ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 138

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 65
17 ta' Mejju 2022


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/748 tas-16 ta’ Mejju 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 2015/735 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

1

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/749 tat-8 ta’ Frar 2022 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2017/2417 fir-rigward tat-tranżizzjoni lejn parametri referenzjarji ġodda msemmija f’ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC ( 1 )

4

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/750 tat-8 ta’ Frar 2022 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2205 fir-rigward tat-tranżizzjoni għal parametri referenzjarji ġodda msemmija f’ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC ( 1 )

6

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/751 tas-16 ta’ Mejju 2022 dwar in-nuqqas ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva kloropikrin, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ( 1 )

11

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/752 tal-5 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni 1999/70/KE dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali, fir-rigward tal-awdituri esterni tal-Bank of Greece

13

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/753 tas-16 ta’ Mejju 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/938 b’appoġġ għal proċess ta’ tisħiħ tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi l-oħra kollha ta’ qerda massiva fil-Lvant Nofsani

15

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/754 tas-16 ta’ Mejju 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha

16

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/755 tas-16 ta’ Mejju 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t’Isfel

17

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (EU) 2022/756 tat-30 ta’ Settembru 2021 dwar il-miżuri SA.32014, SA.32015, SA.32016 (2011/C) (ex 2011/NN) implimentati mill-Italja u mir-Reġjun ta’ Sardenja favur Saremar (notifikata bid-dokument C(2021) 6990)  ( 1 )

19

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/757 tal-11 ta’ Mejju 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1182 fir-rigward tal-istandards armonizzati għas-sistemi tal-ġestjoni tal-kwalità, l-isterilizzazzjoni u l-applikazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju għall-apparati mediċi

27

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/758 tas-27 ta’ April 2022 dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi (Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika)

30

 

 

REGOLI TA' PROĊEDURA

 

*

Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali 28/2022 tal-4 ta’ April 2022 dwar ir-regoli interni li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fl-ambitu tal-attivitajiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

45

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

17.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/748

tas-16 ta’ Mejju 2022

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 2015/735 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/735 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 748/2014 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Mejju 2015, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2015/735.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2015/735, il-Kunsill irrieżamina l-lista ta’ persuni soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness II għal dak ir-Regolament.

(3)

Il-Kunsill ikkonkluda li l-miżuri restrittivi kontra persuna waħda elenkata fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2015/735 jenħtieġ li jinżammu u li l-entrata għal dik il-persuna jenħtieġ li tiġi aġġornata u nnumerata mill-ġdid.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2015/735 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II għar-Regolament (UE) 2015/735 huwa emendat kif jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 117 8.5.2015, p. 13.


ANNESS

Fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2015/735, lit-tabella hija sostitwita b'dan li ġej:

 

“Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

1.

Michael MAKUEI LUETH

Data tat-twelid: 1947

Post tat-twelid: Bor Sudan (issa s-Sudan t'Isfel)

Ġeneru: raġel

Michael Makuei Leuth ilu jokkupa l-kariga ta' Ministru għall-Informazzjoni u x-Xandir sa mill-2013 u għadu jżomm dik il-pożizzjoni fil-Gvern Tranżizzjonali tal-unità Nazzjonali. Huwa kien ukoll il-kelliem pubbliku għad-delegazzjoni tal-gvern għat-taħditiet ta' paċi tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp mill-2014 sal-2015 u mill-2016 sal-2018.

Makuei xekkel il-proċess politiku fis-Sudan t'Isfel, b'mod partikolari billi xekkel permezz ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi xewwiexa l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitt fis-Sudan t'Isfel (ARCSS) ta' Awwissu 2015 (sostitwit f'Settembru 2018 bl-"ARCSS Rivitalizzat" (R-ARCSS)), billi ostakola l-ħidma tal-Kummissjoni Konġunta ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni (JMEC, tal-ARCSS, imsemmija mill-ġdid "JMEC Rikostitwita" skont R-ARCSS) u billi xekkel l-istabbiliment tal-Istituzzjonijiet tal-Ġustizzja Tranżizzjonali tal-ARCSS, li l huwa previst ukoll f’R-ARCSS. Huwa ostakola wkoll l-operazzjonijiet tal-Forza ta' Protezzjoni Reġjonali tan-N azzjonijiet Uniti .

Makuei huwa wkoll responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni.

3.2.2018”


17.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/749

tat-8 ta’ Frar 2022

li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2017/2417 fir-rigward tat-tranżizzjoni lejn parametri referenzjarji ġodda msemmija f’ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 32(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2417 (2) jispeċifika, fost l-oħrajn, il-klassijiet tad-derivattivi barra l-Borża (OTC, over-the-counter) denominati f’EURO (EUR), fil-Lira Sterlina (GBP) u fid-dollaru Amerikan (USD) li huma soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi msemmi fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Il-klassijiet iddenominati f’GBP u f’USD jirreferu għall-parametri referenzjarji tal-London InterBank Offered Rate (LIBOR).

(2)

L-ICE Benchmark Administration (IBA), l-amministratur tal-LIBOR, ħabbar li l-iskadenzi għal-LIBOR f’GBP u f’JPY se jieqfu mill-pubblikazzjoni fi tmiem l-2021, filwaqt li l-pubblikazzjoni ta’ ċerti skadenzi tal-LIBOR f’USD se tieqaf f’Ġunju 2023. Fil-5 ta’ Marzu 2021, il-Financial Conduct Authority tar-Renju Unit ikkonfermat li l-iskadenzi kollha tal-LIBOR mhux se jibqgħu jiġu pprovduti mill-amministraturi jew inkella mhux se jibqgħu jkunu rappreżentattivi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew fil-kapaċità superviżorja bankarja tiegħu (is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE), l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) ħarġu dikjarazzjoni konġunta biex b’qawwa jinkoraġġixxu lill-kontropartijiet sabiex jieqfu jużaw kwalunkwe skadenza tal-LIBOR, inkluża l-LIBOR f’USD, bħala r-rata ta’ referenza fil-kuntratti l-ġodda hekk kif ikun prattiku, u fi kwalunkwe każ sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(3)

Għaldaqstant, wara l-31 ta’ Diċembru 2021, il-kontropartijiet mhux se jkunu jistgħu jwettqu aktar kuntratti tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax barra l-borża (OTC) li jirreferenzjaw il-LIBOR f’GBP peress li dan il-parametru referenzjarju se jintemm, u l-kontropartijiet huma mistennija li ma jibqgħux jwettqu kuntratti tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax barra l-borża (OTC) li jirreferenzjaw il-LIBOR f’USD. B’riżultat ta’ dan, il-volumi nnegozjati li jifdal f’dawn id-derivattivi huma mistennija li jkunu ineżistenti jew baxxi ħafna, kif inhi l-likwidità tagħhom. L-istess jgħodd għall-volum ta’ negozjar f’dawk id-derivattivi li se jiġu kklerjati mill-kontropartijiet ċentrali (CCPs, central counterparties) jew innegozjati f’ċentri tan-negozjar, u huwa mistenni li l-volum jew il-likwidità tad-derivattivi li jirreferenzjaw il-LIBOR f’USD jonqsu. Dawn is-sitwazzjonijiet jiġġustifikaw bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar u sussegwentement emenda fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2205 (3), fejn id-derivattivi li jirreferenzjaw il-LIBOR f’GBP u f’USD għandhom jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar. B’konsegwenza ta’ dan, il-klassijiet ta’ derivattivi attwalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi li jirreferenzjaw il-LIBOR f’GBP u f’USD mhux se jibqgħu jissodisfaw il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 biex id-derivattivi jsiru soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi mit-3 ta’ Jannar 2022. Għaldaqstant, dawk il-klassijiet ta’ derivattivi jeħtieġ li jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tan-negozjar.

(4)

Peress li t-terminazzjoni ppjanata tal-LIBOR f’GBP hija skedata għall-aħħar tal-2021, u l-aspettattivi regolatorji espressi mill-Kummissjoni, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, l-ESMA u l-EBA huma li l-kontropartijiet jieqfu jużaw kwalunkwe waħda mill-iskadenzi tal-LIBOR bħala r-rata ta’ referenza f’kuntratti ġodda hekk kif ikun prattiku, u fi kwalunkwe każ sal-31 ta’ Diċembru 2021, it-twarrib tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax ibbażati fuq il-LIBOR huwa mistenni li jseħħ malajr. Minflok, wara l-31 ta’ Diċembru 2021, il-kontropartijiet huma mistennija jinnegozjaw jew jikklerjaw derivattivi oħra tar-rati tal-imgħax OTC, b’mod partikolari derivattivi tar-rati tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw ir-rati mingħajr riskju għall-GBP jew għall-USD. Għaldaqstant dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/2417 jiġi emendat skont dan.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority).

(7)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda fir-Regolament Delegat (UE) 2017/2417

Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2017/2417, jitħassru t-Tabelli 2 u 3.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2417 tas-17 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji u dwar l-obbligu tan-negozjar għal ċerti derivattivi (ĠU L 343, 22.12.2017, p. 48).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 tas-6 ta’ Awwissu 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar, (ĠU L 314, 1.12.2015, p. 13).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


17.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/6


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/750

tat-8 ta’ Frar 2022

li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2205 fir-rigward tat-tranżizzjoni għal parametri referenzjarji ġodda msemmija f’ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2205 (2) jispeċifika, fost l-oħrajn, il-klassijiet ta’ derivattivi tar-rati tal-imgħax barra l-Borża (OTC) denominati f’Euro (EUR), Lira Sterlina (GBP), Yen Ġappuniż (JPY) u Dollaru Amerikan (USD) li huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar. Dawk il-klassijiet jinkludu klassi waħda denominata f’EUR li tirreferi għar-rata Euro Overnight Index Average (EONIA) kif ukoll diversi klassijiet denominati f’GBP, JPY jew USD li jirreferenzjaw il-London Inter-Bank Offered Rate (LIBOR), filwaqt li l-EONIA u l-LIBOR huma żewġ parametri referenzjarji li għandhom jieqfu.

