2.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/12


Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 12/2015 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1343/2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-Żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran)

(2015/C 326/02)

I.   INTRODUZZJONI

1.

Il-Kummissjoni ressqet il-proposta msemmija hawn fuq fil-11 ta' Lulju 2014.

2.

Il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Politika Interna u Esterna tas-Sajd iddiskuta l-proposta bejn it-18 ta' Lulju 2014 u t-8 ta' Jannar 2015, filwaqt li qies ukoll il-kummenti bil-miktub tal-Istati Membri (1).

3.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fil-15 ta' Ottubru 2014 (2).

4.

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-13 ta' Jannar 2015, li tikkonferma l-emendi vvutati qabel mill-Kumitat għas-Sajd.

5.

Abbażi ta' mandat li l-Coreper ipprovda lill-Presidenza fil-21 ta' Jannar 2015, l-istituzzjonijiet kellhom laqgħat trilogi fit-2 ta' Marzu u, kienu bbażati fuq mandat emendat, fis-26 ta' Marzu 2015. Il-kompromess li ntlaħaq f'dik l-okkażjoni ġie approvat mill-Coreper fit-8 ta' Mejju 2015 (3). Sussegwentement, fil-11 ta' Mejju 2015, il-President tal-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament Ewropew informa lill-Kunsill li l-Parlament Ewropew japprova, mingħajr emendi, fit-tieni qari tiegħu l-pożizzjoni tal-Kunsill li l-Kunsill jadotta f'konformità mal-ftehim politiku.

6.

Il-Kunsill laħaq ftehim politiku fid-19 ta' Mejju 2015 dwar it-test rivedut.

II.   OBJETTIV

7.

L-għan tal-proposta hu li jiġi aġġornat r-Regolament (UE) Nru 1343/2011, billi fil-liġi tal-Unjoni jiġu inkorporati l-obbligi li jirriżultaw minn miżuri ta' konservazzjoni u ta' kontroll adottati mill-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) bejn l-2011 u l-2014.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

A.   Ġenerali

8.

Il-Kunsill introduċa emendi għall-proposta li min-naħa waħda, jimmiraw lejn l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' konservazzjoni li kemm jista' jkun possibbli jkunu qrib ir-rakkomandazzjonijiet maqbula internazzjonalment. Il-Kunsill irid li jkunu żgurati kondizzjonijiet ekwi fil-politika tas-sajd tal-Mediterran. Min-naħa l-oħra, l-emendi għandhom l-għan li jissimplifikaw u jimmodernizzaw it-teħid ta' deċiżjonijiet delegati.

9.

Il-Parlament Ewropew ivvota 25 emenda li indirizzaw tħassib simili. Fir-rigward tat-teħid ta' deċiżjonijiet delegati, il-Parlament approva d-delegi ta' setgħa lill-Kummissjoni, iżda introduċa salvagwardji għal miżuri nazzjonali li sadanittant ittieħdu sabiex jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali. Il-Kunsill mexxa l-pożizzjoni tiegħu biex jintlaħqu numru ta' emendi tal-Parlament dwar is-sostanza, u fformula mill-ġdid dispożizzjonijiet proċedurali dwar teħid ta' deċiżjonijiet delegati sabiex jinstabu kompromessi.

B.   Regoli għall-Baħar l-Iswed u l-Baħar Adrijatiku

10.

Il-Kunsill emenda l-projbizzjoni ta' sajd kostali li jsir bit-tkarkir ma' qiegħ il-Baħar l-Iswed biex ikunu permessi derogi speċifiċi ġustifikati minn ċirkostanzi partikolari elenkati fir-Rakkomandazzjoni rilevanti tal-GFCM. Il-Kummissjoni teżamina d-derogi tal-Istati Membri.

11.

Fir-rigward tal-miżuri ta' protezzjoni għal speċi pelaġiċi żgħar fil-Baħar Adrijatiku, il-Kunsill u l-Parlament qablu dwar emenda teknika għall-kamp ta' applikazzjoni tal-miżura.

C.   Sfruttament tal-qroll aħmar

12.

Il-Kunsill laqa' t-tħassib tal-Parlament fl-elenkar tad-diversi dispożizzjonijiet transitorji għall-eliminazzjoni ta' vetturi ta' taħt l-ilma li jitħaddmu mill-bogħod. Fir-rigward tal-applikazzjoni ta' derogi, il-proposta emendata tipprevedi att delegat żviluppat permezz ta' proċess ta' reġjonalizzazzjoni, kunċett introdott bir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd. Barra minn hekk, it-tħassib tal-Parlament dwar is-salvagwardja ta' miżuri nazzjonali ġie rifless permezz ta' mekkaniżmu transitorju.

D.   Protezzjoni ta' speċi marini mhux fil-mira

13.

L-emendi tal-Kunsill fil-biċċa l-kbira qablu ma' dawk tal-Parlament. Huma jżidu xi elementi prattiċi għall-evitar ta' speċi protetti u għat-trattament speċifiku tagħhom jekk jinqabdu b'mod aċċidentali.

E.   Reġistrar u Rappurtar

14.

L-emendi tal-Kunsill jagħmlu distinzjoni bejn l-informazzjoni minima li għandha tiġi rreġistrata mis-sajjieda, u l-informazzjoni statistika aggregata li l-Istati Membri ser jipprovdu lill-GFCM.

IV.   KONKLUŻJONI

15.

Meta stabbilixxa l-pożizzjoni tiegħu, il-Kunsill ħa kont sħiħ tal-proposta tal-Kummissjoni u tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari.


(1)  Dokumenti 12682/14 PECHE 392 CODEC 1743 + ADD1 sa ADD 8 u 14123/4/14 PECHE 458 CODEC 1993 REV 4.

(2)  ĠU C 12, 15.1.2015, p. 116.

(3)  Dok. 8180/15 PECHE 141 CODEC 564.