif tali riżorsi huma sors ta’ ħolqien tal-valur għall-impriża.”;

(4)

L-Artikolu 19a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19a

Rapportar dwar is-sostenibbiltà

1.   L-impriżi kbar, u l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, bl-eċċezzjoni ta’ impriżi mikro, li huma entitajiet ta’ interess pubbliku kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), il-punt (a), għandhom jinkludu fir-rapport ta’ ġestjoni l-informazzjoni neċessarja biex jiġu mifhuma l-impatti tal-impriża fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi mifhum kif kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà jaffettwaw l-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-impriża.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun identifikabbli b’mod ċar fir-rapport ta’ ġestjoni, permezz ta’ taqsima ddedikata tar-rapport ta’ ġestjoni.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha:

(a)

deskrizzjoni qasira tal-mudell u tal-istrateġija tan-negozju tal-impriża, inklużi:

(i)

ir-reżiljenza tal-mudell u tal-istrateġija tan-negozju tal-impriża fir-rigward tar-riskji marbutin ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(ii)

l-opportunitajiet tal-impriża marbutin ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(iii)

il-pjanijiet tal-impriża, inklużi l-azzjonijiet ta’ implimentazzjoni u l-pjanijiet finanzjarji u ta’ investiment relatati, biex jiġi żgurat li l-mudell u l-istrateġija tan-negozju tagħha jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1.5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima adottat fit-12 ta’ Diċembru 2015 (il-“Ftehim ta’ Pariġi”) u l-objettiv li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8) u, fejn rilevanti, l-esponiment tal-impriża għal attivitajiet relatati mal-faħam, iż-żejt u l-gass;

(iv)

kif il-mudell u l-istrateġija tan-negozju tal-impriża jqisu l-interessi tal-partijiet ikkonċernati tal-impriża u l-impatti tal-impriża fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(v)

kif ġiet implimentata l-istrateġija tal-impriża fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(b)

deskrizzjoni tal-miri marbuta biż-żmien relatati ma’ kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà stabbiliti mill-impriża, inklużi, fejn xieraq, miri assoluti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-anqas għall-2030 u l-2050, deskrizzjoni tal-progress li tkun għamlet l-impriża lejn l-ilħuq ta’ dawk il-miri, u dikjarazzjoni dwar jekk il-miri tal-impriża relatati ma’ fatturi ambjentali humiex ibbażati fuq evidenza xjentifika konklużiva;

(c)

deskrizzjoni tar-rwol tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, kif ukoll tal-għarfien espert u l-ħiliet tagħhom b’rabta mat-twettiq ta’ dak ir-rwol jew l-aċċess li tali korpi jkollhom għal tali għarfien espert u ħiliet;

(d)

deskrizzjoni tal-politiki tal-impriża fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(e)

informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ skemi ta’ inċentivi marbuta ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà li jiġu offruti lill-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji;

(f)

deskrizzjoni ta’:

(i)

il-proċess ta’ diliġenza dovuta implimentat mill-impriża fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u, fejn applikabbli, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar l-impriżi biex iwettqu proċess ta’ diliġenza dovuta;

(ii)

l-impatti avversi attwali jew potenzjali prinċipali marbuta mal-operazzjonijiet tal-impriża stess u mal-katina tal-valur tagħha, inklużi l-prodotti u s-servizzi tagħha, ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha u l-katina tal-provvista tagħha, l-azzjonijiet meħuda biex jiġu identifikati u mmonitorjati dawk l-impatti, u impatti negattivi oħra li l-impriża hija meħtieġa tidentifika skont rekwiżiti oħra tal-Unjoni fuq l-impriżi biex iwettqu proċess ta’ diliġenza dovuta;

(iii)

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-impriża biex tipprevjeni, timmitiga, tirrimedja jew ittemm l-impatti negattivi attwali jew potenzjali, u r-riżultat ta’ tali azzjonijiet;

(g)

deskrizzjoni tar-riskji ewlenin għall-impriża marbutin ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, inkluż deskrizzjoni tad-dipendenzi prinċipali tal-impriża fuq dawk il-kwistjonijiet, u kif l-impriża timmaniġġja dawk ir-riskji;

(h)

indikaturi rilevanti għad-divulgazzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) sa (g).

L-impriżi għandhom jirrapportaw il-proċess imwettaq sabiex jidentifikaw l-informazzjoni li jkunu inkludew fir-rapport ta’ ġestjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-informazzjoni elenkata fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tinkludi informazzjoni relatata ma’ orizzonti ta’ żmien qasir, medju u twil, kif applikabbli.

3.   Fejn applikabbli, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tinkludi informazzjoni dwar l-operazzjonijiet proprji tal-impriża u dwar il-katina tal-valur tagħha, inklużi l-prodotti u s-servizzi tagħha, ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha u l-katina tal-provvista tagħha.

Għall-ewwel tliet snin tal-applikazzjoni tal-miżuri li jridu jiġu adottati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*9), u fil-każ li ma tkunx disponibbli l-informazzjoni kollha meħtieġa rigward il-katina tal-valur tagħha, l-impriża għandha tispjega l-isforzi li tkun għamlet biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa dwar il-katina tal-valur tagħha, ir-raġunijiet għala ma tkunx setgħet tinkiseb l-informazzjoni kollha meħtieġa, u l-pjanijiet tagħha biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa fil-futur.

Fejn applikabbli, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun fiha wkoll referenzi għall-informazzjoni l-oħra inkluża fir-rapport ta’ ġestjoni, u spjegazzjonijiet addizzjonali tagħha, f’konformità mal-Artikolu 19, u l-ammonti rrapportati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li, f’każijiet straordinarji, titħalla barra informazzjoni relatata ma’ żviluppi imminenti jew ma’ kwistjonijiet li jkunu qed jiġu nnegozjati, meta, fil-fehma debitament ġustifikata tal-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji, li jaġixxu fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-liġi nazzjonali u li jkollhom responsabilità kollettiva għal dik l-opinjoni, id-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni tkun tippreġudika serjament il-pożizzjoni kummerċjali tal-impriża, dment li tali ommissjoni ma tipprevenix ftehim ġust u bbilanċjat tal-iżvilupp, tal-prestazzjoni u tal-pożizzjoni tal-impriża u tal-impatt tal-attività tagħha.

4.   L-impriżi għandhom jirrapportaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmija fl-Artikolu 29b.

5.   Il-maniġment tal-impriża għandu jinforma lir-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-livell xieraq u jiddiskuti magħhom l-informazzjoni rilevanti u l-mezzi biex tinkiseb u tiġi vverifikata l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. L-opinjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema għandha tiġi kkomunikata, fejn applikabbli, lill-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji rilevanti.

6.   B’deroga mill-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 9 u 10 ta’ dan l-Artikolu, l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi definiti fil-punt (145) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 l-impriżi tal-assigurazzjoni kaptivi kif definiti fil-punt (2) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*10) u l-impriżi tar-riassigurazzjoni kaptivi definiti fil-punt (5) tal-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva jistgħu jillimitaw ir-rapportar tagħhom dwar is-sostenibbiltà għall-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni qasira tal-mudell u tal-istrateġija tan-negozju tal-impriża;

(b)

deskrizzjoni tal-politiki tal-impriża fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(c)

l-impatti negattivi reali jew potenzjali prinċipali tal-impriża fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu identifikati, monitorjati, prevenuti, mitigati jew rimedjati tali impatti negattivi reali jew potenzjali;

(d)

ir-riskji prinċipali għall-impriża b’rabta ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà u kif l-impriża timmaniġġja dawk ir-riskji;

(e)

indikaturi ewlenin neċessarji għad-divulgazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d).

L-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi u l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kaptivi li jiddependu mid-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jirrapportaw skont l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju msemmija fl-Artikolu 29c.

7.   Għal snin finanzjarji li jibdew qabel l-1 ta’ Jannar 2028, b’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li huma entitajiet ta’ interess pubbliku kif definiti fil-punt (a) tal-punt (1) tal-Artikolu 2 jistgħu jiddeċiedu li ma jinkludux fir-rapport ta’ ġestjoni tagħhom l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. F’każijiet bħal dawn, l-impriża għandha, madankollu, tiddikjara fil-qosor fir-rapport ta’ ġestjoni tagħha għaliex ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà ma jkunx ġie ipprovdut.

8.   L-impriżi li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu u l-impriżi li jiddependu mid-deroga stabbilita fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitqiesu li kkonformaw mar-rekwiżit stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(1).

9.   Dment li l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jkunu ssodisfati, impriża li tkun impriża sussidjarja għandha tiġi eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu (“l-impriża sussidjarja eżentata”) meta tali impriża u l-impriżi sussidjarji tagħha jkunu inklużi fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat ta’ impriża prinċipali oħra, imfassal f’konformità mal-Artikoli 29 u 29a. Impriża li tkun impriża sussidjarja ta’ impriża prinċipali li tkun stabbilita f’pajjiż terz għandha tkun eżentata wkoll mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu meta tali impriża u l-impriżi sussidjarji tagħha jkunu inklużi fir- rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà ta’ dik l-impriża prinċipali li hija stabbilita f’pajjiż terz u fejn dak ir-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà jitwettaq f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont l-Artikoli 29b jew b’mod ekwivalenti għal dak dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, kif determinati f’konformità ma’ att ta’ implimentazzjoni dwar l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottata skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*11).

L-eżenzjoni fl-ewwel subparagrafu għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-rapport ta’ ġestjoni tal-impriża sussidjarja eżentata jkun fih l-informazzjoni kollha li ġejja:

(i)

l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-impriża prinċipali li tirrapporta informazzjoni fil-livell ta’ grupp f’konformità ma’ dan l-Artikolu jew b’mod ekwivalenti għall-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont l-Artikolu 29b ta’ din id-Direttiva, kif determinati f’konformità ma’ att ta’ implimentazzjoni dwar l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottata skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE;

(ii)

il-links elettroniċi għar-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-impriża prinċipali, jew, fejn applikabbli, għar- rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà tal-impriża prinċipali kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u għall-opinjoni ta’ aċċertament imsemmija fil-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) ta’ din id-Direttiva jew għall-opinjoni ta’ aċċertament imsemmija fil-punt (b) ta’ dan is-subparagrafu;

(iii)

l-informazzjoni dwar il-fatt li l-impriża tkun eżentata mill-obbligi stipulati fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

jekk l-impriża prinċipali tkun stabbilita f’pajjiż terz, ir-rapportar konsolidat tagħha dwar is-sostenibbiltà u l-opinjoni ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat espressi minn persuna jew ditta waħda jew aktar awtorizzati li jagħtu opinjoni dwar l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà skont il-liġi li tirregola dik l-impriża prinċipali, jiġu ppubblikati f’konformità mal-Artikolu 30 ta’ din id-Direttiva, u f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru li minnha tkun irregolata l-impriża sussidjarja eżentata;

(c)

jekk l-impriża prinċipali tkun stabbilita f’pajjiż terz, id-divulgazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*12) li jkopru l-attivitajiet imwettqa mill-impriża sussidjarja eżentata stabbilita fl-Unjoni u l-impriżi sussidjarji tagħha, jiġu inklużi fir-rapport ta’ ġestjoni tal-impriża sussidjarja eżentata, jew fir-rapportar ikkonsolidat dwar is-sostenibbiltà li jitwettaq mill-impriża prinċipali stabbilita f’pajjiż terz.

L-Istat Membru li mil-liġi nazzjonali tiegħu tkun irregolata l-impriża sussidjarja eżentata, jista’ jeżiġi li r-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat jew, fejn applikabbli, ir-rapport konsolidat dwar is-sostenibbiltà, tal-impriża prinċipali jiġi ppubblikat b’lingwa li l-Istat Membru jaċċetta, u li tiġi pprovduta kwalunkwe traduzzjoni meħtieġa b’tali lingwa. Kwalunkwe traduzzjoni li ma tkunx ġiet iċċertifikata għandha tinkludi dikjarazzjoni li tispjega dak il-fatt.

L-impriżi li huma eżentati milli jħejju rapport ta’ ġestjoni f’konformità mal-Artikolu 37 ma għandhomx l-obbligu li jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-punti (a)(i) sa (iii) tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu dment li tali impriżi jippubblikaw ir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat f’konformità mal-Artikolu 37.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u fejn japplika l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) ta’din id-Direttiva li huma affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali li jissorveljahom skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jiġu ttrattati bħala impriżi sussidjarji ta’ dak il-korp ċentrali.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-impriżi tal-assigurazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-Direttiva li huma parti minn grupp, abbażi ta’ relazzjonijiet finanzjarji kif imsemmi fil-punt (c) (ii) tal-Artikolu 212(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, li huma soġġetti għas-superviżjoni tal-grupp skont il-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 213(2) ta’ dik id-Direttiva għandhom jiġu ttrattati bħala impriżi sussidjarji tal-impriża prinċipali ta’ dak il-grupp.

10.   L-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 9 għandha tapplika wkoll għall-entitajiet ta’ interess pubbliku soġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni ta’ impriżi kbar li huma entitajiet ta’ interess pubbliku definiti fil-punt (a) tal-punt (1) tal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva.

(*8)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1)."

(*9)  Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà korporattiva (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 15)."

(*10)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1)."

(*11)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’ suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38)."