(2)

L-Istitut Ewropew tas-Swieq tal-Flus, l-amministratur għall-EONIA, ikkomunika li l-waqfien tal-EONIA se jseħħ fi tmiem l-2021. Bl-istess mod, l-Amministratur tal-Parametri Referenzjarji ICE, l-amministratur għal-LIBOR, ikkomunika li l-waqfien ta’ GBP LIBOR, JPY LIBOR u ċerti ffissar ta’ USD LIBOR se jseħħu wkoll fi tmiem l-2021, filwaqt li l-pubblikazzjoni tal-konfigurazzjonijiet kollha li jifdal ta’ USD LIBOR se tieqaf f’Ġunju 2023. Fil-5 ta’ Marzu 2021, l-Awtorità tal-Kondotta Finanzjarja mir-Renju Unit ikkonfermat li s-settings kollha tal-LIBOR jew mhux se jibqgħu jiġu pprovduti mill-ebda amministratur jew inkella mhux se jibqgħu rappreżentattivi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew fil-kapaċità superviżorja bankarja tiegħu (Superviżjoni Bankarja tal-BĊE), l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) ħarġu dikjarazzjoni konġunta biex jinkoraġġixxu b’mod qawwi lill-kontropartijiet biex jieqfu jużaw kull wieħed mill-settings LIBOR, inkluż USD LIBOR, bħala rata ta’ referenza f’kuntratti ġodda hekk kif ikun prattikabbli u fi kwalunkwe każ sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(3)

Wara l-31 ta’ Diċembru 2021, il-kontropartijiet għalhekk mhux se jkunu jistgħu jidħlu aktar f’derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw l-EONIA, il-GBP LIBOR jew il-JPY LIBOR peress li dawk il-parametri referenzjarji se jkunu waqfu jew huma mistennija li ma jibqgħux jidħlu f’derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw il-USD LIBOR. Għalhekk, f’dik id-data, mhu se jkun hemm l-ebda volum u lanqas likwidità f’derivattivi li jirreferenzjaw l-EONIA, il-GBP LIBOR jew il-JPY LIBOR u li dawk it-tranżazzjonijiet ukoll mhux se jiġu kklerjati minn kontropartijiet ċentrali (CCPs). Fl-istess data, lanqas ma għandu jkun hemm likwidità materjali f’derivattivi li jirreferenzjaw il-USD LIBOR. Għalhekk, il-klassijiet ta’ derivattivi li bħalissa huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar u li qed jirreferu għall-EONIA, il-GBP LIBOR jew il-JPY LIBOR mhux se jibqgħu jissodisfaw tnejn mill-kundizzjonijiet biex ikunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiġifieri li jkollhom livell suffiċjenti ta’ likwidità u li jiġu kklerjati minn CCP awtorizzata jew rikonoxxuta, filwaqt li l-klassijiet ta’ derivattivi attwalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar u li qed jirreferenzjaw il-USD LIBOR mhux se jibqgħu jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet biex ikunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiġifieri li jkollhom livell suffiċjenti ta’ likwidità. Minn dan isegwi li dawn il-klassijiet għandhom jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar.

(4)

Ir-regolaturi u l-parteċipanti fis-suq ilhom jaħdmu fuq rati ta’ sostituzzjoni għal dawk il-muniti, u b’mod partikolari fuq l-iżvilupp ta’ rati ġodda mingħajr riskju, li issa qed jintużaw bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji. B’mod partikolari, ir-rati bla riskju tar-rata tal-euro fuq terminu qasir (EURSTR), is-Secured Overnight Financing Rate (SOFR), is-Sterling Over Night Index Average (SONIA) u t-Tokyo Overnight Average Rate (TONA) huma prodotti għal EUR, USD, GBP u JPY rispettivament. B’mod aktar speċifiku fir-rigward tas-suq tad-derivattivi OTC, issa jfisser li l-kuntratti tad-derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw EURSTR, SOFR, SONIA u TONA qed jiġu nnegozjati minn kontropartijiet u qed jiġu kklerjati f’ċerti CCPs.

(5)

L-ESMA ġiet innotifikata bil-klassijiet ta’ derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw EURSTR, SOFR, SONIA jew TONA li ċerti CCPs ġew awtorizzati jikklerjaw. Għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, l-ESMA evalwat il-kriterji li huma essenzjali sabiex jiġu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar, inkluż il-livell ta’ standardizzazzjoni, il-volum u l-likwidità, u d-disponibilità tal-informazzjoni dwar il-prezz. Bl-objettiv ġenerali li jitnaqqas ir-riskju sistemiku, l-ESMA ddeterminat il-klassijiet ta’ derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw xi wħud minn dawk ir-rati mingħajr riskju li jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar f’konformità mal-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Dawk il-klassijiet għandhom għalhekk jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar.

(6)

B’mod ġenerali, kontropartijiet differenti jeħtieġu perjodi ta’ żmien differenti biex jistabbilixxu l-arranġamenti meħtieġa biex jibdew jikklerjaw id-derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC tagħhom soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar. Madankollu, f’dan il-każ, il-kontropartijiet kellhom żmien biex iħejju għat-tranżizzjoni tal-parametru referenzjarju u għall-waqfien ippjanat tal-EONIA, il-EUR LIBOR, il-GBP LIBOR jew il-JPY LIBOR li jseħħ fi tmiem l-2021, inkluż fir-rigward tal-arranġamenti tal-ikklerjar tagħhom. Għal kontropartijiet diġà soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar u l-ikklerjar ta’ derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC denominati f’EUR jew GBP, l-ikklerjar tal-klassijiet li jirreferenzjaw ir-rati mingħajr riskju ġodda f’dawk il-muniti ma jeħtieġx bidliet sinifikanti, jekk ikun hemm, fil-kuntratti jew il-proċessi tal-ikklerjar tagħhom. Tabilħaqq, meta l-kontropartijiet ikollhom arranġamenti ta’ kklerjar fis-seħħ biex jikklerjaw id-derivattivi tar-rati tal-imgħax OTC denominati f’EUR jew GBP, l-ikklirjar tad-derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw ir-rati mingħajr riskju f’dawk il-muniti ma jirrikjedix l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ arranġamenti tal-ikklerjar ġodda kif kien il-każ meta bdew l-ewwel ikklerjaw derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC denominati f’dawk il-muniti. Minħabba li l-ikklerjar tad-derivati li jirreferenzjaw ir-rati l-ġodda mingħajr riskju huwa parti minn tħejjija ta’ implimentazzjoni akbar għat-tranżizzjoni lil hinn mill-EONIA u mil-LIBOR u lejn parametri referenzjarji ġodda, ma hemmx bżonn li tiġi introdotta introduzzjoni gradwali addizzjonali sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni ordnata u f’waqtha ta’ dak l-obbligu. Il-bidliet li saru biex jiġu introdotti l-klassijiet il-ġodda tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw ir-rati mingħajr riskju u denominati f’EUR u GBP jenħtieġ li jibdew japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(7)

Wara d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kummissjoni, l-ESMA, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE u l-EBA biex jinkoraġġixxu bil-qawwa lill-kontropartijiet biex jieqfu jużaw kwalunkwe waħda mill-konfigurazzjonijiet LIBOR bħala rata ta’ referenza f’kuntratti ġodda hekk kif ikun prattikabbli u fi kwalunkwe każ sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-kontropartijiet kellhom jippjanaw għal tmiem meta setgħu jagħmlu referenza għall-USD LIBOR, inkluż fir-rigward tal-arranġamenti tal-ikklerjar tagħhom. L-istess kunsiderazzjonijiet fir-rigward tal-kapaċità tal-kontropartijiet li jkollhom arranġamenti ta’ kklerjar fis-seħħ biex jikklerjaw derivattivi ta’ rati tal-imgħax OTC denominati f’ċerta munita biex jadattawhom minflok b’ħin ta’ rotazzjoni pjuttost qasir sabiex jikklerjaw derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw ir-rati mingħajr riskju f’dik l-istess munita japplikaw ukoll għal USD, iżda xi elementi addizzjonali jfissru li t-tħejjijiet tagħhom huma inqas avvanzati għall-USD. B’mod partikolari, is-CCPs għadhom ma kkomunikawx meta se jikkonvertu d-derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC attwalment ikklerjati li jirreferenzjaw il-USD LIBOR f’derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw is-SOFR u għadu mhux ċar lanqas kif l-ikklerjar obbligatorju se jiġi adattat fis-suq domestiku għal dawn id-derivattivi. Din il-kumplessità addizzjonali tfisser li l-kontropartijiet jeħtieġu aktar żmien biex iħejju għall-obbligu tal-ikklerjar tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw ir-rata ħielsa mir-riskju USD u għalhekk hemm il-ħtieġa li tiġi introdotta introduzzjoni gradwali addizzjonali sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni ordnata u f’waqtha ta’ dak l-obbligu. Il-bidliet li saru biex tiġi introdotta l-klassi l-ġdida ta’ derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC li tirreferi għar-rata mingħajr riskju denominata f’USD jenħtieġ li jibdew japplikaw tliet xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(8)

Il-waqfien ippjanat tal-EONIA, il-GBP LIBOR u l-JPY LIBOR huwa skedat għall-aħħar tal-2021 b’tali mod li mhux se jkun possibbli li jiġu nnegozjati jew ikklerjati derivattivi tar-rati tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw dawk il-parametri referenzjarji mit-3 ta’ Jannar 2022 ’il quddiem. Bl-istess mod, wara d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kummissjoni, l-ESMA, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE u l-EBA biex jinkoraġġixxu b’mod qawwi lill-kontropartijiet biex jieqfu jużaw kwalunkwe waħda mis-settings tal-LIBOR bħala rata ta’ referenza f’kuntratti ġodda hekk kif ikun prattikabbli u fi kwalunkwe każ sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-kontropartijiet se jkunu mistennija li ma jinnegozjawx jew jikklerjaw derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw il-USD LIBOR mit-3 ta’ Jannar 2022 ’il quddiem. Minflok, mit-3 ta’ Jannar 2022, il-kontropartijiet se jinnegozjaw jew jikklerjaw derivattivi oħra tar-rati tal-imgħax OTC, b’mod partikolari derivattivi tar-rati tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw ir-rati mingħajr riskju. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(9)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2205 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan.

(10)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(11)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa msejjes dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali, talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u kkonsultat lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2015/2205

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2205 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-paragrafi 1a u 1b li ġejjin:

“1a.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, għar-rigward ta’ kuntratti li jappartjenu għal klassi ta’ derivattivi OTC stabbiliti fl-Anness fir-ringieli D.4.1, D.4.2 tat-Tabella 4, l-obbligu tal-ikklerjar għal tali kuntratti għandu jidħol fis-seħħ fit-18 ta’ Mejju 2022.

1b.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, għar-rigward ta’ kuntratti li jappartjenu għal klassi ta’ derivattivi OTC stabbiliti fl-Anness fir-ringieli D.4.3 tat-Tabella 4, l-obbligu tal-ikklerjar għal tali kuntratti għandu jidħol fis-seħħ fit-18 ta’ Awwissu 2022”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“B’deroga mill-paragrafi 1, 1a u 1b, għar-rigward ta’ kuntratti li jappartjenu għal klassi ta’ derivattivi OTC msemmija fl-Anness u konklużi bejn kontropartijiet li jkunu parti mill-istess grupp u meta kontroparti waħda tkun stabbilita f’pajjiż terz u l-kontroparti l-oħra tkun stabbilita fl-Unjoni, l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ:

(a)

fit-30 ta’ Ġunju 2022, fil-każ li ma tkun ġiet adottata l-ebda deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament li tkun tkopri l-kuntratti ta’ derivattivi OTC elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament fejn jidħol il-pajjiz terz relevanti;

(b)

l-aktar waħda tard fost id-dati segwenti fil-każ li tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament li tkun tkopri kuntratti ta’ derivattivi OTC li ssir referenza għalihom fl-Anness ta’ dan ir-Regolament fejn jidħol il-pajjiz terz relevanti;

(i)

60 ġurnata wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ ekwivalenza adottata skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament li jkopri kuntratti ta’ derivattivi OTC msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament fejn jidħol il-pajjiz terz relevanti;

(ii)

id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar skont il-paragrafu 1.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1, 1a, 1b u 2, għar-rigward ta’ kuntratti li jappartjenu għal klassi ta’ derivattivi OTC msemmija fl-Anness, l-obbligu tal-ikklerjar għandu jidħol fis-seħħ mit-18 ta’ Frar 2022 meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-obbligu tal-ikklerjar ma jkunx ġie skattat sat-18 ta’ Frar 2021;

(b)

il-kuntratti jiġu nnovati għall-iskop uniku li tiġi sostitwita l-kontroparti stabbilita fir-Renju Unit ma’ kontroparti stabbilita f’xi Stat Membru.”

(2)

L-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 tas-6 ta’ Awwissu 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 314, 1.12.2015, p. 13).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


ANNESS

“ANNESS

Klassijiet ta’ derivattivi b’rata tal-imgħax OTC suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar

Tabella 1

Klassijiet bażiċi ta’ swaps

id

Tip

Indiċi ta’ Referenza

Munita ta’ Saldu

Maturità

Tip ta’ Munita ta’ Saldu

Opzjonalità

Tip Nozzjonali

A.1.1

Klassijiet bażiċi ta’ swaps

Euribor

EUR

28D-50Y

Il-munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli


Tabella 2

Klassijiet ta’ Fixed-to-Float interest rate swaps

id

Tip

Indiċi ta’ Referenza

Munita ta’ Saldu

Maturità

Tip ta’ Munita ta’ Saldu

Opzjonalità

Tip Nozzjonali

A.2.1

Fixed-to-float

Euribor

EUR

28D-50Y

Il-munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli


Tabella 3

Klassijiet ta’ forward rate agreement

id

Tip

Indiċi ta’ Referenza

Munita ta’ Saldu

Maturità

Tip ta’ Munita ta’ Saldu

Opzjonalità

Tip Nozzjonali

A.3.1

FRA

Euribor

EUR

3D-3Y

Il-munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli


Tabella 4

Klassijiet ta’ overnight index swap

id

Tip

Indiċi ta’ Referenza

Munita ta’ Saldu

Maturità

Tip ta’ Munita ta’ Saldu

Opzjonalità

Tip Nozzjonali

A.4.2

OIS

FedFunds

USD

7D-3Y

Il-munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli

D.4.1

OIS

EURSTR

EUR

7D-3Y

Il-munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli

D.4.2

OIS

SONIA

GBP

7D-50Y

Il-munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli

D.4.3

OIS

SOFR

USD

7D-3Y

Il-munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli


17.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/751

tas-16 ta’ Mejju 2022

dwar in-nuqqas ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva kloropikrin, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Diċembru 2014, European Chloropicrin Group (ECG) ressaq applikazzjoni lir-Renju Unit (“l-Istat Membru relatur”) għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva kloropikrin skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

Skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fit-18 ta’ Ġunju 2014, l-Istat Membru relatur innotifika lill-applikant, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) bl-ammissibbiltà tal-applikazzjoni.

(3)

B’rabta ma’ dik is-sustanza attiva, ġew ivvalutati l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent, skont l-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għall-użu propost mill-applikant. Fit-12 ta’ Diċembru 2017, l-Istat Membru relatur bagħat abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Awtorità.

(4)

Skont l-Artikolu 12(1) ta’dak ir-Regolament, l-Awtorità ċċirkolat l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni riċevut mill-Istat Membru relatur lill-applikant u lill-Istati Membri l-oħra u organizzat konsultazzjoni pubblika dwaru.

(5)

Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Awtorità talbet lill-applikant biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità.

(6)

Matul il-proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari, wara n-notifika tar-Renju Unit tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, f’Ġunju 2019 l-Italja ħadet f’idejha r-responsabbiltà għal din is-sustanza attiva bħala l-Istat Membru relatur.

(7)

Il-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru relatur tressqet quddiem l-Awtorità fil-forma ta’ abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni aġġornat.

(8)

L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni ġie eżaminat mill-Istati Membri u mill-Awtorità. L-Awtorità ppreżentat lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (2) dwar il-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanza attiva kloropikrin fit-30 ta’ Jannar 2020.

(9)

Fil-konklużjoni tagħha, l-Awtorità indikat li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ma setgħetx tiffinalizza l-valutazzjoni tar-riskju għall-konsumaturi, l-operaturi, il-ħaddiema, il-persuni fil-qrib u r-residenti u identifikat tħassib potenzjali għall-ilma ta’ taħt l-art, għall-makroorganiżmi tal-ħamrija u għall-mikroorganiżmi u għall-artropodi mhux fil-mira li jgħixu fil-ħamrija.

(10)

Barra minn hekk, il-valutazzjoni tar-riskji għall-organiżmi akkwatiċi, għan-naħal, għall-artropodi mhux fil-mira li jgħixu fil-weraq, għall-ħniex u għall-pjanti terrestri mhux fil-mira ma setgħetx tiġi ffinalizzata.

(11)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Awtorità u, f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dwar l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa.

(12)

Fit-22 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ reviżjoni u abbozz ta’ dan ir-Regolament dwar in-nuqqas ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva kloropikrin lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. Il-Kummissjoni osservat li t-tħassib identifikat mill-Awtorità ma setax jiġi eliminat u li konsegwentement ma setax jiġi konkluż li l-kriterji għall-approvazzjoni huma ssodisfati.

(13)

Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Jannar 2022, l-applikant irtira l-applikazzjoni tiegħu għall-approvazzjoni tal-kloropikrin. Għalhekk, jenħtieġ li s-sustanza kloropikrin ma tiġix approvata.

(14)

Dan ir-Regolament ma jipprevenix is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni oħra għall-approvazzjoni tal-kloropikrin skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Nuqqas ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva

Is-sustanza attiva kloropikrin mhijiex approvata.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  EFSA Journal 2020;18(3):6028, Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance chloropicrin. doi:10.2903/j.efsa.2020.6028.


DEĊIŻJONIJIET

17.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/752

tal-5 ta’ April 2022

li temenda d-Deċiżjoni 1999/70/KE dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali, fir-rigward tal-awdituri esterni tal-Bank of Greece

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 27.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Frar 2022 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank of Greece (BĊE/2022/3) (1),

Billi:

(1)

Il-kontijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jridu jiġu awditjati minn awdituri esterni indipendenti rrakkomandati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE u approvati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Il-mandat tal-awdituri esterni attwali tal-Bank of Greece, Deloitte Certified Public Accountants S.A., ser jintemm wara l-awditu għas-sena finanzjarja 2021. Għalhekk jeħtieġ li jinħatru awdituri esterni mis-sena finanzjarja 2022.

(3)

Il-Bank of Greece għażel lil Ernst & Young (Hellas) Certified Auditors Accountants S.A. bħala l-awdituri esterni tiegħu għas-snin finanzjarji 2022 sa 2026, bl-opzjoni li l-mandat jiġi estiż għas-snin finanzjarji 2027 u 2028.

(4)

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE rrakkomanda li Ernst & Young (Hellas) Certified Auditors Accountants S.A. jinħatru bħala l-awdituri esterni tal-Bank of Greece għas-snin finanzjarji 2022 sa 2026, bl-opzjoni li l-mandat jiġi estiż għas-snin finanzjarji 2027 u 2028.

(5)

B’segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/70/KE (2) tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/70/KE, il-paragrafu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.   Ernst & Young (Hellas) Certified Auditors Accountants S.A. huma b’dan approvati bħala l-awdituri esterni tal-Bank of Greece għas-snin finanzjarji 2022 sa 2026”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Bank Ċentrali Ewropew.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 102, 2.3.2022, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/70/KE tal-25 ta’ Jannar 1999 dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali (ĠU L 22, 29.1.1999, p. 69).


17.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/753

tas-16 ta’ Mejju 2022

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/938 b’appoġġ għal proċess ta’ tisħiħ tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi l-oħra kollha ta’ qerda massiva fil-Lvant Nofsani

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-6 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill adotta Deċiżjoni (PESK) 2019/938 (1).

(2)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/938 pprevediet perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ 36 xahar għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha mid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) tagħha.

(3)

Is-Sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni, l-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm, talab estensjoni ta’ 12-il xahar ta’ dak il-perijodu ta’ implimentazzjoni sal-10 ta’ Lulju 2023, meta wieħed iqis id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġetti skont id-Deċiżjoni (PESK) 2019/938 minħabba l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.

(4)

It-tkomplija tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/938 sal- 10 ta’ Lulju 2023 ma għandha ebda implikazzjoni fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji sal-10 ta’ Lulju 2023.

(5)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/938 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fid-Deċiżjoni (PESK) 2019/938,l-Artikolu 5(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għandha tiskadi fl-10 ta’ Lulju 2023.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/938 tat-6 ta’ Ġunju 2019 b’appoġġ għal proċess ta’ tisħiħ tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi l-oħra kollha ta’ qerda massiva fil-Lvant Nofsani (ĠU L 149, 7.6.2019, p. 63).


17.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/754

tas-16 ta’ Mejju 2022

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Mejju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 (1).

(2)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 tapplika sat-18 ta’ Mejju 2022. Abbażi ta’ rieżami ta’ dik id-Deċiżjoni, il-validità ta’ dik id-Deċiżjoni jenħtieġ li tiġi estiża sat-18 ta’ Mejju 2025 u l-miżuri restrittivi stabbiliti fiha jenħtieġ li jiġu estiżi sat-18 ta’ Mejju 2023.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-18 ta’ Mejju 2025 u għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 għandhom japplikaw fir-rigward tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness sat-18 ta' Mejju 2023.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (ĠU L 129 I, 17.5.2019, p. 13).