(*12)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).”;"

(5)

L-Artikolu 20(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

deskrizzjoni tal-politika dwar id-diversità applikata fir-rigward tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tal-impriża fir-rigward tal-ġeneru u ta’ aspetti oħrajn bħall-età, id-diżabilità jew l-isfond edukattiv u professjonali, l-għanijiet ta’ dik il-politika dwar id-diversità, kif ġiet implimentata u r-riżultati fil-perijodu tar-rapportar. Jekk ma tiġi applikata l-ebda tali politika, id-dikjarazzjoni għandha tinkludi spjegazzjoni dwar għalfejn dak hu l-każ.”;

(b)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-impriżi soġġetti għall-Artikolu 19a għandhom jitqiesu li jkunu kkonformaw mal-obbligu stabbilit fil-punt (g) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu meta jinkludu l-informazzjoni meħtieġa skont dak il-punt bħala parti mir-rapportar dwar is-sostenibbiltà tagħhom u tkun inkluża referenza għal dak fid-dikjarazzjoni ta’ governanza korporattiva.”;

(6)

l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati msemmijin fil-punt (a) u r-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-korp akbar ta’ impriżi jitfasslu mill-impriża prinċipali ta’ dak il-korp, f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dik l-impriża prinċipali, f’konformità ma’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 29a, jew f’konformità mal-istandards internazzjonali kontabilistiċi adottati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002;”;

(b)

fil-paragrafu 8, il-punt (b)(i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

f’konformità ma’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 29a,”;

(c)

fil-paragrafu 8, il-punt (b)(i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iii)

b’mod ekwivalenti għar-rapporti finanzjarji kkonsolidati u għar-rapporti ta’ ġestjoni kkonsolidati mfasslin f’konformità ma’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 29a, jew”;

(7)

L-Artikolu 29a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 29a

Rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat

1.   L-impriżi prinċipali ta’ grupp kbir kif imsemmija fl-Artikolu 3(7) għandhom jinkludu fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat l-informazzjoni meħtieġa sabiex jinftiehmu l-impatti tal-grupp fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi mifhum kif kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà jaffettwaw l-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-grupp.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun identifikabbli b’mod ċar fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat, permezz ta’ taqsima ddedikata tar-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha:

(a)

deskrizzjoni qasira tal-mudell u tal-istrateġija tan-negozju tal-grupp, inklużi:

(i)

ir-reżiljenza tal-mudell u tal-istrateġija tan-negozju tal-grupp għar-riskji b’rabta ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(ii)

l-opportunitajiet għall-grupp b’rabta ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(iii)

il-pjanijiet tal-grupp, inkluż l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet u pjanijiet finanzjarji u ta’ investiment relatati, biex jiżgura li l-mudell u l-istrateġija kummerċjali tiegħu jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettiv ta’ newtralità klimatika sal-2050 kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119 u, fejn rilevanti, l-esponiment tal-grupp għal attivitajiet relatati mal-faħam, iż-żejt u l-gass;

(iv)

kif il-mudell u l-istrateġija tan-negozju tal-grupp jqisu l-interessi tal-partijiet ikkonċernati tal-grupp u l-impatti tal-grupp fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(v)

kif tkun ġiet implimentata l-istrateġija tal-grupp fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(b)

deskrizzjoni tal-miri marbuta biż-żmien relatati ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà stabbiliti mill-grupp, inkluż, fejn xieraq, il-miri assoluti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-inqas għall-2030 u l-2050, deskrizzjoni tal-progress magħmul mill-grupp biex jintlaħqu dawk il-miri, u dikjarazzjoni ta’ jekk il-miri tal-grupp relatati ma’ fatturi ambjentali humiex ibbażati fuq evidenza xjentifika konklużiva;

(c)

deskrizzjoni tar-rwol tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, kif ukoll l-għarfien espert u l-ħiliet tagħhom b’rabta mat-twettiq ta’ dak ir-rwol jew l-aċċess li jkollhom dawn il-korpi għal tali għarfien espert u ħiliet;

(d)

deskrizzjoni tal-politiki tal-grupp fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(e)

informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ skemi ta’ inċentiv marbuta ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà offruti lill-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji;

(f)

deskrizzjoni ta’:

(i)

il-proċess ta’ diliġenza dovuta implimentat mill-grupp fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u f’konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar l-impriżi biex iwettqu proċess ta’ diliġenza dovuta, fejn applikabbli;

(ii)

l-impatti avversi attwali jew potenzjali prinċipali marbuta mal-operazzjonijiet tal-grupp u mal-katina tal-valur tiegħu, inklużi l-prodotti u s-servizzi tiegħu, ir-relazzjonijiet kummerċjali u l-katina tal-provvista tiegħu, l-azzjonijiet meħuda biex jiġu identifikati u mmonitorjati dawk l-impatti u impatti negattivi oħra li l-impriża prinċipali hija meħtieġa tidentifika skont rekwiżiti oħra tal-Unjoni biex twettaq proċess ta’ diliġenza dovuta;

(iii)

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-grupp biex jipprevjeni, jimmitiga, jirrimedja jew iġib fi tmiemhom l-impatti negattivi attwali jew potenzjali, u r-riżultat ta’ tali azzjonijiet;

(g)

deskrizzjoni tar-riskji ewlenin għall-grupp b’rabta ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, inklużi d-dipendenzi prinċipali tal-grupp fuq dawk il-kwistjonijiet, u kif il-grupp jimmaniġġja dawk ir-riskji;

(h)

indikaturi rilevanti għad-divulgazzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) sa (g).

L-impriżi prinċipali għandhom jirrappurtaw il-proċess imwettaq sabiex jidentifikaw l-informazzjoni li jkunu inkludew fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-informazzjoni elenkata fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tinkludi informazzjoni relatata ma’ orizzonti qosra, medji u fit-tul, kif applikabbli.

3.   Fejn applikabbli, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun fiha informazzjoni dwar l-operazzjonijiet tal-grupp u l-katina tal-valur tiegħu, inklużi l-prodotti u s-servizzi tiegħu, ir-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu u l-katina tal-provvista tiegħu.

Għall-ewwel tliet snin tal-applikazzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva (UE) 2022/2464, u f’każ li ma tkunx disponibbli l-informazzjoni kollha meħtieġa rigward il-katina tal-valur tagħha, l-impriża prinċipali għandha tispjega l-isforzi li jkunu saru biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa dwar il-katina tal-valur tagħha, ir-raġunijiet għaliex ma tkunx setgħet tinkiseb l-informazzjoni kollha meħtieġa, u l-pjanijiet li jkollha biex tikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-futur.

Fejn applikabbli, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tinkludi wkoll referenzi u spjegazzjonijiet addizzjonali għall-informazzjoni oħra inkluża fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ din id-Direttiva u l-ammonti rrapportati fir-rapporti finanzjarji kkonsolidati.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li titħalla barra informazzjoni relatata ma’ żviluppi imminenti jew ma’ kwistjonijiet li jkunu qed jiġu nnegozjati f’każijiet straordinarji meta, fil-fehma debitament ġustifikata tal-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji, li jaġixxu fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-liġi nazzjonali u li jkollhom responsabilità kollettiva għal dik l-opinjoni, id-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni tkun tippreġudika serjament il-pożizzjoni kummerċjali tal-grupp, dment li tali ommissjoni ma tipprevenix ftehim ġust u bbilanċjat tal-iżvilupp, tal-prestazzjoni u tal-pożizzjoni tal-grupp u tal-impatt tal-attività tiegħu.

4.   Meta l-impriża li tirrapporta tidentifika differenzi sinifikanti bejn ir-riskji għal, jew l-impatti fir-rigward, tal-grupp u r-riskji għal, jew l-impatti fir-rigward ta’, -impriża sussidjarja waħda jew aktar tagħha, l-impriża għandha tfiehem adegwatament, kif xieraq, ir-riskji għal--impriża sussidjarja jew l--impriżi sussidjarji kkonċernati u l-impatti tagħhom.

L-impriżi għandhom jindikaw liema –impriżi sussidjarji inklużi fil-konsolidazzjoni jkunu eżentati mir-rapportar dwar is-sostenibbiltà annwali jew konsolidat skont l-Artikoli 19a (9) jew 29a(8) rispettivament.

5.   L-impriżi prinċipali għandhom jirrapportaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont l-Artikolu 29b.

6.   Il-maniġment tal-impriża prinċipali għandu jinforma lir-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-livell xieraq u jiddiskuti magħhom l-informazzjoni rilevanti u l-mezzi li bihom tkun tista’ tinkiseb u tiġi vverifikata l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. L-opinjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema għandha tiġi kkomunikata, fejn applikabbli, lill-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji rilevanti.

7.   Impriża prinċipali li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu għandha titqies li kienet konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u fl-Artikolu 19a.

8.   Dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, impriża prinċipali li hija wkoll impriża sussidjarja għandha tkun eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu (“l-impriża prinċipali eżentata”) jekk tali impriża prinċipali u l-impriżi sussidjarji tagħha jkunu inklużi fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat ta’ impriża oħra mfassal f’konformità mal-Artikolu 29 u ma’ dan l-Artikolu. Impriża prinċipali li tkun impriża sussidjarja ta’ impriża prinċipali li tkun stabbilita f’pajjiż terz għandha tkun eżentata wkoll mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu meta tali impriża prinċipali u l-impriżi sussidjarji tagħha jkunu inklużi fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat ta’ dik l-impriża prinċipali li hija stabbilita f’pajjiż terz u meta r-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat jitwettaq skont l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont l-Artikolu 29b jew b’mod ekwivalenti għal dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, kif determinati f’konformità ma’ att ta’ implimentazzjoni dwar l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE.

L-eżenzjoni fl-ewwel subparagrafu għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-rapport ta’ ġestjoni tal-impriża prinċipali eżentata jkun fih l-informazzjoni kollha li ġejja:

(i)

l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-impriża prinċipali li tirrapporta informazzjoni fil-livell ta’ grupp f’konformità ma’ dan l-Artikolu, jew b’mod ekwivalenti għall-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont l-Artikolu 29b ta’ din id-Direttiva, kif determinati f’konformità ma’ att ta’ implimentazzjoni dwar l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE;

(ii)

il-links elettroniċi għar-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-impriża prinċipali, jew, fejn applikabbli, għar-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà tal-impriża prinċipali kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u għall-opinjoni dwar l-aċċertament msemmija fil-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) ta’ din id-Direttiva jew l-opinjoni dwar l-aċċertament msemmija fil-punt (b) ta’ dan is-subparagrafu;

(iii)

l-informazzjoni dwar il-fatt li l-impriża prinċipali tkun eżentata mill-obbligi stipulati fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

(b)

jekk l-impriża prinċipali tkun stabbilita f’pajjiż terz, ir-rapportar konsolidat tagħha dwar is-sostenibbiltà u l-opinjoni ta’ aċċertament espressi minn persuna jew ditta waħda jew aktar awtorizzata li jagħtu opinjoni dwar l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà skont il-liġi nazzjonali li tirregola l-impriża prinċipali, jiġu ppubblikati f’konformità mal-Artikolu 30, kif preskritt mil-liġi tal-Istat Membru li minnu tkun irregolata l-impriża prinċipali eżentata;

(c)

jekk l-impriża prinċipali tkun stabbilita f’pajjiż terz, id-divulgazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, li jkopru l-attivitajiet imwettqa mill-impriża sussidjarjastabbilita fl-Unjoni, u eżentata mir-rapportar dwar is-sostenibbiltà abbażi tal-Artikolu 19a(9) ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu inklużi fir-rapport ta’ ġestjoni tal-impriża prinċipali eżentata, jew fir-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà mwettaq mill-impriża prinċipali stabbilita f’pajjiż terz.

L-Istat Membru li l-impriża prinċipali eżentata tkun irregolata bil-liġi tiegħu jista’ jitlob li r-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-impriża prinċipali jew, fejn applikabbli, ir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-impriża prinċipali jiġi ppubblikat b’lingwa li dak l-Istat Membru jaċċetta, u li tiġi pprovduta kwalunkwe traduzzjoni neċessarja b’dawk it-tali lingwi. Kwalunkwe traduzzjoni li ma tkunx ġiet iċċertifikata għandha tinkludi dikjarazzjoni f’dak is-sens.

L-impriżi prinċipali li jkunu eżentati mit-tħejjija ta’ rapport ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 37 ma għandhomx ikunu obbligati jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-punti (a)(i) sa (a)(iii) tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, dment li tali impriżi jippubblikaw ir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat f’konformità mal-Artikolu 37.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u fejn japplika l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tall-Artikolu 1(3) ta’ din id-Direttiva li huma affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali li jissorveljahom skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jiġu ttrattati bħala –impriżi sussidjarji ta’ dak il-korp ċentrali.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-impriżi tal-assigurazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-Direttiva li huma parti minn grupp abbażi ta’ relazzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 212(1)(c)(ii) tad-Direttiva 2009/138/KE, u li huma soġġetti għas-superviżjoni tal-grupp skont il-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 213(2) ta’ dik id-Direttiva għandhom jiġu ttrattati bħala -impriżi sussidjarji tal-impriża prinċipali ta’ dak il-grupp.

9.   L-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 8 għandha tapplika wkoll għal entitajiet ta’ interess pubbliku soġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni ta’ impriżi kbar li jkunu entitajiet ta’ interess pubbliku kif definiti fil-punt (1)(a) tal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva.”;

(8)

Jiddaħħal il-kapitolu li ġej:

“KAPITOLU 6A

STANDARDS TAR-RAPPORTAR DWAR IS-SOSTENIBBILTÀ”

Artikolu 29b

Standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tissupplimenta din id-Direttiva b’tali mod li tipprevedi standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għandhom jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi għandhom jirrapportaw f’konformità mal-Artikoli 19a u 29a u, fejn rilevanti, għandhom jispeċifikaw l-istruttura li għandha tintuża biex tiġi rrapportata dik l-informazzjoni.

Fl-atti delegati adottati msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tispeċifika, sat-30 ta’ Ġunju 2023, l-informazzjoni li l-impriżi jridu jirrapportaw f’konformità mal-Artikolu 19a(1) u (2), u mal- -Artikolu 29a(1) u (2) fejn applikabbli, li tal-anqas għandha tinkludi l-informazzjoni li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji soġġetti għall-obbligi ta’ divulgazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/2088 jkollhom bżonn biex ikunu konformi ma’ dawk l-obbligi.

Fl-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha, sat-30 ta’ Ġunju 2024, tispeċifika:

(i)

informazzjoni komplementari li l-impriżi jridu jirrapportaw fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà u tal-oqsma ta’ rapportar elenkati fl-Artikolu 19a(2), fejn meħtieġ;

(ii)

informazzjoni li l-impriżi għandhom jirrapportaw u li tkun speċifika għas-settur li joperaw fih.

Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar stabbiliti fl-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu ma’ għandhomx jidħlu fis-seħħ qabel erba’ xhur wara l-adozzjoni tagħhom mill-Kummissjoni.

Meta tadotta atti delegati biex tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (ii) tat-tielet subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-iskala tar-riskji u l-impatti relatati ma’ kwistjonijiet dwar is-sostenibbiltà għal kull settur, filwaqt li tqis il-fatt li r-riskji u l-impatti huma akbar għal xi setturi milli għal oħrajn.

Il-Kummissjoni għandha, tal-anqas kull tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni tagħhom, tirrieżamina l-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu, filwaqt li tqis il-parir tekniku tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rapportar Finanzjarju (EFRAG), u, fejn neċessarju, għandha temenda tali atti delegati sabiex jitqiesu l-iżviluppi rilevanti, inklużi l-iżviluppi fir-rigward tal-istandards internazzjonali.

Il-Kummissjoni għandha, mill-inqas darba fis-sena, tikkonsulta mal-Parlament Ewropew, u tikkonsulta b’mod konġunt mal-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzi Sostenibbli msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2020/852, u mal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabbiltà, msemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 dwar il-programm ta’ ħidma tal-EFRAG fir-rigward tal-iżvilupp ta’ standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

2.   L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għandhom jiżguraw il-kwalità tal-informazzjoni rraportata, billi jitolbu li din tkun tinftiehem, rilevanti, verifikabbli, komparabbli u rrappreżentata b’mod leali. L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għandhom jevitaw li jimponu piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-impriżi, inkluż billi jqisu, kemm jista’ jkun, il-ħidma ta’ inizjattivi globali li jistabbilixxu l-istandards għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà kif mitlub mill-punt (a) tal-paragrafu 5.