17.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/17


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/755

tas-16 ta’ Mejju 2022

li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t’Isfel

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/740 tas-7 ta’ Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t’Isfel u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/449/PESK (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Mejju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740, il-Kunsill irrieżamina l-lista ta’ persuni soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Annessi II għal dik id-Deċiżjoni.

(3)

Il-Kunsill ikkonkluda li l-miżuri restrittivi kontra persuna waħda elenkata fl-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 għandhom jinżammu u li l-entrata għal dik il-persuna jenħtieġ li tiġi aġġornata u nnumerata mill-ġdid.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 tiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/740 tas-7 ta’ Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t’Isfel u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/449/PESK (ĠU L 117, 8.5.2015, p. 52).


ANNESS

Fl-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740, it-tabella hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“1.

Michael MAKUEI LUETH

Data tat-twelid: 1947

Post tat-twelid: Bor Sudan (issa s-Sudan t’Isfel)

Ġeneru: raġel

Michael Makuei Leuth ilu jokkupa l-kariga ta’ Ministru għall-Informazzjoni u x-Xandir sa mill-2013 u għadu jżomm dik il-pożizzjoni fil-Gvern Tranżizzjonali tal-unità Nazzjonali. Huwa kien ukoll il-kelliem pubbliku għad-delegazzjoni tal-gvern għat-taħditiet ta’ paċi tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp mill-2014 sal-2015 u mill-2016 sal-2018.

Makuei xekkel il-proċess politiku fis-Sudan t’Isfel, b’mod partikolari billi xekkel permezz ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi xewwiexa l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitt fis-Sudan t’Isfel (ARCSS) ta’ Awwissu 2015 (sostitwit f’Settembru 2018 bl-“ARCSS Rivitalizzat” (R-ARCSS)), billi ostakola l-ħidma tal-Kummissjoni Konġunta ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni (JMEC, tal-ARCSS, imsemmija mill-ġdid “JMEC Rikostitwita” skont R-ARCSS) u billi xekkel l-istabbiliment tal-Istituzzjonijiet tal-Ġustizzja Tranżizzjonali tal-ARCSS, li l huwa previst ukoll f’R-ARCSS. Huwa ostakola wkoll l-operazzjonijiet tal-Forza ta’ Protezzjoni Reġjonali tan-N azzjonijiet Uniti.

Makuei huwa wkoll responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni.

3.2.2018”


17.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (EU) 2022/756

tat-30 ta’ Settembru 2021

dwar il-miżuri SA.32014, SA.32015, SA.32016 (2011/C) (ex 2011/NN) implimentati mill-Italja u mir-Reġjun ta’ Sardenja favur Saremar

(notifikata bid-dokument C(2021) 6990)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fis-6 ta’ Awwissu 1999 il-Kummissjoni bdiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) fir-rigward ta’ għajnuna mħallsa fuq il-bażi tal-kuntratti inizjali ta’ servizz pubbliku (il-“konvenzjonijiet inizjali”) lis-sitt kumpaniji li dak iż-żmien kienu jifformaw Tirrenia Group (2).

(2)

Matul il-fażi tal-investigazzjoni, l-awtoritajiet Taljani talbu li l-każ ta’ Tirrenia Group jinqasam sabiex jiġi prijoritizzat l-ilħuq ta’ deċiżjoni finali dwar il-kumpanija Tirrenia di Navigazione (“Tirrenia”). Din it-talba kienet immotivata mill-pjan tal-awtoritajiet Taljani li jipprivatizzaw il-Grupp, billi jibdew b’Tirrenia, u l-intenzjoni tagħhom li jħaffu l-proċess fir-rigward ta’ dik il-kumpanija.

(3)

Il-Kummissjoni aderixxiet mat-talba tal-awtoritajiet Taljani, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/851/KE (3) hija għalqet il-proċedura mnedija fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lil Tirrenia. L-għajnuna ġiet iddikjarata kompatibbli soġġetta għal ċerti impenji mill-awtoritajiet Taljani.

(4)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/163/KE (4) (“id-Deċiżjoni tal-2004”) il-Kummissjoni ddikjarat il-kumpens mogħti lill-kumpaniji ta’ Tirrenia Group minbarra Tirrenia (5) bħala parzjalment kompatibbli mas-suq intern, parzjalment kompatibbli bil-patt li jiġu rrispettati diversi impenji mill-awtoritajiet Taljani, u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern. Id-deċiżjoni tal-2004 kienet ibbażata fuq data kontabilistika li kienet tkopri mill-1992 sal-2001 u kienet tinkludi ċerti kundizzjonijiet li kellhom l-għan li jiżguraw il-kompatibbiltà tal-kumpens matul id-durata sħiħa tal-Konvenzjonijiet inizjali (jiġifieri sal-2008).

(5)

Bis-Sentenza tal-4 ta’ Marzu 2009 fil-Kawżi T-265/04, T-292/04 u T-504/04 (6) il-Qorti Ġenerali ħassret id-Deċiżjoni tal-2004.

(6)

Permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011)6961 (“id-Deċiżjoni tal-2011”) (7), fil-5 ta’ Ottubru 2011 il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ diversi miżuri adottati mill-Italja favur il-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group Fost l-oħrajn, il-proċediment kien jirrigwarda l-kumpens li ngħata lil Saremar - Sardenja Regionale Marittima (“Saremar”) għall-ġestjoni ta’ għadd ta’ rotot marittimi mill-1 ta’ Jannar 2009 u diversi miżuri oħrajn li ttieħdu favur din il-kumpanija.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-2011 ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżuri taħt investigazzjoni.

(8)

Fis-7 ta’ Novembru 2012 il-Kummissjoni estendiet il-proċedura ta’ investigazzjoni fost l-oħrajn fir-rigward ta’ uħud mill-miżuri ta’ għajnuna li ngħataw mir-Reġjun ta’ Sardenja lil Saremar. Fid-19 ta’ Diċembru 2012 il-Kummissjoni adottat verżjoni modifikata (8) ta’ din id-deċiżjoni (id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 9452, id-“Deċiżjoni tal-2012”).

(9)

Id-Deċiżjoni tal-2012 ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (9). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżuri taħt investigazzjoni.

(10)

Permezz tal-ittra tal-14 ta’ Mejju 2013, ir-Reġjun ta’ Sardenja talab lill-Kummissjoni sabiex tifred il-miżuri li jikkonċernaw lil Saremar mill-proċedura ta’ investigazzjoni formali mibdija bid-deċiżjonijiet tal-2011 u tal-2012 u tagħti prijorità lill-miżuri relatati ma’ Saremar, b’mod partikolari fid-dawl tal-privatizzazzjoni imminenti tagħha.

(11)

Il-Kummissjoni aċċettat it-talba tal-awtoritajiet ta’ Sardenja u, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (10) (UE) 2018/261 (“id-Deċiżjoni tal-2014”), għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ ċerti miżuri mogħtija li Saremar mir-Reġjun ta’ Sardenja. Mill-ħames miżuri adottati mir-Reġjun ta’ Sardenja favur Saremar, erbgħa minnhom ġew ivvalutati fid-Deċiżjoni tal-2014, minbarra l-proġett “Bonus Sardo - Vacanza” (ara l-premessa (29) ta’ din id-Deċiżjoni).

(12)

Saremar u r-Reġjun ta’ Sardenja ppreżentaw rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-2014 quddiem il-Qorti Ġenerali, li ġew miċħuda permezz ta’ sentenzi tas-6 ta’ April 2017 fil-Kawżi T-219/14 (11) u T-220/14 (12). La Saremar u lanqas ir-Reġjun ta’ Sardenja ma appellaw minn dawk is-sentenzi, li issa huma finali.

(13)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (13) (UE) 2020/1411, il-Kummissjoni kkonkludiet l-investigazzjoni tagħha dwar il-kumpaniji tat-Tirrenia Group, minbarra t-Tirrenia, għall-perjodu bejn l-1992 u l-2008. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna mogħtija għall-forniment ta’ servizzi ta’ kabotaġġ marittimu kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, filwaqt li l-għajnuna mogħtija għall-forniment ta’ servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali kienet kompatibbli mal-Qafas SIEĠ tal-2011 (“il-Qafas SIEĠ tal-2011”) (14).

(14)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1412 (15), il-Kummissjoni temmet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżuri mogħtija lil Tirrenia u lix-xerrej tagħha CIN għall-perjodu mill-2009 sal-2020.

(15)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/4268 (16), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/4271 (17), il-Kummissjoni temmet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżuri mogħtija lil Siremar u Toremar u lix-xerrej tagħhom mill-2009 ’il quddiem.

(16)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna biss il-miżuri favur Saremar identifikati fid-Deċiżjonijiet tal-2011 u tal-2012 li ma kinux koperti mid-Deċiżjoni tal-2014, kif spjegat fil-premessi (28) u (29). Il-Kummissjoni se tindirizza l-miżuri kollha li jifdal koperti mid-deċiżjonijiet tal-2011 u l-2012 imsemmija fil-każijiet SA.32014, SA.32015 u SA.32016 skont deċiżjonijiet separati. B’mod partikolari, il-miżuri li jifdal jikkonċernaw kumpaniji oħra li kienu parti mit-Tirrenia Group (jiġifieri Caremar u Laziomar).

2.   SFOND U DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI SOĠĠETTI GĦALL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kuntest

2.1.1.   Il-konvenzjonijiet inizjali

(17)

It-Tirrenia Group, li oriġinarjament kien sjieda tal-Istat Taljan permezz tal-kumpanija Finanziaria per i Settori Industriale e dei Servizi S.p.A (“Fintecna”) (18), kien magħmul minn sitt kumpaniji, jiġifieri Tirrenia, Adriatica, Caremar, Saremar, Siremar u Toremar. Dawn il-kumpaniji pprovdew servizzi ta’ trasport marittimu fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku separati konklużi fl-1991 mal-Istat Taljan u li damu fis-seħħ għal għoxrin sena, bejn Jannar 1989 u Diċembru 2008. Fintecna kellha 100 % tal-kapital azzjonarju ta’ Tirrenia. Tirrenia kellha s-sjieda tal-ishma kollha f’Adriatica, Caremar, Siremar, Saremar e Toremar (magħrufa flimkien bħala “l-kumpaniji reġjonali”). Adriatica, li kienet topera numru ta’ rotot bejn l-Italja u l-Albanija, il-Kroazja, il-Greċja u l-Montenegro, ingħaqdet ma’ Tirrenia fl-2004.