L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għandhom, filwaqt li jqisu s-suġġett ta’ standard partikolari tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà:

(a)

jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jridu jiddivulgaw dwar il-fatturi ambjentali li ġejjin:

(i)

il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, inkluż fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-ambitu 1, l-ambitu 2 u, fejn rilevanti, l-ambitu 3,

(ii)

l-adattament għat-tibdil fil-klima;

(iii)

ir-riżorsi tal-ilma u tal-baħar;

(iv)

l-użu tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari;

(v)

it-tniġġis;

(vi)

il-bijodiversità u l-ekosistemi;

(b)

jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jridu jiddivulgaw dwar il-fatturi soċjali u relatati mad-drittijiet tal-bniedem li ġejjin:

(i)

opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inklużi l-ugwaljanza bejn is-sessi u paga ugwali għal xogħol ugwali, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, l-impjieg u l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità, miżuri kontra l-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol u d-diversità;

(ii)

il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż l-impjieg sikur, il-ħin tax-xogħol, il-pagi adegwati, id-djalogu soċjali, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, l-eżistenza ta’ kunsilli tax-xogħolijiet, in-negozjar kollettiv, inkluż il-proporzjon ta’ ħaddiema koperti minn ftehimiet kollettivi, id-drittijiet ta’ informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u s-saħħa u s-sikurezza;

(iii)

ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għal-libertajiet fundamentali, għall-prinċipji demokratiċi u għall-istandards stabbiliti fil-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u f’konvenzjonijiet ewlenin oħrajn tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, id-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u l-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

(c)

jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi jridu jiddivulgaw dwar il-fatturi ta’ governanza li ġejjin:

(i)

ir-rwol tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tal-impriża fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u l-kompożizzjoni tagħhom, kif ukoll l-għarfien espert u l-ħiliet tagħhom b’rabta mat-twettiq ta’ dak ir-rwol jew l-aċċess li jkollhom tali korpi għal tali għarfien espert u ħiliet;

(ii)

il-karatteristiċi ewlenin tas-sistemi ta’ kontroll intern u tal-immaniġġjar tar-riskji fir-rigward tal-proċess ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

(iii)

l-etika tan-negozju u l-kultura korporattiva, inklużi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim, il-protezzjoni tal-informaturi u l-benessri tal-annimali;

(iv)

attivitajiet u impenji tal-impriża b’rabta mal-eżerċitazzjoni tal-influwenza politika tagħha, inklużi attivitajiet ta’ lobbying;

(v)

il-ġestjoni u l-kwalità tar-relazzjonijiet mal-klijenti, il-fornituri u l-komunitajiet affettwati mill-attivitajiet tal-impriża, inkluż il-prattiki ta’ pagament, speċjalment fir-rigward ta’ ħlasijiet tard lil impriżi żgħar u ta’ daqs medju;

3.   L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għandhom jispeċifikaw l-informazzjoni prospettiva, retrospettiva, kwalitattiva u kwantitattiva, skont il-każ, li għandha tiġi rrapportata mill-impriżi.

4.   L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għandhom iqisu d-diffikultajiet li l-impriżi jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-ġbir ta’ informazzjoni mingħand atturi tul il-katina tal-valur tagħhom, speċjalment mingħand dawk li mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikoli 19a jew 29a u mingħand fornituri fi swieq u ekonomiji emerġenti. L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għandhom jispeċifikaw divulgazzjonijiet dwar ktajjen tal-valur li huma proporzjonati u rilevanti għall- kapaċitajiet u l-karatteristiċi ta’ impriżi fi ktajjen tal-valur, u għall- iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet, speċjalment dawk ta’ impriżi li mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-Artikolu 19a jew 29a. L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ma għandhomx jispeċifikaw divulgazzjonijiet li jkunu jirrikjedu li l-impriżi jiksbu informazzjoni minn impriżi żgħar u medji fil-katina tal-valur tagħhom li teċċedi l-informazzjoni li tkun trid tiġi ddivulgata skont l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-impriżi żgħar u medji msemmija fl-Artikolu 29c.

L-ewwel subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar l-impriżi biex iwettqu proċess ta’ diliġenza dovuta.

5.   Meta tadotta atti delegati skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, kemm jista’ jkun, tqis:

(a)

il-ħidma ta’ inizjattivi globali ta’ ffissar ta’ standards għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, u standards u oqfsa eżistenti għall-kontabilità tal-kapital naturali u għall-kontabbiltà tal-gassijiet serra, għall-imġiba responsabbli fin-negozju, għar-responsabbiltà soċjali korporattiva u għall-iżvilupp sostenibbli;

(b)

l-informazzjoni li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jkollhom bżonn sabiex ikunu konformi mal-obbligi ta’ divulgazzjoni tagħhom stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2088 u fl-atti delegati adottati skont dak ir-Regolament;

(c)

il-kriterji, l-indikaturi u l-metodoloġiji stabbiliti fl-atti delegati adottati skont ir-Regolament (UE) 2020/852, inklużi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti skont l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament u r-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fl-att delegat adottat skont l-Artikolu 8 ta’ dak ir-Regolament;

(d)

ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni applikabbli għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji fir-rapport tal-parametri referenzjarji u fil-metodoloġija tal-parametri referenzjarji u l-istandards minimi għall-bini tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE Allinjati ma’ Pariġi f’konformità mar-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2020/1816 (*13) (UE) 2020/1817 (*14) u (UE) 2020/1818 (*15)

(e)

id-divulgazzjonijiet speċifikati fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 434a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(f)

ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE (*16);

(g)

id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*17)

(h)

ir-Regolament (UE) 2021/1119;

(i)

ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*18);

(j)

id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*19)

Artikolu 29c

Standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għal impriżi żgħar u medji

1.   Sat-30 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 49 biex tissupplimenta din id-Direttiva b’tali mod li tipprevedi standards ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà rilevanti u proporzjonati għall-kapaċitajiet u l-karatteristiċi tal-impriżi żgħar u medji u għall-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom. Dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għandhom jispeċifikaw, għall-impriżi żgħar u medji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a), l-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata f’konformità mal-Artikolu 19a(6).

Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar stabbiliti fl-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhomx jidħlu fis-seħħ qabel erba’ xhur wara l-adozzjoni tagħhom mill-Kummissjoni.

2.   L-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-impriżi żgħar u medji għandhom iqisu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29b(2) sa (5). Għandhom ukoll, sa fejn ikun possibbli, jispeċifikaw l-istruttura li trid tintuża biex tiġi ppreżentata dik l-informazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha, tal-anqas kull tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni tagħhom, tirrieżamina l-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu, filwaqt li tqis il-parir tekniku tal-EFRAG, u, fejn neċessarju, hi għandha temenda tali atti delegati sabiex jitqiesu l-iżviluppi rilevanti, inklużi l-iżviluppi fir-rigward tal-istandards internazzjonali.

(*13)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1816 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispjegazzjoni fid-dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju dwar kif il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza huma riflessi f’kull parametru referenzjarju pprovdut u ppubblikat (ĠU L 406, 3.12.2020, p. 1)."

(*14)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1817 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut minimu tal-ispjegazzjoni dwar kif il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza huma riflessi fil-metodoloġija tal-parametru referenzjarju (ĠU L 406, 3.12.2020, p. 12)."

(*15)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 406, 3.12.2020, p. 17)."

(*16)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE tad-9 ta’ April 2013 dwar l-użu ta’ metodi komuni għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet (ĠU L 124, 4.5.2013, p. 1)."

(*17)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32)."

(*18)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1)."

(*19)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17)."

(9)

Jiddaħħal il-kapitolu li ġej:

“KAPITOLU 6B

FORMAT ELETTRONIKU UNIKU GĦAR-RAPPORTAR

Artikolu 29d

Format elettroniku uniku għar-rapportar

1.   L-impriżi soġġetti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 19a ta’ din id-Direttiva għandhom iħejju r-rapport ta’ ġestjoni tagħhom fil-format elettroniku tar-rapportar speċifikat fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815 (*20)u għandhom jimmarkaw ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà tagħhom, inklużi d-divulgazzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, f’konformità mal-format elettroniku għar-rapportar speċifikat f’dak ir-Regolament Delegat.

2.   L-impriżi prinċipali soġġetti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 29a għandhom iħejju r-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tagħhom fil-format elettroniku għar-rapportar speċifikat fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/815 u għandhom jimmarkaw ir-rapportar tagħhom dwar is-sostenibbiltà, inkluż id-divulgazzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, f’konformità mal-format elettroniku dwar ir-rapportar speċifikat f’dak ir-Regolament Delegat.

(*20)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jissupplimenta d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-ispeċifikazzjoni tal-format elettroniku uniku għar-rapportar (ĠU L 143, 29.5.2019, p. 1).”;"

(10)

fl-Artikolu 30, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi jippubblikaw, fi żmien raġonevoli li ma għandux jaqbeż it-12-il xahar wara d-data tal-karta bilanċjali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u r-rapport ta’ ġestjoni approvati kif xieraq, fil-format elettroniku tar-rapportar imsemmi fl-Artikolu 29d ta’ din id-Direttiva, fejn applikabbli, flimkien mal-opinjoni u mar-rapport ippreżentati mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 34 ta’ din id-Direttiva, kif stabbilit mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru f’konformità mal-Kapitolu III tat-Titolu 1 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*21)

L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-impriżi soġġetti għall-Artikoli 19a u 29a jqiegħdu r-rapport ta’ ġestjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit web tagħhom, mingħajr ħlas. F’każ ta’ impriża li ma jkollhiex sit web, l-Istati Membri jistgħu jitolbuha tqiegħed għad-dispożizzjoni kopja bil-miktub tar-rapport ta’ ġestjoni tagħha fuq talba.

Meta fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament jesprimi l-opinjoni msemmija fil-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1), dik l-opinjoni għandha tiġi ppubblikata flimkien mad-dokumenti msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw impriżi mill-obbligu li jippubblikaw ir-rapport ta’ ġestjoni, fejn kopja tar-rapport kollu jew parti minnu tista’ tinkiseb faċilment meta tintalab bi prezz li ma jaqbiżx il-kost amministrattiv tagħha.

L-eżenzjoni stabbilita fir-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tapplika għal impriżi soġġetti għar-rekwiżiti tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikoli 19a u 29a.

(*21)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).”;"

(11)

fl-Artikolu 33, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji ta’ impriża, li jaġixxu fi ħdan il-kompetenzi assenjati lilhom mil-liġi nazzjonali, ikollhom responsabbiltà kollettiva sabiex jiżguraw li d-dokumenti li ġejjin jitfasslu u jiġu ppubblikati f’konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u, fejn applikabbli, mal-istandards kontabilistiċi internazzjonali adottati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002, mar-Regolament Delegat (UE) 2019/815, mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmijin fl-Artikolu 29b jew fl-Artikolu 29c ta’ din id-Direttiva, u mar-rekwiżiti tal-Artikolu 29d ta’ din id-Direttiva:

(a)

id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, ir-rapport ta’ ġestjoni u d-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva meta jiġu pprovduti separatament; u

(b)

ir-rapporti finanzjarji kkonsolidati, ir-rapporti ta’ ġestjoni kkonsolidati u d-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva kkonsolidata meta jiġu pprovduti separatament.”;

(12)

It-titolu tal-Kapitolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Awditjar u aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà”;

(13)

L-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a)(ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

jekk ir-rapport ta’ ġestjoni jkunx tħejja f’konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli, esklużi r-rekwiżiti tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 19a ta’ din id-Direttiva;”;

(ii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

fejn applikabbli, jesprimu opinjoni bbażata fuq inkarigu ta’ aċċertament limitat fir-rigward tal-konformità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, inkluż il-konformità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont l-Artikolu 29b jew l-Artikolu 29c, il-proċess imwettaq mill-impriża sabiex tidentifika l-informazzjoni rrapportata skont dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, u l-konformità mar-rekwiżit ta’ markatura tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà f’konformità mal-Artikolu 29d, u fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852;”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu awditur statutorju jew ditta tal-awditjar differenti minn dik/dawk li twettaq/iwettqu l-awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji biex jesprimu l-opinjoni msemmija fil-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.”;

(c)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lil fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament stabbilit fit-territorju tagħhom jesprimi l-opinjoni msemmija fil-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, dment li tali fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament ikun soġġett għal rekwiżiti li jkunu ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*22)fir-rigward tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà kif iddefinit fl-Artikolu 2(22) ta’ dik id-Direttiva, partikolarment ir-rekwiżiti dwar:

(a)

it-taħriġ u l-eżami, li jiżguraw li l-fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament jiksbu l-għarfien espert meħtieġ dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà;

(b)

it-tkomplija tal-edukazzjoni;

(c)

is-sistemi ta’ garanzija tal-kwalità;

(d)

l-etika professjonali, l-indipendenza, l-oġġettività, il-kunfidenzjalità u s-sigriet professjonali;

(e)

il-ħatra u t-tneħħija;

(f)

l-investigazzjonijiet u s-sanzjonijiet;

(g)

l-organizzazzjoni tax-xogħol tal-fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament, b’mod partikolari f’termini ta’ riżorsi u persunal suffiċjenti u ż-żamma ta’ rekords u fajls tal-kontijiet tal-klijenti; u

(h)

ir-rapportar tal-irregolaritajiet.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta fornitur indipendenti ta’ servizzi ta’ aċċertament jesprimi l-opinjoni msemmija fil-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, dik l-opinjoni titħejja skont l-Artikoli 26a, 27a u 28a tad-Direttiva 2006/43/KE u li, fejn applikabbli, il-kumitat tal-awditjar, jew kumitat iddedikat, jirrieżamina u jimmonitorja l-indipendenza tal-fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament f’konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 39(6) tad-Direttiva 2006/43/KE.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri indipendenti ta’ servizzi ta’ aċċertament akkreditati qabel l-1 ta’ Jannar 2024 għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008, ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti ta’ taħriġ u eżami msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament fl-1 ta’ Jannar 2024 ikunu għaddejjin mill-proċess ta’ akkreditazzjoni f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali rilevanti ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti ta’ taħriġ u eżami msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu fir-rigward tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, dment li jlestu dak il-proċess sal-1 ta’ Jannar 2026.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament msemmija fit-tielet u r-raba’ subparagrafi jiksbu l-għarfien meħtieġ fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà permezz tar-rekwiżit ta’ edukazzjoni kontinwa msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu.

Jekk Stat Membru, skont l-ewwel subparagrafu, jiddeċiedi li jippermetti fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament jesprimi l-opinjoni msemmija fil-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, għandu jippermetti wkoll lil awditur statutorju li jkun differenti minn dak/dawk li jkunu qed iwettaq/iwettqu l-awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji jagħmel dan, kif previst fil-paragrafu 3.

5.   Mis-6 ta’ Jannar 2027 Stat Membru li jkun għamel użu mill-għażla prevista fil-paragrafu 4 (“l-Istat Membru ospitanti”) għandu jippermetti lill-fornitur indipendenti tas-servizzi tal-aċċertament stabbilit fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ospitanti (l-Istat Membru tad-domiċilju”) iwettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

L-Istat Membru tad-domiċilju għandu jkun responsabbli mis-superviżjoni tal-fornituri indipendenti tas-servizzi tal-aċċertament stabbiliti fit-territorju tiegħu, sakemm l-Istat Membru ospitanti ma jiddeċidix li jagħmel superviżjoni tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mwettqa minn fornituri indipendenti tas-servizzi tal-aċċertament fit-territorju tiegħu.