(18)

L-iskop ta’ dawn il-konvenzjonijiet inizjali kien li jiggarantixxu r-regolarità u l-affidabbiltà tas-servizzi tat-trasport marittimu li, fil-parti l-kbira tagħhom, kienu jgħaqqdu lill-Italja kontinentali ma’ Sqallija, ma’ Sardenja u ma’ gżejjer Taljani iżgħar oħra. Għal dan l-għan, l-Istat Taljan ta appoġġ finanzjarju fil-forma ta’ sussidji mħallsa direttament lil kull waħda mill-kumpaniji ta’ Tirrenia Group.

(19)

Saremar kienet tamministra uħud mill-kollegamenti internazzjonali bejn Sardenja u l-gżejjer lejn il-Grigal u l-Lbiċ, kif ukoll kollegament internazzjonali ma’ Korsika, fis-sens tal-konvenzjoni inizjali mal-Istat.

2.1.2.   L-estensjoni tal-Konvenzjonijiet inizjali

(20)

Il-konvenzjonijiet inizjali, fosthom dik applikabbli għal Saremar, ġew estiżi tliet darbiet.

(21)

L-ewwel, l-Artikolu 26 tad-Digriet Amministrattiv Nru 207 tat-30 ta’ Diċembru 2008, ikkonvertit fil-Liġi Nru 14 tas-27 ta’ Frar 2009, stabbilixxa l-estensjoni tal-Konvenzjonijiet inizjali sal-31 ta’ Diċembru 2009, li inizjalment kellhom jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2008.

(22)

It-tieni, L-Artikolu 19 ter tad-Digriet Amministrattiv Nru 135 tal-25 ta’ Settembru 2009 (“l-Ordni Amministrattiv 135/2009”), ikkonvertit fil-Liġi Nru 166 tal-20 ta’ Novembru 2009 (“il-Liġi tal-2009”), stabbilixxa li, minħabba l-privatizzazzjoni tal-kumpaniji ta’ Tirrenia Group, il-parteċipazzjoni azzjonarja tal-kumpaniji reġjonali (ħlief għal Siremar) tiġi ttrasferita mill-kumpanija omm Tirrenia kif ġej.

(a)

Caremar lir-Reġjun ta’ Campania. Sussegwentement, ir-Reġjun tal-Campania ttrasferixxa lir-Reġjun tal-Lazio bħala negozju avvjat li kien jopera l-konnessjonijiet tat-trasport mal-arċipelagu ta’ Pontino (li ħolqot il-Laziomar) (19);

(b)

Saremar lir-Reġjun ta’ Sardenja;

(c)

Toremar lir-Reġjun tat-Toskana.

(23)

Il-Liġi tal-2009 speċifikat ukoll li sal-31 ta’ Diċembru 2009 kellhom jiġu miftiehma “Konvenzjonijiet” ġodda bejn l-Istat Taljan u Tirrenia u Siremar. Bl-istess mod, is-servizzi reġjonali kellhom jiġu rregolati taħt kuntratti ġodda ta’ servizz pubbliku li kellhom jiġu miftiehma bejn Saremar, Toremar u Caremar u l-awtoritajiet reġjonali rispettivi sal-31 ta’ Diċembru 2009 (Sardenja u Toskana) u sat-28 ta’ Frar 2010 (Campania u Lazio). Il-ftehimiet il-ġodda jew il-kuntratti ta’ servizz pubbliku kellhom jinfetħu għall-offerti, flimkien mal-kumpaniji nfushom. Imbagħad is-sidien il-ġodda ta’ kull waħda minn dawk il-kumpaniji iffirmaw il-ftehim jew il-kuntratt ta’ servizz pubbliku rispettiv. (20)

(24)

Għal dak il-għan, il-Liġi tal-2009 estendiet ulterjorment il-Konvenzjonijiet inizjali, inkluża dik applikabbli għal Saremar, mill-1 ta’ Jannar 2010 sat-30 ta’ Settembru 2010.

(25)

Fl-aħħar nett, il-Liġi Nru 163 tal-1 ta’ Ottubru 2010 li tbiddel l-Ordni Amministrattiv Nru 125 tal-5 ta’ Awwissu 2010 (“il-Liġi tal-2010”) stabbilixxa l-estensjoni ulterjuri tal-Konvenzjonijiet inizjali (inkluża dik applikabbli għal Saremar) mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-tlestija tal-proċessi ta’ privatizzazzjoni ta’ Tirrenia u ta’ Siremar.

2.1.3.   L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-2014

(26)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-2014 il-Kummissjoni kkonkludiet li żewġ miżuri ta’ għajnuna mogħtija lil Saremar ma kinux kompatibbli mas-suq intern u żewġ miżuri oħra ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru ta’:

(a)

EUR 10 miljuni f’kumpens imħallas lil Saremar għall-operat ta’ żewġ rotot oħra li jikkollegaw lil Sardenja mal-kontinent;

(b)

rikapitalizzazzjoni ppjanata ta’ EUR 6 099 961 (li minnhom EUR 824 309,69 diġà tħallsu lil Saremar).

(27)

L-Italja implimentat id-Deċiżjoni tal-2014, għalkemm dakinhar tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni xi proċeduri għadhom pendenti. B’mod partikulari:

(a)

permezz tal-ittra tat-10 ta’ April 2015, l-awtoritajiet Taljani indikaw li, fil-15 ta’ Jannar 2015, it-Tribunale di Cagliari kien iddeċieda li Saremar kellha tiġi ammessa għall-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri. L-għan tal-proċedura kien li jinbiegħu l-assi kollha ta’ Saremar u li jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet tal-kredituri, mingħajr ma Saremar tkompli tinnegozja lil hinn minn ċerta data (li inizjalment kienet iffissata bħala l-31 ta’ Diċembru 2015). It-talbiet għal għajnuna mill-Istat kienu ddaħħlu fil-grad xieraq u kienu jinkludu l-imgħax tal-irkupru akkumulat sal-1 ta’ Lulju 2014, li kien jammonta għal EUR 11 131 231,60. Din tal-aħħar huwa d-data meta Saremar applikat biex tiddaħħal f’arranġament mal-kredituri li, skont il-liġi Taljana, jissospendi l-akkumulazzjoni tal-imgħax (21);

(b)

permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2015, l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni li l-proċedura ta’ bejgħ tal-bastimenti ta’ Saremar kienet se tiġi sseparata mill-proċedura tal-għoti tal-obbligi ta’ servizz pubbliku ġestiti minn Saremar. Huma bagħtu wkoll l-ordni maħruġ mit-Tribunale di Cagliari fit-22 ta’ Lulju 2015, li vvalida l-arranġament mal-kredituri, (l-hekk imsejħa “approvazzjoni”), u infurmaw lill-Kummissjoni li kienu waslu tmien espressjonijiet ta’ interess għall-bastimenti Saremar. Permezz ta’ ittra tat-21 ta’ Jannar 2016 l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li Saremar kienet se tkompli topera biss sal-31 ta’ Marzu 2016. L-awtoritajiet Taljani infurmaw ukoll li l-bastimenti ta’ Saremar kienu nbiegħu lil Delcoservizi Srl (“Delcoservizi”) u li fil-fatt kienu se jiġu kkonsenjati sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2016, filwaqt li żiedu li l-proċedura tal-għoti ta’ servizz pubbliku kienet għadha għaddejja u li kienu waslu żewġ espressjonijiet ta’ interess;

(c)

permezz ta’ ittra tat-19 ta’ Mejju 2016 l-awtoritajiet Taljani infurmaw li Delcomar Srl (“Delcomar”) rebaħ il-kuntratt ta’ servizz pubbliku. B’riżultat ta’ dan, Saremar waqfet topera rotot tat-trasport marittimu fil-31 ta’ Marzu 2016 u mill-1 ta’ April 2016 Delcomar bdiet topera s-servizz pubbliku. L-awtoritajiet Taljani infurmaw ukoll lill-Kummissjoni li wara t-trasferiment tal-assi ta’ Saremar, li seħħ ukoll fit-31 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill Reġjonali ta’ Sardenja ordna il-likwidazzjoni tal-kumpanija permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 24/23 tat-22 ta’ April 2016. F’din id-deċiżjoni, l-Eżekuttiv Reġjonali indika li, peress li Saremar kienet waqqfet l-attivitajiet kollha fil-31 ta’ Marzu 2016, ma kienx għad hemm interess li tinżamm, b’tali mod li l-kumpanija kienet ser tiġi stralċjata u nħatar likwidatur ġdid;

(d)

permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Lulju 2016, l-awtoritajiet Taljani infurmaw lill-Kummissjoni li, abbażi tal-fondi riċevuti mil-likwidazzjoni tal-assi ta’ Saremar u r-reġistrazzjoni tal-obbligazzjonijiet, ammont ta’ EUR 4 452 226,42 biss (madwar 40 % tal-ammonti dovuti) setgħu jiġu allokati għat-talbiet għall-ħlas lura tal-għajnuna mill-Istat. Huma kkonfermaw ukoll li Saremar kienet qed tissensja l-persunal kollu tagħha u li kienet se titneħħa mir-reġistru tan-negozju ladarba titlesta l-likwidazzjoni u li ma kien hemm l-ebda tip ta’ konnessjoni bejn il-bejjiegħ tal-beni (Saremar) u x-xerrej (Delcoservizi). Fl-aħħar nett, permezz tal-ittra tat-17 ta’ Lulju 2017, l-awtoritajiet Taljani pprovdew evidenza tal-ħlas ta’ EUR 4 452 226,42 mil-likwidaturi ta’ Saremar lir-Reġjun.