Jekk l-Istat Membru ospitanti jiddeċiedi li jissorvelja l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mwettqa fit-territorju tiegħu minn fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament irreġistrati fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru ospitanti għandu:

(a)

ma jimponix rekwiżiti jew responsabbiltà aktar stretti fuq tali fornituri indipendenti ta’ servizzi ta’ aċċertament minn dawk meħtieġa għall-aċċertament tar- rapportar dwar is-sostenibbiltà mil-liġijiet nazzjonali għall-fornituri indipendenti ta’ servizzi ta’ aċċertament jew għall-awdituri stabbiliti f’dak l-Istat Membru ospitanti; u

(b)

jinforma lil Stati Membri oħra dwar id-deċiżjoni tiegħu li jissorvelja l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mwettaq minn fornituri indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament stabbiliti fi Stati Membri oħra.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta impriża tkun mitluba mil-liġi tal-Unjoni li jkollha elementi tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tagħha vverifikati minn parti terza indipendenti akkreditata, ir-rapport tal-parti terza indipendenti akkreditata jitqiegħed għad-dispożizzjoni bħala anness għar-rapport ta’ ġestjoni jew b’mezzi oħra aċċessibbli għall-pubbliku.

(*22)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).”;"

(14)

Jiddaħħal il-kapitolu li ġej:

“KAPITOLU 9A

RAPPORTAR LI JIKKONĊERNA IMPRIŻI TA’ PAJJIŻI TERZI

Artikolu 40a

Rapporti dwar is-sostenibbiltà li jikkonċernaw impriżi ta’ pajjiżi terzi

1.   Stat Membru għandu jirrikjedi li impriża sussidjarja stabbilita fit-territorju tiegħu li l-impriża prinċipali apikali tagħha tkun irregolata mil-liġi ta’ pajjiż terz tippubblika u trendi aċċessibbli rapport dwar is-sostenibbiltà li jkopri l-informazzjoni speċifikata fil-punti (a)(iii) sa (a)(v), il-punti (b) sa (f) u, fejn xieraq, il-punt (h) tal-Artikolu 29a(2) fil-livell ta’ grupp ta’ dik l-impriża prinċipali apikali ta’ pajjiż terz.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għal impriżi sussidjarji kbar u għal impriżi sussidjarji żgħar u medji, bl-eċċezzjoni ta’ impriżi mikro, li jkunu entitajiet ta’ interess pubbliku kif definiti fil-punt 1(a) tal-Artikolu 2.

Stat Membru għandu jirrikjedi li fergħa li tkun lokalizzata fit-territorju tiegħu, u li tkun fergħa ta’ impriża rregolata mil-liġi ta’ pajjiż terz, li jewma tkunx parti minn grupp jew fl-aħħar mill-aħħar tkun miżmuma minn impriża li tkun iffurmata f’konformità mal-liġi ta’ pajjiż terz, tippubblika u trendi aċċessibbli rapport dwar is-sostenibbiltà li jkopri l-informazzjoni speċifikata fil-punti (a)(iii) sa (a)(v), il-punti (b) sa (f) u, fejn xieraq, il-punt (h) tal-Artikolu 29a(2), fil-livell ta’ grupp, jew, jekk mhux applikabbli, il-livell individwali, tal-impriża ta’ pajjiż terz.

Ir-regola msemmija fit-tielet subparagrafu għandha tapplika biss għal fergħa fejn l-impriża ta’ pajjiż terz ma jkollhiex impriża sussidjarja kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, u fejn il-fergħa tkun iġġenerat fatturat nett ta’ aktar minn EUR 40 miljun fis-sena finanzjarja preċedenti.

L-ewwel u t-tielet subparagrafi għandhom japplikaw biss għall-impriżi sussidjarji jew il-fergħat imsemmija f’dawk is-subparagrafi fejn l-impriża ta’ pajjiż terz, fil-livell ta’ grupp tagħha, jew, jekk mhux applikabbli, il-livell individwali, tkun iġġenerat fatturat nett ta’ aktar minn EUR 150 miljun fl-Unjoni għal kull waħda mill-aħħar sentejn finanzjarji konsekuttivi.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-impriżi sussidjarji jew il-fergħat imsemmija fl-ewwel u t-tielet subparagrafi jibagħtulhom informazzjoni dwar il-fatturat nett iġġenerat fit-territorju tagħhom u fl-Unjoni mill-impriżi ta’ pajjiżi terzi.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li r-rapport dwar is-sostenibbiltà kkomunikat mill-impriża sussidjarja jew mill-fergħa kif imsemmi fil-paragrafu 1 jitfassal f’konformità mal-istandards adottati skont l-Artikolu 40b.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ir-rapport dwar is-sostenibbiltà msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jitfassal f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont l-Artikolu 29b jew b’mod ekwivalenti għal dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, kif iddeterminat f’konformità ma’ att ta’ implimentazzjoni dwar l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottatat skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE.

Meta l-informazzjoni meħtieġa biex jitfassal ir-rapport dwar is-sostenibbiltà msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma tkunx disponibbli, l-impriża sussidjarja jew il-fergħa msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitolbu lill-impriża ta’ pajjiż terz biex tipprovdilhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

F’każ li ma tingħatax l-informazzjoni kollha meħtieġa, l-impriża sussidjarja jew il-fergħa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tfassal, tippubblika u trendi aċċessibbli r-rapport dwar is-sostenibbiltà msemmi fil-paragrafu 1, li jkun fih l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħha, miksuba jew akkwiżita, u toħroġ dikjarazzjoni li tindika li l-impriża ta’ pajjiż terz ma tkunx qiegħdet għad-dispożizzjoni l-informazzjoni meħtieġa.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li r-rapport dwar is-sostenibbiltà msemmi fil-paragrafu 1 jkun ppubblikat akkumpanjat minn opinjoni ta’ aċċertament espressa minn persuna jew ditta waħda jew aktar awtorizzati li jagħtu opinjoni dwar l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà skont il-liġi nazzjonali tal-impriża ta’ pajjiż terz jew ta’ Stat Membru.

F’każ li l-impriża ta’ pajjiż terz ma tipprovdix l-opinjoni ta’ aċċertament skont l-ewwel subparagrafu, l-impriża sussidjarja jew il-fergħa għandha toħroġ dikjarazzjoni li tindika li l-impriża ta’ pajjiż terz ma tkunx qiegħdet għad-dispożizzjoni l-opinjoni dwar l-aċċertament meħtieġa.

4.   L-Istati Membri jistgħu jinfurmaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwali dwar is-l-impriżi sussidjarji jew il-fergħat ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżit ta’ pubblikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 40d u bil-każijiet fejn ġie ppubblikat rapport iżda fejn l-impriża sussidjarja jew il-fergħatkun aġixxiet f’konformità mar-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tagħha, lista tal-impriżi ta’ pajjiżi terzi li jippubblikaw rapport dwar is-sostenibbiltà.

Artikolu 40b

Standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għal impriżi ta’ pajjiżi terzi

Sat-30 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 49 biex tissupplimenta din id-Direttiva b’tali mod li tipprevedi standards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għal impriżi ta’ pajjiżi terzi li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapporti dwar is-sostenibbiltà msemmija fl-Artikolu 40a.

Artikolu 40c

Responsabbiltà għat-tfassil, il-pubblikazzjoni u l-aċċessibbiltà ta’ rapporti dwar is-sostenibbiltà li jikkonċernaw impriżi ta’ pajjiżi terzi

L-Istati Membri għandhom jiddisponu li l-fergħat ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi jkollhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, sa fejn jafu u l-kapaċità tagħhom, li r-rapport dwar is-sostenibbiltà tagħhom jitfassal f’konformità mal-Artikolu 40a, u li dak ir-rapport jiġi ppubblikat u jkun aċċessibbli f’konformità mal-Artikolu 40d.

L-Istati Membri għandhom jiddisponu li l-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tal-impriżi sussidjarji msemmija fl-Artikolu 40a jkollhom ir-responsabbiltà kollettiva li jiżguraw, sa fejn jafu u l-kapaċità tagħhom, li r-rapport dwar is-sostenibbiltà tagħhom jitfassal f’konformità mal-Artikolu 40a, u li dak ir-rapport jiġi ppubblikat u jkun aċċessibbli f’konformità mal-Artikolu 40d.

Artikolu 40d

Pubblikazzjoni

1.   L-impriżi sussidjarji u l-fergħat imsemmija fl-Artikolu 40a(1) ta’ din id-Direttiva għandhom jippubblikaw ir-rapport dwar i-ssostenibbiltà tagħhom, flimkien mal-opinjoni dwar l-aċċertament u, fejn applikabbli, id-dikjarazzjoni msemmija fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 40a(2) ta’ din id-Direttiva, fi żmien 12-il xahar mid-data tal-karta bilanċjali tas-sena finanzjarja li għaliha jkun tfassal ir-rapport, kif previst minn kull Stat Membru, f’konformità mal-Artikoli 14 sa 28 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 u, fejn rilevanti, f’konformità mal-Artikolu 36 ta’ dik id-Direttiva.

2.   Meta r-rapport dwar is-sostenibbiltà flimkien mal-opinjoni ta’ aċċertament u, fejn applikabbli, flimkien mad-dikjarazzjoni, ippubblikata f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ma jkunux aċċessibbli, bla ħlas, għall-pubbliku fuq is-sit web tar-reġistru msemmi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2017/1132, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapport dwar is-sostenibbiltà flimkien mal-opinjoni dwar l-aċċertament u, fejn applikabbli, mad-dikjarazzjoni ppubblikata mill-impriżi, f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, isiru aċċessibbli għall-pubbliku f’mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, bla ħlas, mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-data tal-karta bilanċjali tas-sena finanzjarja li għaliha jkun tfassal ir-rapport, fuq is-sit web tal-impriża sussidjarja jew tal-fergħa kif imsemmi fl-Artikolu 40a(1) ta’ din id-Direttiva.”;

(15)

It-titolu tal-Kapitolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU 11

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI”;

(16)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 48i

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Sas-6 ta’ Jannar 2030, l-Istati Membri għandhom jippermettu lil impriża sussidjarja tal-Unjoni li tkun soġġetta għall-Artikolu 19a jew 29a u li l-impriża prinċipali tagħha ma tkunx irregolata mil-liġi ta’ Stat Membru, tħejji rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 29a, li jinkludi l-impriżi sussidjarji kollha tal-Unjoni ta’ tali impriża prinċipali li jkunu soġġetti għall-Artikolu 19a jew 29a.

Sas-6 ta’ Jannar 2030, l-Istati Membri għandhom jippermettu li r-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jinkludi d-divulgazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852 li jkopru l-attivitajiet imwettqa mill-impriżi sussidjarji kollha tal-Unjoni tal-impriża prinċipali msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u li jkunu soġġetti għall-Artikolu 19a jew 29a ta’ din id-Direttiva.

2.   L-impriża sussidjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun waħda mill-impriżi sussidjarji tal-Unjoni tal-grupp li jkun iġġenera l-akbar fatturat fl-Unjoni f’mill-inqas waħda mill-ħames snin finanzjarji preċedenti, fuq bażi konsolidata fejn applikabbli.

3.   Ir-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi ppubblikat f’konformità mal-Artikolu 30.

4.   Għall-fini tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 19a(9) u l-Artikolu 29a(8), ir-rapportar f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jitqies bħala rapportar minn impriża prinċipali f’livell ta’ grupp fir-rigward tal-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni. Ir-rapportar f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jitqies li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19a(9) u fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29a(8), rispettivament.”;

(17)

L-Artikolu 49 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 1(2), fl-Artikolu 3(13), fl-Artikoli 29b, 29c u 40b u fl-Artikolu 46(2) għal perjodu ta’ ħames snin mill-5 ta’ Jannar 2023. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 1(2), fl-Artikolu 3(13), fl-Artikoli 29b, 29c u 40b u l-Artikolu 46(2) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3b.   Meta tadotta atti delegati skont l-Artikoli 29b u 29c, il-Kummissjoni għandha tqis il-parir tekniku mill-EFRAG, dment li:

(a)

tali parir ikun ġie żviluppat bi proċess xieraq, sorveljanza pubblika u trasparenza, bl-għarfien espert u l-parteċipazzjoni bbilanċjata tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, u b’finanzjament pubbliku suffiċjenti biex tiġi żgurata l-indipendenza tiegħu, u abbażi ta’ programm ta’ ħidma li dwaru tkun ġiet ikkonsultata l-Kummissjoni;

(b)

tali parir jkun akkumpanjat minn analiżijiet tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji li jinkludu analiżi tal-impatti tal-parir tekniku fuq kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà;

(c)

tali parir ikun akkumpanjat minn spjegazzjoni ta’ kif jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi elenkati fl-Artikolu 29b(5);

(d)

il-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-EFRAG fil-livell tekniku tkun ibbażata fuq għarfien espert fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u ma tkunx marbuta ma’ kontribuzzjoni finanzjarja.

Il-punti (a) u (d) huma mingħajr preġudizzju għall-parteċipazzjoni tal-korpi pubbliċi u tal-organizzazzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-istandards fil-ħidma teknika tal-EFRAG.

Id-dokumenti li jakkumpanjaw il-parir tekniku tal-EFRAG għandhom jiġu ppreżentati flimkien ma’ dak il-parir.

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta b’mod konġunt mal-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzi Sostenibbli, msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2020/852, u mal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabbiltà, msemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002, dwar l-abbozzi tal-atti delegati qabel l-adozzjoni tagħhom kif imsemmi fl-Artikoli 29b u 29c ta’ din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) dwar il-parir tekniku pprovdut mill-EFRAG, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsistenza tiegħu mar-Regolament (UE) 2019/2088 u mal-atti delegati adottati skont dak ir-Regolament. L-ESMA, l-EBA u l-EIOPA għandhom jipprovdu l-opinjonijiet tagħhom fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tat-talba mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta wkoll mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kumitat ta’ Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar u l-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli stabbilita skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2020/852 dwar il-parir tekniku pprovdut mill-EFRAG qabel l-adozzjoni tal-atti delegati msemmijin fl-Artikoli 29b u 29c ta’ din id-Direttiva. Jekk xi wieħed minn dawk il-korpi jiddeċiedi li jissottometti opinjoni, huwa għandu jagħmel dan fi żmien xahrejn mid-data li fiha jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni.”;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 3(13), l-Artikoli 29b, 29c jew 40b jew l-Artikolu 46(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill matul perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel it-tmiem ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2004/109/KE

Id-Direttiva 2004/109/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(r)

“rapportar dwar is-sostenibbiltà” tfisser rapportar dwar is-sostenibbiltà kif definit fl-Artikolu 2(18) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*23)

(*23)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”;"

(2)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

dikjarazzjonijiet mill-persuni responsabbli fi ħdan l-emittent, li l-ismijiet u l-funzjonijiet tagħhom għandhom jiġu indikati b’mod ċar, fejn jgħidu li sa fejn jistgħu jkunu jafu, ir-rapporti finanzjarji mħejjija f’konformità mas-sett applikabbli tal-istandards kontabilistiċi jagħtu l-istat sewwa u xieraq tal-assi, tal-obbligazzjonijiet, tal-posizzjoni finanzjarja u tal-profitt jew tat-telf tal-emittent u tal-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni meta meqjusa kollha flimkien u li r-rapport ta’ ġestjoni jinkludi rieżami ġust tal-iżvilupp u tal-prestazzjoni tan-negozju u tal-posizzjoni tal-emittent u tal-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni meta meqjusa kollha flimkien, flimkien ma’ deskrizzjoni tar-riskji ewlenin u tal-inċertezzi li dawn jiffaċċjaw u, fejn xieraq, li jkun imħejji f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmijin fl-Artikolu 29b tad-Direttiva 2013/34/UE u mal-ispeċifikazzjonijiet adottati skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*24)

(*24)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).”;"

(b)

il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“4.   Ir-rapporti finanzjarji għandhom jiġu vverifikati f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(1) u l-Artikolu 34(2) tad-Direttiva 2013/34/UE.