2.2.   Il-miżuri fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-2011 u tal-2012

(28)

Il-miżuri li ġejjin kienu soġġetti għal valutazzjoni fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa bid-Deċiżjonijiet tal-2011 u tal-2012:

(1)

il-kumpens għall-għoti ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (“SGEI”) dkont l-estensjoni tal-Konvenzjonijiet inizjali (miżura 1);

(2)

l-estensjoni illegali tal-għajnuna ta’ salvataġġ lil Tirrenia u lil Siremar (miżura 2);

(3)

il-privatizzazzjoni tal-kumpaniji tal-ex Tirrenia Group (22) (miżura 3);

(4)

il-kumpens imħallas għall-operat ta’ SGEI taħt il-Konvenzjonijiet/Kuntratti Pubbliċi ta’ Servizz (miżura 4);

(5)

il-prijorità tal-irmiġġ (miżura 5);

(6)

il-miżuri stabbiliti mil-Liġi tal-2010 (miżura 6);

(7)

Il-ħames miżuri addizzjonali adottati mir-Reġjun ta’ Sardenja favur Saremar (miżura 7);

(29)

Bid-Deċiżjoni tal-2014, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ erbgħa mill-ħames miżuri adottati mir-Reġjun ta’ Sardenja favur Saremar imsemmija hawn fuq bħala miżura 7. Madankollu ma waslitx għal konklużjoni dwar il-ħames miżura: Il-proġett “Bonus Sardo - Vacanza (23)”. Għalhekk, fir-rigward ta’ Saremar il-Kummissjoni għadha ma ħaditx pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri 1, 3, 4, 5, 6 u l-proġett Bonus Sardo — Post Bacancy mas-suq intern.

3.   Il-likwidazzjoni tal-benefiċjarju u n-nuqqas ta’ kontinwità ekonomika

(30)

Il-Kummissjoni tfakkar li s-sistema ta’ kontroll ex ante ta’ miżuri ġodda ta’ għajnuna mill-Kummissjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE għandha l-għan li tevita l-għoti ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern (24). Fir-rigward tal-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-setgħa tal-Kummissjoni li tordna lill-Istati Membri jirkupraw għajnuna li tqis inkompatibbli mas-suq intern hija intiża li telimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv li minnu jibbenefika l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna, u b’hekk treġġa’ lura s-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas ta’ din l-għajnuna (25). Jekk impriża ma tkunx tista’ tħallas lura l-għajnuna, sabiex twettaq l-irkupru, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprevedi l-likwidazzjoni ta’ dik l-impriża (26), u b’hekk il-waqfien tal-attivitajiet tagħha u l-bejgħ tal-assi tagħha skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

(31)

Fi kliem ieħor, l-għan ewlieni tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat huwa li tipprevjeni l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli. Konsegwentement, jekk il-kompetizzjoni fis-suq intern tiġi mfixkla bl-għoti ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli, għandu jiġi żgurat li, jekk ikun meħtieġ, titreġġa’ lura s-sitwazzjoni ta’ qabel tali distorsjoni tal-kompetizzjoni permezz tal-likwidazzjoni tal-benefiċjarju.

(32)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri pendenti msemmija fil-premessi (28) u (29) jirreferu għal Saremar, attwalment f’likwidazzjoni (miżuri 1 u Bonus Sardo Vacanza), jew għas-suċċessuri ta’ Saremar wara l-privatizzazzjoni tagħha (miżuri 3 u 4), jew għat-tnejn li huma (miżuri 5 u 6). Barra minn hekk, il-privatizzazzjoni ta’ Saremar ma seħħitx kif ġie deskritt u vvalutat qabel fil-premessi (149) u (150), (238)-(246) u (305) u (306) tad-deċiżjoni tal-2012. Saremar ġiet likwidata u l-assi tagħha u l-għoti tas-servizz pubbliku kienu s-suġġett ta’ żewġ proċeduri separati.

(33)

Skont il-liġi Taljana (27), ladarba kumpanija tiġi likwidata, l-assi tagħha jiġu ttrasferiti u r-rikavat mill-bejgħ jiġi ttrasferit lill-kredituri, skont il-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet tagħhom fl-obbligazzjonijiet. F’dan il-kuntest, l-ewwel il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi jekk għadux utli li titkompla l-investigazzjoni kontra Saremar u, jekk le, jekk jistax ikun hemm kontinwità ekonomika bejn Saremar u kumpaniji oħra, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(34)

Fir-rigward ta’ Saremar, il-Kummissjoni tinnota l-ewwel nett li, fil-15 ta’ Jannar 2015, wara d-deċiżjoni tal-2014, Saremar ġiet ammessa għall-proċedura għal arranġament mal-kredituri u nħatar likwidatur. Skont il-liġi Taljana din il-proċedura hija normalment maħsuba biex tiżgura l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza li f’dan il-każ il-kumpanija kienet awtorizzata tidħol f’arranġament mal-kredituri bil-għan li tiddisponi mill-assi, jiġifieri, proċedura ta’ likwidazzjoni miftiehma mal-kredituri għall-bejgħ tal-assi tal-kumpanija u l-waqfien tal-attivitajiet tagħha, li jipprevedi t-tkomplija ta’ dawn l-attivitajiet għal perjodu limitat biss. Din il-proċedura hija ssorveljata minn qorti, li trid tivvalida l-ftehim bejn il-kredituri. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li fit-22 ta’ Lulju 2015 it-Tribunale di Cagliari vvalida l-ftehim bejn il-kredituri ta’ Saremar, li jipprevedi kontinwazzjoni tal-attivitajiet sal-31 ta’ Diċembru 2015 (ara l-premessa (27)). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-proċedura magħżula diġà implikat li, fi tmiem il-proċedura, Saremar kienet se toħroġ mis-suq.

(35)

Tabilħaqq, il-Kummissjoni tinnota li Saremar waqqfet l-attivitajiet ekonomiċi kollha fil-31 ta’ Marzu 2016 (ara l-premessa (27)), inklużi servizzi ta’ laneċ fuq rotot operati abbażi ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku. Minn dakinhar, il-kuntratt ta’ servizz pubbliku ġie fdat lil Delcomar u, b’mod parallel, il-bastimenti tagħha nbiegħu lil Delcoservizi. Wara l-bejgħ tal-assi ta’ Saremar fit-22 ta’ April 2016, il-Kunsill Reġjonali ta’ Sardenja ordna l-likwidazzjoni tal-kumpanija permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 24/23.

(36)

Barra minn hekk, l-Italja implimentat id-Deċiżjoni tal-2014 b’mod korrett, għalkemm b’xi dewmien. It-talba għall-ħlas lura tal-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 10 824 309,69, flimkien mal-imgħax tal-irkupru, ġiet irreġistrata kif xieraq fl-obbligazzjonijiet tal-kumpanija. Minn dan l-ammont, madwar EUR 4,4 miljun biss setgħu jitħallsu lill-Italja wara l-bejgħ tal-assi ta’ Saremar. Madankollu, peress li l-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ Saremar wasslu għal-likwidazzjoni tagħha u l-kumpanija ma għadhiex attiva (28), il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ rkupru provviżorjament permezz tal-ittra lill-Italja tat-13 ta’ Settembru 2017.

(37)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li Saremar ma wettqet l-ebda attività ekonomika għal aktar minn ħames snin, li l-assi tagħha nbiegħu u l-persunal tagħha tkeċċa u li, ladarba titlesta l-proċedura ta’ likwidazzjoni, se titneħħa mir-reġistru tan-negozju. Kwalunkwe distorsjoni possibbli tal-kompetizzjoni jew effett fuq il-kummerċ tal-miżuri msemmija fil-premessi (28) u (29) intemmu meta Saremar waqfet tinnegozja. Barra minn hekk, it-talba ta’ rkupru fid-Deċiżjoni tal-2014 kienet sodisfatta parzjalment biss (għal madwar 40 % tal-ammont dovut, ara l-premessi (27) u (36)).

(38)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-objettivi msemmija hawn fuq tal-kontroll u l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat diġà ntlaħqu: L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli jiġi evitat u jiġi żgurat li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ta’ qabel id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata minn għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. Tabilħaqq, Saremar ma għadhiex operatur tas-suq u diġà tinsab f’likwidazzjoni u t-talbiet għall-għajnuna mill-Istat ġew issodisfati wara l-bejgħ tal-assi tal-kumpanija, għalkemm parzjalment biss minħabba n-nuqqas ta’ fondi. Għalhekk, ma jagħmilx sens li l-investigazzjoni kontra Saremar titkompla.

(39)

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-kontinwità ekonomika potenzjali bejn Saremar u s-suċċessuri tagħha, skont il-ġurisprudenza, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi li ġejjin: l-ambitu tat-trasferiment (l-assi u l-obbligazzjonijiet, il-kontinwità tal-forza tax-xogħol, l-iggruppar tal-assi), il-prezz tat-trasferimenti, l-identità tas-sidien tal-impriża akkwirenti u tal-impriża oriġinali, il-mument li fih twettaq it-trasferiment (wara l-bidu tal-investigazzjoni, it-tnedija tal-proċedura jew tad-deċiżjoni finali) u l-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni (29).

(40)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-2014, hija diġà vvalutat jekk l-obbligu li titħallas lura l-għajnuna mogħtija lil Saremar kellux jiġi estiż għal impriżi oħra li l-assi jew l-attivitajiet tal-benefiċjarju setgħu jiġu ttrasferiti lilhom. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ rkupru, il-Kummissjoni aċċettat li l-obbligu ta’ rkupru kien jikkonċerna biss lil Saremar, billi eskludiet l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika ma’ Delcomar jew Delcoservizi (flimkien, is- “suċċessuri”), għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

l-operat ta’ servizzi ta’ laneċ fuq ir-rotot taħt kuntratt ta’ servizz pubbliku u l-allokazzjoni tal-bastimenti saru permezz ta’ żewġ proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti separati, trasparenti, pubbliċi u mhux diskriminatorji;

(b)

L-impjegati ta’ Saremar ingħataw is-sensja u mhux kollha ġew impjegati mis-suċċessuri (30);

(c)

is-suċċessuri huma operaturi privati, filwaqt li Saremar hija 100 % proprjetà tar-Reġjun ta’ Sardenja; Għalhekk, ma setgħet tiġi stabbilita l-ebda relazzjoni bejn il-bejjiegħ u x-xerrej tal-beni;

(d)

id-deċiżjonijiet dwar l-investiment jew l-offerta li ttieħdu mis-suċċessuri huma deċiżjonijiet tas-suq.

(41)

Mill-għeluq provviżorju tal-każ ta’ rkupru, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni li twassalha biex tibdel il-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-kontinwità ekonomika bejn Saremar u Delcomar jew Delcoservizi, jew tat-tnejn li huma, tista’ tiġi eskluża. Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-likwidazzjoni ta’ Saremar sat-tneħħija tagħha mir-reġistru kummerċjali, li se jippermetti l-għeluq finali tal-proċedura ta’ rkupru għad-Deċiżjoni tal-2014 (31).

(42)

F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-likwidazzjoni ta’ Saremar u tan-nuqqas ta’ kontinwità ekonomika mas-suċċessuri tagħha, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-miżuri li għadhom pendenti favur Saremar jew is-suċċessuri tagħha, mibdija skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, ma għadx għandha skop.