L-awditur statutorju għandu joħroġ l-opinjoni u d-dikjarazzjoni dwar ir-rapport ta’ ġestjoni msemmi fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1), u fl-Artikolu 34(2) tad-Direttiva 2013/34/UE.

Ir-rapport tal-awditu msemmi fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*25) iffirmat mill-persuna jew mill-persuni responsabbli għat-twettiq tal-ħidma stabbilita fl-Artikolu 34(1) u (2) tad-Direttiva 2013/34/UE għandu jiġi ddivulgat bis-sħiħ lill-pubbliku flimkien mar-rapport finanzjarju annwali.

Fejn applikabbli, għandha tingħata opinjoni ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà f’konformità mal-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) u l-Artikolu 34(2) sa (5) tad-Direttiva 2013/34/UE.

Ir-rapport ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmi fl-Artikolu 28a tad-Direttiva 2006/43/KE għandu jiġi divulgat b’mod sħiħ lill-pubbliku flimkien mar-rapport finanzjarju annwali.

5.   Ir-rapport ta’ ġestjoni għandu jitfassal f’konformità mal-Artikoli 19, 19a u 20, u l-Artikolu 29d(1) tad-Direttiva 2013/34/UE, u għandu jinkludi l-ispeċifikazzjonijiet adottati skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2020/852, meta jitfassal mill-impriżi msemmija f’dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-emittent ikun meħtieġ iħejji kontijiet ikkonsolidati, ir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat għandu jitfassal f’konformità mal-Artikoli 29 u 29a u l-Artikolu 29d(2) tad-Direttiva 2013/34/UE u għandu jinkludi l-ispeċifikazzjonijiet adottati skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2020/852, meta jitfassal mill-impriżi msemmijin f’dawk id-dispożizzjonijiet.

(*25)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).”;"

(3)

L-Artikolu 23(4) huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tielet u r-raba’ subparagrafi huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“F’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(2) ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji dwar l-ekwivalenza tal-istandards kontabilistiċi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(3) ta’ din id-Direttiva u dwar l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà kif imsemmi fl-Artikolu 29b tad-Direttiva 2013/34/UE li jintużaw minn emittenti ta’ pajjiżi terzi. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-istandards kontabilistiċi jew l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ pajjiż terz ma jkunux ekwivalenti, hija tista’ tippermetti lill-emittenti kkonċernati jkomplu jużaw dawn l-istandards matul perjodu tranżitorju xieraq.

Fil-kuntest tat-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tadotta wkoll, permezz ta’ atti delegati adottati f’konformità mal-Artikolu 27(2a), (2b) u (2c) u f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 27a u 27b, miżuri mmirati lejn l-istabbiliment ta’ kriterji ġenerali ta’ ekwivalenza fir-rigward tal-istandards kontabilistiċi u tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà rilevanti għall-emittenti ta’ aktar minn pajjiż wieħed.”;

(b)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-kriterji li l-Kummissjoni għandha tuża meta tivvaluta l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà użati mill-emittenti ta’ pajjiżi terzi msemmija fit-tielet subparagrafu għandhom tal-inqas jiżguraw dan li ġej:

(a)

li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jirrikjedu li l-impriżi jiddivulgaw informazzjoni dwar fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza;

(b)

li l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jirrikjedu li l-impriżi jiddivulgaw l-informazzjoni meħtieġa sabiex jinftiehmu l-impatti fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u l-informazzjoni neċessarja sabiex jinftiehem kif kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà jaffettwaw l-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni.”;

(4)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 28d

Linji gwida tal-ESMA

Wara konsultazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-ESMA għandha toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 dwar is-superviżjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.”.

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva 2006/43/KE

Id-Direttiva 2006/43/KE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-verifika statutorja tal-kontijiet annwali u kkonsolidati u dwar l-aċċertament tar-rapportar annwali u kkonsolidat dwar is-sostenibbiltà.”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti 2 sa 6 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“2.

“awditur statutorju” tfisser persuna fiżika approvata f’konformità ma’ din id-Direttiva mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru sabiex twettaq verifiki statutorji u, fejn applikabbli, l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà;

3.

“ditta tal-awditjar” tfisser persuna ġuridika jew kwalunkwe entità oħra, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li tkun approvata f’konformità ma’ din id-Direttiva mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru sabiex twettaq verifiki statutorji u, fejn applikabbli, l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà;

4.

“entità ta’ awditjar ta’ pajjiż terz” tfisser entità, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li twettaq awditi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew kkonsolidati, jew, fejn applikabbli, l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ kumpanija inkorporata f’pajjiż terz, għajr entità li hija rreġistrata bħala ditta tal-awditjar fi kwalunkwe Stat Membru bħala konsegwenza tal-approvazzjoni f’konformità mal-Artikolu 3;

5.

“awditur ta’ pajjiż terz” tfisser persuna fiżika li twettaq awditi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew kkonsolidati jew, fejn applikabbli, l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ kumpanija inkorporata f’pajjiż terz, għajr persuna li tkun irreġistrata bħala awditur statutorju fi kwalunkwe Stat Membru bħala konsegwenza tal-approvazzjoni f’konformità mal-Artikoli 3 u 44;

6.

“awditur tal-grupp” tfisser l-awditur(i) statutorju/i jew il-kumpanija/i tal-verifika li jwettqu l-awditu statutorju tal-kontijiet ikkonsolidati jew, fejn applikabbli, l-aċċertament tar-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà;”;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“16a.

“sieħeb/sħab ewlieni/ewlenin tas-sostenibbiltà” tfisser:

(a)

l-awditur(i) statutorju/i maħtur(a) minn kumpanija tal-verifika għal inkarigu ta’ aċċertament partikolari tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà bħala primarjament responsabbli għat-twettiq tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà f’isem il-kumpanija tal-verifika; jew

(b)

fil-każ tal-aċċertament tar-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà tal-anqas l-awditur(i) statutorju/i maħtur(a) minn kumpanija tal-awditjar bħala primarjament responsabbli għat-twettiq tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà fil-livell tal-grupp u l-awditur(i) statutorju/i maħtur(a) bħala primarjament responsabbli fil-livell ta’ sussidjarji materjali; jew

(c)

l-awditur(i) statutorju/i li jiffirma(w) (i)r-rapport ta’ aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmi fl-Artikolu 28a;”;

(c)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“21.

“rapportar dwar is-sostenibbiltà” tfisser rapportar dwar is-sostenibbiltà kif definit fl-Artikolu 2(18) tad-Direttiva 2013/34/UE;

22.

“aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà” tfisser it-twettiq ta proċeduri li jirriżultaw fl-opinjoni espressa mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar f’konformità mal-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) u l-Artikolu 34(2) tad-Direttiva 2013/34/UE;

23.

“fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament’ tfisser korp ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*26)għall-attività speċifika ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2013/34/UE.

(*26)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).”;"

(3)

l-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Kwalifiki edukattivi

1.   Bla preġudizzju għall-Artikolu 11, persuna fiżika tista’ tiġi approvata sabiex twettaq verifika statutorja biss wara li tkun laħqet il-livell meħtieġ għad-dħul fl-Università jew livell ekwivalenti, tkun imbagħad kompliet kors ta’ tagħlim teoretiku, tkun għamlet taħriġ prattiku u għaddiet minn eżami ta’ kompetenza professjonali fil-livell ta’ l-eżamijiet finali ta’ l-Università jew livell ekwivalenti, organizzat jew rikonoxxut mill-Istat Membru konċernat.

2.   Persuna fiżika tista’, minbarra l-approvazzjoni biex twettaq awditi statutorji previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tiġi approvata biex twettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti speċifiċi addizzjonali tal-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 14(2) ta’ din id-Direttiva.

3.   L-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 32 għandhom jikkooperaw ma’ xulxin bl-għan li tinkiseb konverġenza tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu. Meta jimpenjaw ruħhom f’tali kooperazzjoni, dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu żviluppi fil-verifika u fil-professjoni tal-verifika, u, b’mod partikolari, il-konverġenza li tkun diġà ntlaħqet mill-professjoni. Għandhom jikkooperaw mal-Kumitat ta’ Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar (CEAOB) u mal-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 sa fejn it-tali konverġenza tkun relatata mal-verifika statutorja u mal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku.”;

(4)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Eżami tal-kompetenza professjonali

1.   L-eżami tal-kompetenza professjonali msemmi fl-Artikolu 6 għandu jiżgura l-livell meħtieġ ta’ konoxxenza teoretika tas-suġġetti relevanti għall-verifika statutorja tal-kontijiet u l-abbiltà fl-applikazzjoni ta’ din il-konoxxenza fil-prattika. Tal-anqas parti minn dak l-eżami għandha ssir bil-miktub.

2.   Sabiex l-awditur statutorju jkun approvat ukoll biex iwettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, l-eżami tal-kompetenza professjonali msemmi fl-Artikolu 6 għandu jiżgura l-livell meħtieġ ta’ għarfien teoretiku tas-suġġetti rilevanti għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-abbiltà ta’ applikazzjoni tat-tali għarfien fil-prattika. Tal-anqas parti minn dak l-eżami għandha ssir bil-miktub.”;

(5)

fl-Artikolu 8, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Sabiex l-awditur statutorju jkun approvat ukoll biex iwettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, it-test tal-għarfien teoretiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkopri wkoll mill-inqas is-suġġetti li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti legali u l-istandards li jirrigwardaw il-preparazzjoni tar-rapportar annwali u kkonsolidat dwar is-sostenibbiltà;

(b)

analiżi tas-sostenibbiltà;

(c)

proċessi ta’ diliġenza dovuta fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(d)

rekwiżiti legali u standards ta’ aċċertament għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmija fl-Artikolu 26(a)”;

(6)

fl-Artikolu 10(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Sabiex l-awditur statutorju jew it-trainee jkun approvat ukoll biex iwettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, mill-inqas tmien xhur tat-taħriġ prattiku msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun fuq l-aċċertament tar-rapportar annwali u kkonsolidat dwar is-sostenibbiltà jew fuq servizzi oħra relatati mas-sostenibbiltà.”;

(7)

l-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Taħriġ prattiku flimkien ma’ istruzzjoni teoretika

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-perjodi ta’ istruzzjoni teoretika fis-suġġetti msemmija fl-Artikolu 8(1) u 2, għandhom jgħoddu għall-perjodi ta’ attività professjonali msemmija fl-Artikolu 11, dment li tali istruzzjoni tkun attestata minn eżami rikonoxxut mill-Istat Membru. Tali istruzzjoni ma għandhiex tkun ta’ anqas minn sena, u ma tistax tnaqqas il-perjodu tal-attività professjonali b’aktar minn erba’ snin.

2.   Il-perjodu ta’ attività professjonali kif ukoll it-taħriġ prattiku ma għandhomx ikunu iqsar mill-kors ta’ tagħlim teoretiku flimkien mat-taħriġ prattiku meħtieġa skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1).”;

(8)

fl-Artikolu 14(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Sabiex l-awditur statutorju jkun approvat ukoll biex iwettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, it-test tal-aptitudni msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkopri l-għarfien adegwat tal-awditur statutorju tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Membru ospitanti sa fejn dan ikun rilevanti għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;

(9)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 14a

Awdituri statutorji approvati jew rikonoxxuti qabel l-1 ta’ Jannar 2024 u persuni li jkunu għaddejjin mill-proċess ta’ approvazzjoni għal awdituri statutorji fl-1 ta’ Jannar 2024

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri statutorji li jkunu approvati jew rikonoxxuti sabiex iwettqu verifiki statutorji qabel l-1 ta’ Jannar 2024 ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 14(2).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li fl-1 ta’ Jannar 2024 ikunu għaddejjin mill-proċess ta’ approvazzjoni previst fl-Artikoli 6 sa 14 ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 14(2) ta’ din id-Direttiva, dment li jtemmu l-proċess sal-1 ta’ Jannar 2026.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri statutorji approvati qabel l-1 ta’ Jannar 2026 li jkunu jixtiequ jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jiksbu l-għarfien neċessarju dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, inkluż dwar is-suġġetti elenkati fl-Artikolu 8(3), permezz tal-edukazzjoni kontinwa msemmija fl-Artikolu 13.”;

(10)

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fir-rigward ta’ awdituri statutorji, ir-reġistru pubbliku għandu jkun fih tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, l-indirizz u n-numru tar-reġistrazzjoni;

(b)

jekk applikabbli, l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-website u n-numru tar-reġistrazzjoni tad-ditta jew ditti tal-awditjar li jimpjegaw lill-awditur statutorju, jew li magħhom huwa jkun assoċjat bħala soċju jew b’mod ieħor;

(c)

jekk l-awditur statutorju huwiex approvat ukoll għat-twettiq tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà;

(d)

ir-reġistrazzjoni(jiet) l-oħra kollha bħala awditur statutorju mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u bħala awditur ma’ pajjiżi terzi, inkluż l-isem/ismijiet tal-awtorità(jiet) ta’ reġistrazzjoni, u, jekk applikabbli, in-numru/i ta’ reġistrazzjoni, u indikazzjoni ta’ jekk ir-reġistrazzjoni tikkonċernax l-awditu statutorju, l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, jew it-tnejn.”;

(b)

fil-paragrafu 2 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Ir-reġistru għandu jindika jekk l-awdituri ta’ pajjiż terz kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu humiex reġistrati għat-twettiq tal-awditu statutorju, l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, jew it-tnejn li huma.”;

(11)

l-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

l-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-awdituri statutorji kollha impjegati minn jew assoċjati bħala sħab jew b’xi mod ieħor mad-ditta tal-awditjar, u indikazzjoni ta’ jekk humiex approvati wkoll għat-twettiq tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà”;

(b)

fil-paragrafu 1, il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

ir-reġistrazzjoni(jiet) l-oħra kollha bħala ditta tal-awditjar mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u bħala entità ta’ verifika ma’ pajjiżi terzi, inkluż l-isem/ismijiet tal-awtorità(jiet) ta’ reġistrazzjoni, u, jekk applikabbli, in-numru/i ta’ reġistrazzjoni, u indikazzjoni ta’ jekk ir-reġistrazzjoni tikkonċernax l-awditu statutorju, l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, jew it-tnejn.”;

(c)

fil-paragrafu 2 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Ir-reġistru għandu jindika jekk l-entitajiet tal-verifika ta’ pajjiż terz kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu humiex reġistrati għat-twettiq tal-awditu statutorju, l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, jew it-tnejn li huma.”;

(12)

l-Artikolu 24b huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-awditu statutorju jsir minn ditta tal-awditjar, dik id-ditta tal-awditjar taħtar tal-inqas sieħeb ewlieni wieħed tal-awditjar. Id-ditta tal-awditjar għandha tipprovdi lis-sieħeb/sħab ewlieni/ewlenin tal-verifika b’riżorsi suffiċjenti u b’persunal li jkollu l-kompetenza u l-kapaċitajiet meħtieġa sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu b’mod xieraq.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ssir minn ditta tal-awditjar, dik id-ditta tal-awditjar taħtar tal-anqas sieħeb ewlieni tas-sostenibbiltà wieħed, li jista’ jkun (wieħed mis-sħab ewlenin) is-sieħeb ewlieni tal-verifika. Id-ditta tal-awditjar għandha tipprovdi lis-sieħeb/sħab ewlieni/ewlenin tas-sostenibbiltà b’riżorsi suffiċjenti u b’persunal li jkollu l-kompetenza u l-kapaċitajiet meħtieġa biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu b’mod xieraq.