(43)

Din id-Deċiżjoni ma tikkonċernax jew tippreġudika xi kwistjonijiet oħra koperti mid-Deċiżjonijiet tal-2011 u tal-2012 (32) jew li tressqu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni minn partijiet interessati fil-kors tal-investigazzjoni li nfetħet taħt dawk id-Deċiżjonijiet,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment li nbeda fil-5 ta’ Ottubru 2011 skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE u estiżi fid-19 ta’ Diċembru 2012 kontra Saremar u s-suċċessuri tagħha jinsab magħluq.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 28, 1.2.2012, p. 18 u ĠU C 84, 22.3.2013, p. 58.

(2)  ĠU C 306, 23.10.1999, p. 2. L-ex Tirrenia Group kien jikkonsisti mill-kumpaniji Tirrenia di Navigazione S.p.A., Adriatica S.p.A., Caremar – Campania Regionale Marittima S.p.A., Saremar – Sardenja Regionale Marittima S.p.A., Siremar – Sicilia Regionale Marittima S.p.A. u Toremar – Toscana Regionale Marittima S.p.A.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/851/KE tal-21 ta’ Ġunju 2001 dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Italja lill-kumpanija marittima Tirrenia di Navigazione (ĠU L 318, 4.12.2001, p. 9).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/163/KE tas-16 ta’ Marzu 2004 dwar l-Għajnuna mill-Istat imħallsa mill-Italja lill-kumpanniji marittimi Adriatica, Caremar, Siremar, Saremar u Toremar (Gruppo Tirrenia) (ĠU L 53, 26.2.2005, p. 29).

(5)  B’mod partikolari: Adriatica, Caremar, Siremar, Saremar u Toremar.

(6)  Il-Kawżi Magħquda T-265/04, T-292/04 u T-504/04 Tirrenia di Navigazione/il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2009:48.

(7)  ĠU C 28, 1.2.2012, p. 18.

(8)  L-emendi kollha kienu jikkonċernaw miżuri favur Saremar.

(9)  ĠU C 84, 22.3.2013, p. 58.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/261 tat-22 ta’ Jannar 2014 dwar il-miżuri ta’ għajnuna SA.32014 (2011/C), SA.32015 (2011/C), SA.32016 (2011/C) implimentati mir-Reġjun ta’ Sardenja favur Saremar (ĠU L 49, 22.2.2018, p. 22).

(11)  Il-Kawża T-219/14, Regione autonoma della Sardegna/il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2017:266.

(12)  Il-Kawża T-220/14, Saremar/il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2017:267.

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1411 tat-2 ta’ Marzu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 64/99 (ex NN 68/99) implimentata mill-Italja għall-kumpaniji tat-tbaħħir Adriatica, Caremar, Siremar, Saremar u Toremar (il-Grupp Tirrenia) (ĠU L 332, 12.10.2020, p. 1).

(14)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: dwar qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15).

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1412 tat-2 ta’ Marzu 2020 dwar il-miżuri SA.32014, SA.32015, SA.32016 (11/C) (ex 11/NN) implimentati mill-Italja għal Tirrenia di Navigazione u għall-akkwirent tagħha Compagnia Italiana di Navigazione (ĠU L 332, 12.10.2020, p. 45).

(16)  Għadha mhix ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(17)  Għadha mhix ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(18)  Fintecna hija kollha kemm hi proprjetà tal-Ministeru Taljan tal-Ekonomija u tal-Finanzi u hija speċjalizzata fil-ġestjoni tal-proċessi ta’ parteċipazzjoni azzjonarja u ta’ privatizzazzjoni; kif ukoll fl-indirizzar ta’ proġetti għar-razzjonalizzazzjoni u għar-ristrutturar ta’ kumpaniji li jaffaċċjaw diffikultajiet industrijali, finanzjarji jew organizzazzjonali.

(19)  Dan it-trasferiment ġie fformalizzat fl-1 ta’ Ġunju 2011.

(20)  L-Artikolu 19-ter (10) tal-Ordni Amministrattiv Nru 135/2009.

(21)  Ara l-punti 130 u 133 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat (ĠU C 247, 23.7.2019, p. 1).

(22)  Dan jinkludi l-pagament differit minn CIN ta’ parti mill-prezz tax-xiri għall-akkwiżizzjoni tiegħu tal-fergħa kummerċjali ta’ Tirrenia u diversi miżuri ta’ għajnuna addizzjonali allegati fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-fergħa kummerċjali ta’ Siremar (eż. kontrogaranzija u żieda tal-kapital mill-Istat għal CdI).

(23)  Id-Deċiżjoni tal-2014 indikat li dan il-proġett kien se jiġi vvalutat f’deċiżjoni separata.

(24)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország, C-75/18, ECLI:EU:C:2020:139, il-punt 19.

(25)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja (“Magefesa II”), C-610/10, ECLI:EU:C:2012:781, il-punt 105.

(26)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (“United Textiles”), C-363/16, ECLI:EU:C:2018:12, il-punt 36.

(27)  Id-digriet Irjali Nru 267 tas-16 ta’ Marzu 1942, kif emendat (magħruf ukoll bħala l-Liġi dwar il-Falliment).

(28)  Ara l-punt 129 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat (ĠU C 247, 23.7.2019, p. 1).

(29)  Il-Kawża T-121/15 Fortischem a.s. vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2019:684, il-punt 208.

(30)  Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, Delcomar kellha tieħu anqas minn 20 % tal-forza tax-xogħol ta’ Saremar.

(31)  Ara l-punti 136 sa 140 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat (ĠU C 247, 23.7.2019, p. 1).

(32)  Ara l-premessi 6 u 8 ta’ din id-Deċiżjoni.


17.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/27


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/757

tal-11 ta’ Mejju 2022

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1182 fir-rigward tal-istandards armonizzati għas-sistemi tal-ġestjoni tal-kwalità, l-isterilizzazzjoni u l-applikazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju għall-apparati mediċi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-apparati li jkunu konformi mal-istandards armonizzati rilevanti, jew mal-partijiet rilevanti ta’ dawk l-istandards, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iridu jitqiesu li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/745 issostitwixxa d-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE (3) u 93/42/KEE (4) mis-26 ta’ Mejju 2021.

(3)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 2406 (5), il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati eżistenti dwar l-apparati mediċi żviluppati b’appoġġ għad-Direttivi 90/385/KEE u 93/42/KEE u għall-abbozzar ta’ standards armonizzati ġodda b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2017/745.

(4)

Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 2406, is-CEN u s-CENELEC irrevedew l-istandards armonizzati EN 285:2015 u EN ISO 14971:2019, ir-referenzi tagħhom ma humiex ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sabiex jinkludu l-progress tekniku u xjentifiku l-aktar riċenti, u biex jadattawhom għar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (UE) 2017/745. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat rivedut EN 285:2015+A1:2021 dwar l-isterilizzazzjoni u tal-emenda EN ISO 14971:2019/A11:2021 għall-istandard armonizzat EN IO 14971:2019 dwar l-applikazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju għall-apparati mediċi.

(5)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN u mas-CENELEC, ivvalutat jekk l-istandards armonizzati EN 285:2015+A1:2021 u EN ISO 14971:2019, kif emendati minn EN ISO 14971:2019/A11:2021 jikkonformawx mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 2406.

(6)

L-istandards armonizzati EN 285:2015+A1:2021 u EN ISO 14971:2019, kif emendati minn EN ISO 14971:2019/A11:2021, jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/745. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġu ppubblikati r-referenzi tal-istandards armonizzati EN 285:2015+A1:2021 u EN ISO 14971:2019 u tal-emenda ta’ din tal-aħħar f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1182 (6) jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2017/745.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2017/745 ikunu elenkati f’att wieħed, jenħtieġ li r-referenzi tal-istandards armonizzati EN 285:2015+A1:2021 u EN ISO 14971:2019 u tal-emenda ta’ din tal-aħħar jiġu inklużi fid-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni (UE) 2021/1182.

(9)

Ir-referenzi tal-istandard armonizzat EN ISO 13485:2016 dwar sistemi tal-ġestjoni tal-kwalità u tal-emenda tiegħu EN ISO 13485:2016/A11:2021 huma ppubblikati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1182. Madankollu, dik il-pubblikazzjoni ma tinkludix ir-referenza tar-rettifika għal dak l-istandard – EN ISO 13485:2016/AC:2018. Ir-rettifika tikkoreġi biss aspetti formali tad-daħla Ewropea u tal-annessi informattivi, mingħajr ma taffettwa s-sustanza tal-istandard armonizzat. L-istandard armonizzat EN 13485:2016 kif emendat minn EN ISO 13485:2016/A11:2021 u kkoreġut minn EN ISO 13485:2016/AC:2018 jissodisfa ir-rekwiżiti li għandu l-għan li jkopri u li huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/745. Sabiex jiġi żgurat li l-korrezzjonijiet magħmula minn EN ISO 13485:2016/AC:2018 japplikaw għall-finijiet tal-preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (UE) 2017/745, huwa meħtieġ li tiġi inkluża r-referenza ta’ dik ir-rettifika fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1182. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li r-referenza tar-rettifika EN ISO 13485:2016/AC:2018 tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’effett retroattiv.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1182 tiġi emendata skont dan.

(11)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1182 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt (1) tal-Anness għandu japplika mill-5 ta’ Jannar 2022.

Magħmul fi Brussell, l-11 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/385/KEE tal-20 ta’ Ġunju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward il-mezzi mediċi attivi li jiddaħħlu f’xi parti tal-ġisem (ĠU L 189, 20.7.1990, p. 17).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2406 tal-14 ta’ April 2021 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika rigward apparati mediċi b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u apparati mediċi dijanjostiċi in vitro b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1182 tas-16 ta’ Lulju 2021 dwar l-istandards armonizzati għall-apparati mediċi abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 256, 19.7.2021, p. 100).


ANNESS

L-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1182 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata Nru 10 hija sostitwita b’dan li ġej:

Nru

Referenza tal-istandard

“10

EN ISO 13485:2016

Apparati mediċi – Sistemi tal-ġestjoni tal-kwalità – Rekwiżiti għal skopijiet regolatorji (ISO 13485:2016)

EN ISO 13485:2016/AC:2018

EN ISO 13485:2016/A11:2021”;

(2)

jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

Nru

Referenza tal-istandard

“15.

EN 285:2015+A1:2021

Sterilizzazzjoni – Sterilizzatur bil-fwar – Sterilizzaturi kbar

16.

EN ISO 14971:2019

Apparati mediċi — Applikazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju għal apparati mediċi (ISO 14971:2019)

EN ISO 14971:2019/A11:2021”.