L-aċċertament tal-kwalità, tal-indipendenza u tal-kompetenza tal-awditjar u l-aċċertament għandha tkun il-kriterju ewlieni meta d-ditta tal-awditjar tagħżel is-sieħeb/sħab ewlieni/ewlenin tal-verifika u, fejn applikabbli, is-sieħeb/sħab ewlieni/ewlenin tas-sostenibbiltà li għandhom jinħatru.

Is-sieħeb/is-sħab ewlieni/ewlenin tal-verifika għandhom ikunu involuti b’mod attiv fit-twettiq tal-verifika statutorja. Is-sieħeb ewlieni tas-sostenibbiltà għandu jkun involut b’mod attiv fit-twettiq tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Meta jwettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, l-awditur statutorju għandu jiddedika biżżejjed ħin għall-inkarigu u għandu jassenja biżżejjed riżorsi li jippermettulu jaqdi dmirijietu b’mod xieraq.”;

(c)

fil-paragrafu 4, il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

fil-każ ta’ ditta tal-awditjar, l-isem/ijiet tas-sieħeb/sħab ewlieni/ewlenin tal-verifika u, fejn applikabbli, l-isem/ismijiet tas-sieħeb/sħab ewlieni/ewlenin tas-sostenibbiltà;

(c)

it-tariffi mitlubin għall-verifika statutorja, it-tariffi mitlubin għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u t-tariffi mitlubin għal servizzi oħrajn fi kwalunkwe sena finanzjarja.”;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   Awditur statutorju jew kumpannija tal-verifika għandha toħloq fajl tal-aċċertament għal kull inkarigu ta’ aċċertament relatat mar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tiddokumenta mill-anqas id-data reġistrata skont l-Artikolu 22b fir-rigward tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandhom iżommu kwalunkwe data u dokument oħra li huma ta’ importanza b’appoġġ għar-rapport ta’ aċċertament imsemmi fl-Artikolu 28a u għall-monitoraġġ tal-konformità ma’ din id-Direttiva u ma’ rekwiżiti legali applikabbli oħra fir-rigward tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

Il-fajl tal-aċċertament għandu jingħalaq mhux aktar tard minn 60 jum wara d-data tal-iffirmar tar-rapport tal-aċċertament dwar ir-rapportar sostenibbli msemmi fl-Artikolu 28a

Meta l-istess awditur statutorju jwettaq il-verifika statutorja tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, il-fajl tal-aċċertament jista’ jiġi inkluż fil-fajl tal-verifika.”;

(e)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandhom iżommu rekords ta’ kwalunkwe lment li jsir bil-miktub dwar il-prestazzjoni tal-awditi statutorji li jkunu twettqu u dwar il-prestazzjoni tal-inkarigi ta’ aċċertament relatati mar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jkunu twettqu.”;

(13)

l-Artikolu 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 25

Tariffi għall-verifika u l-aċċertament

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu istitwiti regoli adegwati sabiex jipprovdu li t-tariffi għall-verifiki statutorji u għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà:

(a)

ma jkunux influwenzati jew determinati mill-forniment ta’ servizzi addizzjonali lill-entità li tkun soġġetta għal verifika statutorja jew aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà; u

(b)

ma jistgħu jkunu bbażati fuq l-ebda forma ta’ kontinġenza.”;

(14)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 25b

Etika professjonali, indipendenza, oġġettività, kunfidenzjalità u segretezza professjonali fir-rigward tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà

Ir-rekwiżiti fl-Artikoli 21 sa 24a fir-rigward tal-verifika statutorja tar-rapporti finanzjarji għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

Artikolu 25c

Servizzi mhux tal-verifika pprojbiti f’każijiet fejn l-awditur statutorju jwettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ entità ta’ interess pubbliku

1.   Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ entità ta’ interess pubbliku, jew kwalunkwe membru tan-network li minnu l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tagħmel parti, ma għandhiex tipprovdi direttament jew indirettament lill-entità ta’ interess pubbliku li tkun is-suġġett tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, lill-impriża prinċipali tagħha jew lill-impriżi kkontrollati tagħha fl-Unjoni s-servizzi mhux tal-verifika pprojbiti msemmija fil-punti (b) u (c) u l-punti (e) sa (k) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 537/2014:

(a)

fil-perjodu bejn il-bidu tal-perjodu soġġett għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-ħruġ tar-rapport ta’ aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà; u

(b)

fis-sena finanzjarja immedjatament qabel il-perjodu msemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu b’rabta mas-servizzi msemmija fil-punt (e) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 537/2014.

2.   Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li twettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u, fejn l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tappartjeni għal network, kwalunkwe membru ta’ tali network, jista’ jipprovdi lill-entità ta’ interess pubbliku soġġetta għall-aċċertament ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, lill-impriża prinċipali tagħha jew lill-impriżi kkontrollati tagħha servizzi mhux tal-verifika għajr is-servizzi mhux tal-verifika pprojbiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew jekk applikabbli, is-servizzi mhux tal-verifika pprojbiti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 jew servizzi li l-Istati Membri jqisu li jirrappreżentaw theddida għall-indipendenza kif imsemmija fl-Artikolu 5(2) ta’ dak ir-Regolament, soġġett għall-approvazzjoni tal-kumitat tal-verifika wara li jkun ivvalut kif xieraq it-theddid ta’ indipendenza u s-salvagwardji applikati f’konformità mal-Artikolu 22b ta’ din id-Direttiva.

3.   Meta membru ta’ network li minnu jagħmlu parti l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li twettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ entità ta’ interess pubbliku jipprovdi s-servizzi mhux tal-verifika pprojbiti imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lil impriża inkorporata f’pajjiż terz ikkontrollata mill-entità ta’ interess pubbliku soġġetta għal aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ikkonċernata għandha tivvaluta jekk l-indipendenza tal-membru tagħha tkunx kompromessa minn tali forniment ta’ servizzi mill-membru tan-network.

Jekk l-indipendenza tal-membru tagħha tkun affettwata, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tapplika salvagwardjisabiex timmitiga t-theddid ikkawżat mill-forniment ta’ servizzi mhux tal-verifika pprojbiti imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’pajjiż terz. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jistgħu jkomplu jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-entità ta’ interess pubbliku biss jekk jistgħu jiġġustifikaw, f’konformità mal-Artikolu 22b, li l-forniment ta’ tali servizzi ma jaffettwax il-ġudizzju professjonali tagħhom u r-rapport ta’ aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

Artikolu 25d

Irregolaritajiet

L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 għandu japplika mutatis mutandis għal awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li twettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ entità ta’ interess pubbliku.”;

(15)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 26a

Standards tal-aċċertament għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà

1.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-awdituri statutorji u d-dittital-verifika jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà f’konformità mal-istandards tal-aċċertament adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 3.

2.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw standards, proċeduri jew rekwiżiti nazzjonali tal-aċċertament dment li l-Kummissjoni ma tkunx adottat standard tal-aċċertament li jkopri l-istess suġġett.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-istandards, il-proċeduri jew ir-rekwiżiti tal-aċċertament nazzjonali lill-Kummissjoni tal-anqas tliet xhur qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

3.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2026, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 48a sabiex tissupplimenta din id-Direttiva, sabiex tipprovdi għall-istandards ta’ aċċertament limitat li jistabbilixxu l-proċeduri li l-awditur u d-ditta/i tal-awditjar għandhom iwettqu sabiex jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom fuq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, inklużi l-ippjanar tal-impenji, il-kunsiderazzjoni tar-riskji u r-rispons għar-riskji u t-tip ta’ konklużjonijiet li għandhom jiġu inklużi fir-rapport ta’ aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, jew, fejn rilevanti, fir-rapport tal-verifika.

Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2028, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 48a sabiex tissuplimenta din id-Direttiva b’tali mod li tipprevedi standards għal raġonevoli ta’ aċċertament, wara valutazzjoni li tiddetermina jekk aċċertament raġonevoli jkunx fattibbli għall-awdituri u għall-impriżi. Filwaqt li jitqiesu r-riżultati ta’ dik il-valutazzjoni, u għaldaqstant jekk ikun xieraq, dawk l-atti delegati għandhom jispeċifikaw id-data minn meta l-opinjoni msemmija fil-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) trid tkun ibbażata fuq inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli li jkun ibbażat fuq dawk l-istandards raġonevoli ta’ aċċertament.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-istandards ta’ aċċertament imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi biss jekk:

(a)

ikunu ġew żviluppati bi proċess ġust xieraq, b’sorveljanza pubblika u bi trasparenza;

(b)

jikkontribwixxu livell għoli ta’ kredibbiltà u ta’ kwalità lir-rapportar annwali jew kkonsolidat dwar is-sostenibbiltà; u

(c)

jikkontribwixxu għall-ġid pubbliku tal-Unjoni.”;

(16)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 27a

Aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’każ ta’ inkarigi ta’ aċċertament ta’ rapportar kkonsolidat dwar is-sostenibbiltà ta’ grupp ta’ impriżi:

(a)

b’rabta mar-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà, l-awditur tal-grupp iġorr ir-responsabbiltà sħiħa għar-rapport ta’ aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmi fl-Artikolu 28a;

(b)

l-awditur tal-grupp jevalwa l-ħidma tal-aċċertament mwettqa minn kwalunkwe fornitur(i) indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament jew awditur(i) ta’ pajjiż terz jew minn awditur(i) statutorju/i jew minn entità/entitajiet ta’ awditjar minn pajjiż terz jew ditta/i tal-verifika għall-fini tal-aċċertament tar-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà u jiddokumenta n-natura, iż-żmien u l-grad tal-involviment tal-ħidma mwettqa minn dawk l-awdituri, inkluż fejn applikabbli, ir-rieżami tal-awditur tal-grupp ta’ partijiet rilevanti tad-dokumentazzjoni tal-aċċertament ta’ dawk l-awdituri; u

(c)

l-awditur tal-grupp jirrieżamina x-xogħol fuq l-aċċertament mwettqa minn fornitur(i) indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament, awditur(i) ta’ pajjiżi terzi, awditur(i) statutorju/i u entità(jiet) ta’ awditjar minn pajjiżi terzi jew ditta/i tal-awditjar għall-fini tal-aċċertament tar-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà u jiddokumentah.

Id-dokumentazzjoni miżmuma mill-awditur tal-grupp għandha tkun tali li tippermetti lill-awtorità kompetenti rilevanti teżamina l-ħidma tal-awditur tal-grupp.

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-awditur tal-grupp għandu jesiġi l-qbil tal-fornitur(i) indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament, l-awditur(i) ta’ pajjiżi terzi, l-awditur(i) statutorji, l-entità/entitajiet ta’ awditjar minn pajjiż terz jew tad-ditta/i tal-awditjar kkonċernati għat-trasferiment tad-dokumentazzjoni rilevanti matul it-twettiq tal-aċċertament tar-rapportar kkonsolidat dwar is-sostenibbiltà, bħala kondizzjoni tal-affidabbiltà mill-awditur tal-grupp dwar il-ħidma ta’ da(w)k il-fornitur(i) indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament, awditur(i) ta’ pajjiżi terzi, awditur(i) statutorji, entità/entitajiet ta’ awditjar minn pajjiż terz jew ditta/i tal-awditjar.

2.   Fejn l-awditur tal-grupp ma jkunx jista’ jikkonforma mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, huwa għandu jieħu l-miżuri adatti u jinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti.

Tali miżuri għandhom, fejn adatt, jinkludu xogħol addizzjonali ta’ aċċertament, jew direttament inkella permezz tal-esternalizzazzjoni ta’ tali kompiti, fis-sussidjarja rilevanti.

3.   Fejn l-awditur tal-grupp ikun soġġett għal rieżami ta’ aċċertament tal-kwalità jew investigazzjoni fir-rigward tal-aċċertament tar-rapportar kkonsolidat dwar is-sostenibbiltà ta’ grupp ta’ impriżi, l-awditur tal-grupp għandu, meta jintalab jagħmel dan, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti id-dokumentazzjoni rilevanti li huwa jżomm fir-rigward tal-ħidma tal-aċċertament mwettqa rispettivament mill-fornitur(i) indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament, awditur(i) ta’ pajjiżi terzi, awditur(i) statutorji, entità/entitajiet ta’ awditjar minn pajjiż terz jew ditta/i tal-awditjar għall-fini tal-inkarigu ta’ aċċertament tar-rapportar kkonsolidat dwar is-sostenibbiltà, inkluż kwalunkwe dokumenti ta’ ħidma rilevanti għall-aċċertament tar-rapportar kkonsolidat dwar is-sostenibbiltà.

L-awtorità kompetenti tista’ titlob dokumentazzjoni addizzjonali dwar il-ħidma ta’ aċċertament mwettqa minn kwalunkwe awditur(i) statutorju/i jew ditta/i tal-awditjar għall-fini tal-aċċertament tar-rapportar kkonsolidat dwar is-sostenibbiltà mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti skont l-Artikolu 36.

Fejn l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ impriża prinċipali jew impriża sussidjarja ta’ grupp ta’ impriżi titwettaq minn awditur jew awdituri jew entità/entitajiet ta’ awditjar minn pajjiż terz, l-awtorità kompetenti tista’ titlob dokumentazzjoni addizzjonali dwar xogħol ta’ aċċertament mwettaq minn kwalunkwe awditur jew awdituri ta’ pajjiż terz jew entità/entitajiet ta’ awditjar minn pajjiż terz mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti minn pajjiżi terzi permezz tal-arranġament ta’ ħidma.

B’deroga mit-tielet subparagrafu, meta fornitur(i) indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament, awditur jew awdituri ta’ pajjiż terz jew entità jew entitajiet ta’ awditjar li ma jkollhom l-ebda arranġament ta’ ħidma jkunu wettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ impriża prinċipali jew ta’ impriża sussidjarja ta’ grupp ta’ impriżi, l-awditur tal-grupp għandu, meta jintalab, ikun responsabbli wkoll biex jiżgura l-konsenja xierqa tad-dokumentazzjoni addizzjonali dwar il-ħidma ta’ aċċertament mwettqa minn tali fornitur(i) indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament, awditur(i) ta’ pajjiżi terzi jew entità/entitajiet ta’ awditjar, inkluż id-dokumenti ta’ ħidma rilevanti għall- aċċertament tar-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà. Sabiex tiġi żgurata tali konsenja, l-awditur tal-grupp għandu jżomm kopja ta’ tali dokumentazzjoni, jew inkella jiftiehem mal-fornitur(i) indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament, mal-awditur(i) ta’ pajjiżi terzi jew mal-entità/entitajiet ta’ awditjar sabiex huwa jkun jista’ jkollu aċċess mhux ristrett għal tali dokumentazzjoni kull meta jitlob li jagħmel dan, jew jieħu kwalunkwe azzjoni adatta oħra. Fejn id-dokumenti ta’ ħidma tal-aċċertament ma jkunux jistgħu jgħaddu minn pajjiż terz għall-awditur tal-grupp minħabba raġunijiet legali jew raġunijiet oħra, id-dokumentazzjoni miżmuma mill-awditur tal-grupp għandha tinkludi provi li huwa jkun ħa l-passi adatti sabiex ikollu aċċess għad-dokumentazzjoni ta’ aċċertament, u fil-każ ta’ impedimenti li ma jkunux legali li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż terz konċernat, provi li jsostnu l-eżistenza ta’ tali impediment.”;

(17)

Fl-Artikolu 28(2), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

jinkludi opinjoni u dikjarazzjoni, li t-tnejn li huma għandhom ikunu bbażati fuq il-ħidma mwettqa matul l-awditjar, skont il-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2013/34/UE;”;

(18)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 28a

Rapport ta’ aċċertament dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat

1.   L-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar għandhom jippreżentaw ir-riżultati tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà f’rapport ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Dak ir-rapport għandu jitħejja f’konformità mar-rekwiżiti tal-istandards ta’ aċċertament adottati mill-Kummissjoni permezz tal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 26a(3), jew, sa ma l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards ta’ aċċertament, f’konformità mal-istandards nazzjonali ta’ aċċertament, kif imsemmi fl-Artikolu 26a(2).

2.   Ir-rapport ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà għandu jkun bil-miktub u għandu:

(a)

jidentifika l-entità li r-rapportar annwali jew kkonsolidat tagħha dwar is-sostenibbiltà jkun is-suġġett tal-inkarigu ta’ aċċertament; jispeċifika r-rapportar dwar is-sostenibbiltà annwali jew ikkonsolidat u d-data u l-perjodu li jkopri; u jidentifika l-qafas ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà li jkun ġie applikat fit-tħejjija tiegħu;

(b)

jinkludi deskrizzjoni tal-ambitu tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li, bħala minimu, għandu jidentifika l-istandards tal-aċċertament li f’konformità magħhom tkun twettqet l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà;

(c)

jinkludi l-opinjoni msemmija fil-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2013/34/UE.

3.   Meta l-aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà titwettaq minn aktar minn awditur statutorju wieħed jew ditta tal-awditjar waħda, l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar għandhom jaqblu dwar ir-riżultati tal-aċċertament tar-rapportar dwar is- sostenibbiltà u jippreżentaw rapport u opinjoni konġunti. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, kull awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għandha tippreżenta l-opinjonijiet tagħha f’paragrafu separat tar-rapport tal-aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u tagħti r-raġuni tan-nuqqas ta’ qbil.

4.   Ir-rapport ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà għandu jiġi ffirmat u datat mill-awditur statutorju li jkun qed iwettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Meta ditta tal-awditjar twettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, ir-rapport ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà għandu jkollu l-firma ta’ mill-inqas l-awditur(i) statutorju/i li jwettaq/jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà f’isem id-ditta tal-awditjar. Fejn aktar minn awditur statutorju wieħed jew ditta tal-awditjar waħda tkun ġiet ingaġġata simultanjament, ir-rapport ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà għandu jiġi ffirmat mill-awdituri statutorji kollha jew mill-inqas mill-awdituri statutorji li jwettqu l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà f’isem kull ditta tal-awditjar. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li ma jkunx hemm l-obbligu li tali firma/firem tkun/ikunu żvelata/i lill-pubbliku jekk tali divulgazzjoni tista’ twassal għal theddida imminenti u sinifikattiva għas-sigurtà personali ta’ kwalunkwe persuna.

Fi kwalunkwe każ, l-isem/(ijiet) tal-persuna/i involuti għandhom ikunu mgħarrfa lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti.

5.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu li, fejn l-istess awditur statutorju jwettaq l-awditjar statutorju tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, ir-rapport ta’ aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jiġi inkluż bħala taqsima separata fir-rapport tal-awditjar.

6.   Ir-rapport tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar dwar ir-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà għandu jkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1 sa 5.”;

(19)

l-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

il-persuni li jwettqu r-rieżamijiet tal-aċċertament tal-kwalità għandu jkollhom edukazzjoni professjonali adegwata u esperjenza rilevanti fl-awditorija statutorja u fir-rapportar finanzjarju u, fejn applikabbli, fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jew f’servizzi oħra relatati mas-sostenibbiltà, flimkien ma’ taħriġ speċifiku dwar ir-rieżamijiet tal-aċċertament tal-kwalità;”;

(b)

fil-paragrafu 1, il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rieżami tal-aċċertament tal-kwalità, appoġġat minn ittestjar adegwat tal-fajls tal-verifika magħżula u, fejn applikabbli, tal-fajls tal-aċċertament, għandu jinkludi valutazzjoni tal-konformità mal-istandards tal-verifika u r-rekwiżiti tal-indipendenza applikabbli u, fejn applikabbli, l-istandards tal-aċċertament u valutazzjoni tal-kwantità u l-kwalità tar-riżorsi minfuqa, tal-onorarji tal-awditjaru l-onorarji mitlubin għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u tas-sistema interna tal-kontroll tal-kwalità tad-ditta tal-awditjar;”;

(c)

fil-paragrafu 1, il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(h)

ir-rieżamijiet tal-aċċertament tal-kwalità għandhom isiru fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju u, fil-każ ta’ awdituri statutorji u ta’ ditti tal-awditjar li jwettqu verifiki statutorji kif iddefinit fil-punt 1(a) tal-Artikolu 2 u, fejn applikabbli, li jwettqu aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, tal-anqas kull sitt snin;”;

(d)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

ir-rieżaminaturi għandu jkollhom edukazzjoni professjonali adegwata u esperjenza rilevanti fl-awditorija statutorja u fir-rapportar finanzjarju u, fejn applikabbli, fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jew f’servizzi oħra relatati mas-sostenibbiltà, flimkien ma’ taħriġ speċifiku dwar ir-rieżamijiet tal-aċċertament tal-kwalità;”;

(e)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Sal-31 ta’ Diċembru 2025, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw persuni li jwettqu rieżamijiet tal-aċċertament tal-kwalità relatati mal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mir-rekwiżit li jkollhom esperjenza rilevanti fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u fl-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jew f’servizzi oħra relatati mas-sostenibbiltà.”;

(20)

fl-Artikolu 30, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm sistemi effettivi ta’ investigazzjonijiet u sanzjonijiet biex jidentifikaw, jikkoreġu u jimpedixxu l-eżekuzzjoni inadegwata tal-awditjar statutorju u l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-reġimi ta’ responsabbiltà ċivili tagħhom, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fir-rigward tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar, fejn l-awditi statutorji jew l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ma jsirux f’konformità mad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, u, fejn applikabbli, mar-Regolament (UE) Nru 537/2014.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet amministrattivi għal ksur li jkun diġà soġġett għad-dritt kriminali nazzjonali. F’dak il-każ, huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti fid-dritt kriminali.”;

(21)

fl-Artikolu 30a(1) jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ca)

projbizzjoni temporanja, sa tliet snin, li tipprojbixxi lill-awditur statutorju, lill-ditta tal-awditjar jew lis-sieħeb ewlieni tas-sostenibbiltà milli jwettaq l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u/jew milli jiffirma rapporti ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;

(22)

fl-Artikolu 30a(1) jiddaħħal il-punt li ġej:

“(da)

dikjarazzjoni li r-rapport ta’ aċċertament dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 28a ta’ din id-Direttiva;”;

(23)

l-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-awtorità kompetenti għandha tkun irregolata minn persuni mhux prattikanti li jkollhom għarfien fl-oqsma rilevanti għall-awditerija statutorja, u, fejn applikabbli, għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Dawn għandhom jintgħażlu skont proċedura ta’ ħatra indipendenti u trasparenti.”;

(b)

fil-paragrafu 4, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

l-adozzjoni ta’ standards dwar l-etika professjonali, il-kontroll intern tal-kwalità tad-ditti tal-awditjar, l-awditjar u l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, ħlief meta dawk l-istandards jiġu adottati jew approvati minn awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra;”;

(24)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 36a

Arranġamenti regolatorji bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà

Ir-rekwiżiti tal-Artikoli 34 u 36 fir-rigward tal-awditjar statutorju tar-rapporti finanzjarji għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;

(25)

l-Artikolu 37 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ewwel subparagrafu għandu japplika għall-ħatra tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar għal finijiet ta’ aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;

(b)

fil-paragrafu 2 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ewwel subparagrafu għandu japplika għall-ħatra tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar għal finijiet ta’ aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Kwalunkwe klawżola kuntrattwali li tirrestrinġi l-għażla mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew tal-membri tal-entità awditjata skont il-paragrafu 1 għal ċerti kategoriji jew listi ta’ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar fir-rigward tal-ħatra ta’ awditur statutorju jew ditti tal-awditjar partikolari biex iwettqu l-awditjar statutorju u, fejn applikabbli, l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ dik l-entità għandha tkun ipprojbita. Kwalunkwe tali klawżola eżistenti għandha tkun nulla u bla effett.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonisti jew membri ta’ impriżi kbar soġġetti għall-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE, minbarra l-impriżi msemmija fil-punt (1)(a) tal-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva, u li jirrappreżentaw aktar minn 5 % tad-drittijiet tal-vot jew 5 % tal-kapital tal-impriża, individwalment jew kollettivament, għandhom id-dritt li jressqu abbozz ta’ riżoluzzjoni li għandu jiġi adottat fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew membri li teħtieġ li parti terza akkreditata li ma tappartjenix lill-istess ditta jew network tal-awditjar bħall-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li twettaq l-awditjar statutorju jipprepara rapport dwar ċerti elementi tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u li tali rapport ikun disponibbli għal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew membri.”;

(26)

L-Artikolu 38 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awdituri jkunu jistgħu jitneħħew biss fejn ikun hemm raġunijiet xierqa. Id-diverġenza tal-opinjonijiet dwar it-trattamenti kontabilistiċi, il-proċeduri tal-awditjar jew fejn applikabbli dwar il-proċeduri ta’ rapportar jew ta’ aċċertament dwar is-sostenibbiltà ma għandhiex tkun raġuni xierqa għat-tkeċċija.”;

(b)

fil-paragrafu 2 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-obbligu li tingħata informazzjoni previst fl-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;

(c)

fil-paragrafu 3, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għall-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”;

(27)

L-Artikolu 39 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-funzjonijiet assenjati lill-kumitat tal-awditjar relatati mar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u relatati mal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jitwettqu mill-korp amministrattiv jew superviżorju kollu kemm hu jew minn korp iddedikat stabbilit mill-korp amministrattiv jew superviżorju.”;

(b)

fil-paragrafu 6, il-punti minn (a) sa (e) huma sostitwiti b’li ġej:

“(a)

jinforma lill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-entità awditjata bl-eżitu tal-awditjar statutorju u, fejn applikabbli, bl-eżitu tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u jispjega kif l-awditjar statutorju u l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkontribwew għall-integrità tar-rapportar finanzjarju u dwar is-sostenibbiltà rispettivament, u x’kien ir-rwol tal-kumitat tal-awditjar f’dak il-proċess;

(b)

jimmonitorja l-proċess ta’ rapportar finanzjarju u, fejn applikabbli, dwar is-sostenibbiltà, inkluż il-proċess ta’ rapportar elettroniku kif msemmi fl-Artikolu 29d tad-Direttiva 2013/34/UE u l-proċess imwettaq mill-impriża sabiex tidentifika l-informazzjoni rrapportata skont l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont l-Artikolu 29b ta’ dik id-Direttiva, u jissottometti rakkomandazzjonijiet jew proposti sabiex jiżgura l-integrità tagħhom;

(c)

jimmonitorja l-effettività tas-sistemi interni tal-kontroll tal-kwalità u tal-immaniġġjar tar-riskji tal-impriża u, fejn applikabbli, l-awditjar intern tagħha, fir-rigward tar-rapportar finanzjarju u, fejn applikabbli, dwar is-sostenibbiltà tal-impriża, inkluż il-proċess ta’ rappurtar elettroniku tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 29d tad-Direttiva 2013/34/UE, mingħajr ma tinkiser l-indipendenza tiegħu;

(d)

jimmonitorja l-awditjar statutorju tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u kkonsolidati u, fejn applikabbli, tal-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà annwali u kkonsolidat, b’mod partikolari, il-prestazzjoni tiegħu, filwaqt li jieħu kont ta’ kwalunkwe riżultat u konklużjoni mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 26(6) tar-Regolament (UE) Nru 537/2014;

(e)

jeżamina u jimmonitorja l-indipendenza tal-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjara f’konformità mal-Artikoli 22, 22a, 22b, 24a, 24b u 25b, 25c u 25d ta’ din id-Direttiva, u mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014, u b’mod partikolari kemm ikun adatt l-għoti ta’ servizzi mhux ta’ awditjar lill-entità awditjata f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament;”;

(28)

l-Artikolu 45 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom, f’konformità mal-Artikoli 15, 16 u 17 ta’ din id-Direttiva, jirreġistraw lil kull awditur u entità tal-awditjar minn pajjiż terz, fejn dak l-awditur jew dik l-entità tal-awditjar ta’ pajjiż terz tipprovdi rapport tal-awditjar li jikkonċerna d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew kkonsolidati, jew, fejn applikabbli, rapport tal-aċċertament li jikkonċerna r-rapportar dwar is-sostenibbiltà annwali jew kkonsolidat ta’ impriża inkorporata barra l-Unjoni li t-titoli trasferibbli tagħha jkunu ammessi għan-negozjar f’suq regolat ta’ dak l-Istat Membru, kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*27) minbarra meta l-impriża inkwistjoni tkun esklużivament emittent ta’ titoli ta’ dejn pendenti li għalihom tapplika waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

tali titoli jkunu ġew ammessi għan-negozjar f’suq regolat fi Stat Membru, kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 u d-denominazzjoni tagħhom għal kull unità, fid-data tal-ħruġ, tkun tal-inqas EUR 50 000 jew, f’każ ta’ titoli ta’ dejn denominati f’munita oħra, ekwivalenti, fid-data tal-ħruġ, għal tal-inqas EUR 50 000.

(b)

tali titoli jkunu ammessi għan-negozjar f’suq regolat fi Stat Membru, kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE mill-31 ta’ Diċembru 2010 u d-denominazzjoni tagħhom għal kull unità, fid-data tal-ħruġ, tkun tal-inqas EUR 100 000 jew, f’każ ta’ titoli ta’ dejn denominati f’munita oħra, ekwivalenti, fid-data tal-ħruġ, għal tal-inqas EUR 100 000.

(*27)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).”;"

(b)

il-paragrafi 4 sa 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46, ir-rapporti tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali jew il-kontijiet kkonsolidati jew, fejn applikabbli, ir-rapporti ta’ aċċertament dwar ir-rapportar annwali jew kkonsolidat dwar is-sostenibbiltà msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu maħruġa minn awdituri jew entitajiet tal-awditjar ta’ pajjiżi terzi li mhumiex irreġistrati fl-Istat Membru ma għandu jkollhom l-ebda effett legali f’dak l-Istat Membru.

5.   Stat Membru jista’ jirreġistra entità ta’ awditjar ta’ pajjiż terz għall-fini tal-awditjar tar-rapporti finanzjarji biss jekk:

(a)

il-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv jew tal-ġestjoni tal-entità ta’ awditjar ta’ pajjiż terz tissodisfa rekwiżiti li jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 10, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1);

(b)

l-awditur ta’ pajjiż terz li jwettaq l-awditjar f’isem l-entità ta’ awditjar ta’ pajjiż terz jissodisfa rekwiżiti li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 10, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(3), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1);

(c)

il-verifiki tad-dikjarazzjonietfinanzjarji annwali jew kkonsolidati msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jitwettqu f’konformità ma’ standards internazzjonali tal-awditjar kif imsemmi fl-Artikolu 26, kif ukoll mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 22, 22b u 25, jew ma’ standards u rekwiżiti ekwivalenti;

(d)

l-entità tal-awditjar ta’ pajji terz tippubblika fuq is-sit elettroniku tagħha rapport annwali ta’ trasparenza li jinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 jew tikkonforma ma’ rekwiżiti ta’ divulgazzjoni ekwivalenti.

Stat Membru jista’ biss jirreġistra entità ta’ awditjar ta’ pajjiż terz għal finijiet ta’ aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jekk:

(a)

il-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv jew tal-ġestjoni tal-entità ta’ awditjar ta’ pajjiż terz tissodisfa rekwiżiti li jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 10;

(b)

l-awditur ta’ pajjiż terz li jwettaq l- aċċertament f’isem l-entità ta’ awditjar ta’ pajjiż terz jissodisfa rekwiżiti li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 10;

(c)

l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà annwali jew kkonsolidat imsemmi fil-paragrafu 1 titwettaq f’konformità mal-istandards ta’ aċċertament imsemmija fl-Artikolu 26a, kif ukoll mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 22, 22b, 25 u 25b, jew ma’ standards u rekwiżiti ekwivalenti;

(d)

l-entità tal-awditjar ta’ pajjiż terz tippubblika fuq is-sit elettroniku tagħha rapport annwali ta’ trasparenza li jinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 jew tikkonforma ma’ rekwiżiti ta’ divulgazzjoni ekwivalenti.

5a.   Stat Membru jista’ biss jirreġistra awditur ta’ pajjiż terz għal finijiet ta’ awditjar ta’ rapporti finanzjarji jekk jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

Stat Membru jista’ biss jirreġistra awditur ta’ pajjiż terz għal finijiet ta’ aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jekk jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (b), (c) u (d) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 u l-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tiddeċiedi dwar l-ekwivalenza msemmija fih permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

L-Istati Membri jistgħu jivvalutaw l-ekwivalenza msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 u l-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu dment li l-Kummissjoni ma tkunx ħadet tali deċiżjoni.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 48a biex tissupplimenta din id-Direttiva b’tali mod li tistabbilixxi l-kriterji ta’ ekwivalenza ġenerali li għandhom jintużaw fil-valutazzjoni ta’ jekk il-verifiki tar-rapporti finanzjarji u, fejn applikabbli, l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jitwettqux f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar kif definiti fl-Artikolu 26 u mal-istandards ta’ aċċertament għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà msemmija fl-Artikolu 26a, rispettivament, u mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 22, 24 u 25. Tali kriterji, li jkunu applikabbli għall-pajjiżi terzi kollha, għandhom jintużaw mill-Istati Membri meta jkunu qed jivvalutaw l-ekwivalenza fil-livell nazzjonali.”;

(29)

l-Artikolu 48a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 26a(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 26(3), l-Artikolu 26a(3), l-Artikolu 45(6), l-Artikolu 46(2) u l-Artikolu 47(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.”;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 26(3), l-Artikolu 26a(3), l-Artikolu 45(6), l-Artikolu 46(2) jew l-Artikolu 47(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill matul perjodu ta’ erba’ xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

Artikolu 4

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 537/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-limiti speċifikati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandha tiġi eskluża l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u servizzi mhux tal-awditjar, għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 5(1), meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali.”;

(2)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

iż-żamma tal-kontijiet u t-tħejjija tar-rekords kontabilistiċi u tar-rapporti finanzjarji kif ukoll it-tħejjija tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà;”;

(b)

fil-paragrafu 4, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

“L-approvazzjoni tal-kumitat tal-awditjar msemmi fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex tkun meħtieġa għall-forniment ta’ inkarigi ta’ aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.”.

Artikolu 5

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 3 ta’ din id-Direttiva sas-6 ta’ Lulju 2024. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 1 bl-eċċezzjoni tal-punt (14):

(a)

għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara:

(i)

għal impriżi kbar kif definiti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2013/34/UE li huma entitajiet ta’ interess pubbliku kif definiti fl-Artikolu 1(2) ta’ dik id-Direttiva li fid-dati tal-karta bilanċjali tagħhom jaqbżu l-għadd medju ta’ 500 impjegat matul is-sena finanzjarja;

(ii)

għal entitajiet ta’ interess pubbliku kif definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/34/UE li huma impriżi prinċipali ta’ grupp kbir kif definit fl-Artikolu 3(7) ta’ dik id-Direttiva li fid-dati tal-karta bilanċjali tagħhom jaqbżu, fuq bażi kkonsolidata, l-għadd medju ta’ 500 impjegat matul is-sena finanzjarja;

(b)

għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2025 jew wara:

(i)

għal impriżi kbar skont it-tifsira tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2013/34/UE għajr dawk imsemmija fil-punt (a)(i) ta’ dan is-subparagrafu;

(ii)

għal impriżi prinċipali ta’ grupp kbir skont it-tifsira tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2013/34/UE għajr dawk imsemmija fil-punt (a)(ii) ta’ dan is-subparagrafu;

(c)

għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2026 jew wara:

(i)

għal impriżi żgħar u medji skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE li jkunu entitajiet ta’ interess pubbliku kif definiti fil-punt (a) tal-punt (1) tal-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva u li ma jkunux impriżi mikro kif definiti fl-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Direttiva;

(ii)

għal istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi, kif definiti fil-punt (145) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, dment li jkunu impriżi kbar skont it-tifsira tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2013/34/UE jew li jkunu impriżi żgħar u ta’ daqs medju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) u (3) ta’ dik id-Direttiva li jkunu entitajiet ta’ interess pubbliku kif definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Direttiva u li ma jkunux impriżi mikro kif definiti fl-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Direttiva;

(iii)

għal impriżi tal-assigurazzjoni, definiti fil-punt (2) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39), u tar-riassigurazzjoni kaptivi, definiti fil-punt (5) tal-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva, dment li jkunu impriżi kbar skont it-tifsira tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2013/34/UE jew li jkunu impriżi żgħar u ta’ daqs medju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) u (3) ta’ dik id-Direttiva li jkunu entitajiet ta’ interess pubbliku kif definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Direttiva u li ma jkunux impriżi mikro kif definiti fl-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi mal-punt (14) tal-Artikolu 1 għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2028 jew wara.

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi mal-Artikolu 2:

(a)

għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara:

(i)

għal emittenti kif definiti fil-punt (d) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/109/KE li huma impriżi kbar kif definiti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2013/34/UE li fid-dati tal-karta bilanċjali tagħhom jaqbżu l-għadd medju ta’ 500 impjegat matul is-sena finanzjarja;

(ii)

għal emittenti kif definiti fil-punt (d) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/109/KE li huma impriżi prinċipali ta’ grupp kbir skont it-tifsira tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2013/34/UE li fid-dati tal-karta bilanċjali tagħhom jaqbżu, fuq bażi kkonsolidata, l-għadd medju ta’ 500 impjegat matul is-sena finanzjarja;

(b)

għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2025 jew wara:

(i)

għal emittenti kif definiti fil-punt (d) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/109/KE li huma impriżi kbar skont it-tifsira tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2013/34/UE għajr dwak imsemmija fil-punt (a)(i) ta’ dan is-subparagrafu;

(ii)

għal emittenti kif definiti fil-punt (d) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/109/KE li huma impriżi prinċipali ta’ grupp kbir skont it-tifsira tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2013/34/UE għajr dawk imsemmija fil-punt (a)(ii) ta’ dan is-subparagrafu;

(c)

għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2026 jew wara:

(i)

għal emittenti kif definiti fil-punt (d) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/109/KE li huma impriżi żgħar u ta’ daqs medju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE u li mhumiex impriżi mikro kif definiti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/34/UE;

(ii)

għal emittenti definiti bħala istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi fil-punt (145) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, dment li jkunu impriżi kbar skont it-tifsira tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2013/34/UE jew li jkunu impriżi żgħar u ta’ daqs medju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) u (3) ta’ dik id-Direttiva li jkunu entitajiet ta’ interess pubbliku kif definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Direttiva u li mhumiex impriżi mikro kif definiti fl-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Direttiva;

(iii)

għal emittenti definiti bħala impriżi tal-assigurazzjoni fil-punt (2) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE jew bħala tar-riassigurazzjoni kaptivi fil-punt (5) tal-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva, dment li jkunu impriżi kbar skont it-tifsira tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2013/34/UE jew li jkunu impriżi żgħar u ta’ daqs medju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) u (3) ta’ dik id-Direttiva li jkunu entitajiet ta’ interess pubbliku kif definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Direttiva u li mhumiex impriżi mikro kif definiti fl-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi mal-Artikolu 3 għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif din ir-referenza għandha ssir.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 6

Rieżami u rapportar

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja, li jinkludi, fost l-oħrajn:

(a)

valutazzjoni tal-kisba tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva emendatorja, inkluża l-konverġenza tal-prattiki ta’ rapportar bejn l-Istati Membri;

(b)

valutazzjoni tal-għadd ta’ impriżi żgħar u medji li jużaw b’mod volontarju l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà imsemmija fl-Artikolu 29c tad-Direttiva 2013/34/UE;

(c)

valutazzjoni ta’ jekk u kif il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet emendati b’din id-Direttiva emendatorja jkollu jiġi estiż aktar, partikolarment fir-rigward ta’ impriżi żgħar u medji u għal impriżi ta’ pajjiżi terzi li joperaw direttament fis-suq intern tal-Unjoni mingħajr sussidjarja jew fergħa fit-territorju tal-Unjoni;

(d)

valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar sussidjarji u fergħat ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi introdotti b’din id-Direttiva emendatorja, inkluża valutazzjoni tal-għadd ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi li għandhom impriża sussidjarja jew fergħa li tirrapporta f’konformità mal-Artikolu 40a tad-Direttiva 2013/34/UE; valutazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ infurzar u tal-limiti stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(e)

valutazzjoni ta’ jekk u kif tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità għar-rapporti dwar is-sostenibbiltà ppubblikati mill-impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja.

Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat sat-30 ta’ April 2029 u kull tliet snin minn hemm ‘il quddiem, u għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti leġiżlattivi.

2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2028, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina u tirrapporta dwar il-livell ta’ konċentrazzjoni tas-suq tal-aċċertament tas-sostenibbiltà. Dak ir-rieżami għandu jqis ir-reġimi nazzjonali applikabbli għall-fornituri indipendenti tas-servizzi tal-aċċertamentu jivvaluta jekk u sa liema punt dawk ir-reġimi nazzjonali jikkontribwixxu għall-ftuħ tas-suq tal-aċċertament.

Sal-31 ta’ Diċembru 2028, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-miżuri legali li jkunu jistgħu jittieħdu biex tiżgura diversifikazzjoni suffiċjenti tas-suq tal-aċċertament dwar is-sostenibbiltà u kwalità xierqa tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-miżuri previsti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/34/UE u tivvaluta l-bżonn li testendihom għal impriżi kbar oħra.

Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2028 u għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti leġiżlattivi.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024 għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara.

Artikolu 8

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

L-Artikolu 4 għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  ĠU C 517, 22.12.2021, p. 51.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Novembru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2022.

(3)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 ("il-Liġi Ewropea dwar il-Klima") (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2019/2089 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, ta’ Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi u ta’ divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà għall-parametri referenzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 17).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1816 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispjegazzjoni fid-dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju dwar kif il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza huma riflessi f’kull parametru referenzjarju pprovdut u ppubblikat (ĠU L 406, 3.12.2020, p. 1).

(9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1817 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut minimu tal-ispjegazzjoni dwar kif il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza huma riflessi fil-metodoloġija tal-parametru referenzjarju (ĠU L 406, 3.12.2020, p. 12).

(10)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 406, 3.12.2020, p. 17).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE u 2014/65/UE (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64).

(14)  ĠU C 76, 9.3.2020, p. 23.

(15)  ĠU C 445, 29.10.2021, p. 94.

(16)  Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).

(17)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

(18)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 tal-21 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu li jiddetermina l-ekwivalenza ta’ l-istandards ta’ kontabilità applikati minn emittenti ta’ titoli ta’ pajjiżi terzi skond id-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 340, 22.12.2007, p. 66).

(19)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1).

(20)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi tal-assigurazzjoni (ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7).

(21)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(22)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

(23)  Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

(24)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84)

(25)  Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).

(26)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).

(27)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(28)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE tad-9 ta’ April 2013 dwar l-użu ta’ metodi komuni għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet (ĠU L 124, 4.5.2013, p. 1).

(29)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(30)  Ir-Regolament (UE) 2021/783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni dwar il-Klima (LIFE), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 (ĠU L 172, 17.5.2021, p. 53).

(31)  Id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1).

(32)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(33)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jissupplimenta d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-ispeċifikazzjoni tal-format elettroniku uniku għar-rapportar (ĠU L 143, 29.5.2019, p. 1).

(34)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(35)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

(36)  Id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpaniji kkwotati (ĠU L 184, 14.7.2007, p. 17).

(37)  Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditu statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).

(38)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(39)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).