RAKKOMANDAZZJONIJIET

17.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/30


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/758

tas-27 ta’ April 2022

dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.

(2)

L-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) tipprevedi, fost affarijiet oħra, id-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja (l-Artikolu 7), il-protezzjoni ta’ data personali (l-Artikolu 8), il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, li tinkludi r-rispett għal-libertà u pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni (l-Artikolu 11), u għal rimedju effettiv u għal proċess ġust (l-Artikolu 47).

(3)

Id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta jinkludi d-dritt li wieħed ikollu opinjoni u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil minn awtorità pubblika u irrispettivament mill-fruntieri. Filwaqt li dan mhuwiex dritt assolut, kull limitazzjoni għalih trid tkun prevista mil-liġi, tirrispetta l-essenza tad-dritt u ssir biss jekk tkun meħtieġa u ġenwinament tissodisfa l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (l-Artikolu 52(1) tal-Karta).

(4)

F’konformità mal-Artikolu 52(3) tal-Karta u mal-Ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta, jenħtieġ li l-Artikolu 11 tal-Karta jingħata t-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kif interpretata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jipproteġi l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kull restrizzjoni trid tkun preskritta mil-liġi, trid tkun meħtieġa f’soċjetà demokratika, u trid issir sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

(5)

Il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem timponi wkoll obbligu pożittiv fuq l-istati kontraenti biex jissalvagwardjaw il-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni u biex joħolqu ambjent favorevoli għall-parteċipazzjoni fid-dibattitu pubbliku (1). Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tispeċifika wkoll li l-libertà tal-espressjoni tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u hija applikabbli mhux biss għall-informazzjoni jew għall-ideat li jintlaqgħu b’mod favorevoli jew li jitqiesu bħala inoffensivi jew bħala kwistjoni ta’ indifferenza, iżda wkoll għal dawk li joffendu, jaħsdu jew jiddisturbaw l-istat jew kwalunkwe grupp fil-popolazzjoni (2). Hija ċċarat ukoll li “f’soċjetà demokratika anke gruppi ta’ kampanji żgħar u informali (…) iridu jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod effettiv” u li “jeżisti interess pubbliku qawwi li lil tali gruppi u individwi barra mis-sistema ġenerali jippermettilhom jikkontribwixxu għad-dibattitu pubbliku billi jxerrdu informazzjoni u ideat dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku ġenerali” (3).

(6)

Il-ġurnalisti għandhom rwol importanti fl-iffaċilitar tad-dibattitu pubbliku u fit-twassil u r-riċeviment ta’ informazzjoni, opinjonijiet u ideat (4). Huwa essenzjali li jingħataw l-ispazju meħtieġ biex jikkontribwixxu għal dibattitu miftuħ, liberu u ġust u biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni u interferenzi manipulattivi oħrajn, inkluż minn atturi f’pajjiżi terzi. Jenħtieġ li l-ġurnalisti jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod effettiv biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal pluralità ta’ fehmiet fid-demokraziji Ewropej.

(7)

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ukoll għandhom rwol importanti fid-demokraziji Ewropej, speċjalment fid-difiża tad-drittijiet fundamentali, il-valuri demokratiċi, l-inklużjoni soċjali, il-protezzjoni ambjentali u l-istat tad-dritt. Jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja pubblika u jsemmgħu leħinhom dwar kwistjonijiet ta’ politika u fi proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet mingħajr biża’ ta’ intimidazzjoni. Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huma individwi jew organizzazzjonijiet involuti fid-difiża tad-drittijiet fundamentali u varjetà ta’ drittijiet oħra, inklużi d-drittijiet ambjentali u klimatiċi, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-LGBTIQ, id-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranza razzjali jew etnika, id-drittijiet tal-ħaddiema jew il-libertajiet reliġjużi.

(8)

Demokrazija f’saħħitha u prosperuża teħtieġ li n-nies ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fid-dibattitu pubbliku. Sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni sinifikanti, jenħtieġ li n-nies ikunu jistgħu jaċċessaw informazzjoni affidabbli, li tippermettilhom jiffurmaw l-opinjonijiet tagħhom stess u jeżerċitaw il-ġudizzju tagħhom stess fi spazju pubbliku fejn il-fehmiet differenti jkunu jistgħu jiġu espressi liberament.

(9)

Biex jitrawwem dan l-ambjent, importanti li l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiġu protetti minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi u abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (komunement magħrufa bħala “SLAPPs”). Dawn il-proċedimenti tal-qorti jew ikunu manifestament bla bażi jew ikunu proċedimenti kompletament jew parzjalment bla bażi li jkun fihom elementi ta’ abbuż li jiġġustifikaw is-suppożizzjoni li l-għan ewlieni tal-proċedimenti tal-qorti jkun li jipprevjenu, jirrestrinġu jew jippenalizzaw il-parteċipazzjoni pubblika. Indikazzjonijiet ta’ tali abbuż huma n-natura sproporzjonata, eċċessiva jew irraġonevoli tal-pretensjoni jew parti minnha, l-eżistenza ta’ pretensjonijiet multipli asseriti mir-rikorrent fir-rigward ta’ kwistjonijiet simili, jew intimidazzjoni, fastidju jew theddid min-naħa tar-rikorrent jew ir-rappreżentanti tiegħu qabel il-ftuħ ta’ proċediment tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużiv. Dawn il-proċedimenti jikkostitwixxu abbuż tal-proċedimenti tal-qorti u jpoġġu piżijiet bla bżonn fuq il-qrati peress li l-għan tagħhom mhuwiex li jkollhom aċċess għall-ġustizzja iżda li jagħtu fastidju u jsikktu lill-intimati. Proċedimenti twal joħolqu piżijiet fuq is-sistemi tal-qrati nazzjonali.

(10)

Il-proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi u abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jieħu l-forma ta’ firxa wiesgħa ta’ abbużi legali, prinċipalment f’materji ċivili jew kriminali, imma anke fi kwistjonijiet tad-dritt amministrattiv u jista’ jkun ibbażat fuq diversi bażijiet.

(11)

Tali proċedimenti tal-qorti spiss jinbdew minn individwi jew entitajiet potenti (pereżempju gruppi ta’ lobbying, korporazzjonijiet u organi tal-istat) f’tentattiv li jsikktu d-dibattitu pubbliku. Spiss ikunu jinvolvu żbilanċ ta’ poter bejn il-partijiet bir-rikorrent ikollu pożizzjoni aktar potenti mill-intimat pereżempju finanzjarjament jew politikament. Għalkemm ma jkunx komponent indispensabbli ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi, meta jkun hemm, żbilanċ ta’ poter iżid b’mod sinifikanti l-effetti dannużi kif ukoll l-effetti dissważivi tal-proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

(12)

Proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem b’mod partikolari u jeżawrixxu r-riżorsi finanzjarji u riżorsi oħrajn tagħhom. Dawn jista’ jkollhom konsegwenzi psikoloġiċi negattivi għall-persuni fil-mira tagħhom u għall-membri tal-familja tagħhom. Proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jipperikolaw il-kapaċità tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jwettqu l-attivitajiet tagħhom. B’riżultat ta’ tali proċedimenti, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar kwistjoni ta’ interess pubbliku tista’ tittardja jew tiġi evitata għalkollox. L-eżistenza ta’ tali proċedimenti jista’ jkollha effett ta’ deterrent b’mod aktar ġenerali fuq il-ħidma tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem b’mod partikolari, billi tikkontribwixxi għall-awtoċensura b’antiċipazzjoni ta’ proċedimenti futuri possibbli tal-qorti, li jwasslu għat-tfaqqir tad-dibattitu pubbliku għad-detriment tas-soċjetà kollha kemm hi. It-tul tal-proċeduri, il-pressjoni finanzjarja u t-theddida ta’ sanzjonijiet kriminali jikkostitwixxu għodod potenti biex vuċijiet kritiċi jiġu intimidati u msikkta.

(13)

Dawk fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika spiss jiffaċċaw proċedimenti multipli tal-qorti simultanjament u f’bosta ġuriżdizzjonijiet. Il-proċedimenti tal-qorti mibdija fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru kontra persuna residenti fi Stat Membru ieħor normalment ikunu aktar kumplessi u aktar għaljin għall-intimat. Ir-rikorrenti fi proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jużaw ukoll għodod proċedurali biex iżidu t-tul u l-ispiża tal-litigazzjoni, u jressqu kawżi f’ġuriżdizzjoni li jipperċepixxu li tkun favorevoli għall-każ tagħhom, minflok fil-qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tismal-kawża.

(14)

L-użu ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika qed jiżdied fl-Unjoni Ewropea. Skont studji reċenti (5), tali proċedimenti qed jintużaw dejjem aktar madwar l-Istati Membri.

(15)

Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2020 (6), ikkundanna l-użu tas-SLAPPs biex isikket jew jintimida l-ġurnalisti investigattivi u l-mezzi tal-media u biex joħloq klima ta’ biża’ madwar ir-rappurtar tagħhom dwar ċerti suġġetti, filwaqt li stieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta biex dawn jiġu evitati. Fir-Riżoluzzjoni (7) tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar it-Tisħiħ tad-demokrazija u tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fl-UE: l-użu indebitu ta’ azzjonijiet fl-ambitu tad-dritt ċivili u kriminali biex jissikktu l-ġurnalisti, l-Organizzazzjonijiet Nongovernattivi (NGOs) u s-soċjetà ċivili: il-Parlament Ewropew enfasizza għal darba oħra l-prevalenza tal-fenomenu u l-ħtieġa ta’ salvagwardji effettivi għall-vittmi tiegħu madwar l-Unjoni.

(16)

Il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti (8) tirrapporta wkoll għadd dejjem jikber ta’ allerti ta’ theddid serju għas-sikurezza tal-ġurnalisti u l-libertà tal-media fl-Ewropa, inklużi diversi każijiet ta’ intimidazzjoni ġudizzjarja. Ir-Rapport annwali tal-2021 tal-assoċjazzjonijiet sħab tal-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti jenfasizza bl-istess mod iż-żieda notevoli ta’ allerti relatati mas-SLAPP irrappurtati fl-2020 meta mqabbla mas-sena preċedenti, kemm fl-għadd ta’ allerti kif ukoll fil-ġuriżdizzjonijiet tal-istati membri kkonċernati tal-Kunsill tal-Ewropa (9). Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u atturi oħra tal-media (10) tat-13 ta’ April 2016, il-Kunsill tal-Ewropa rrakkomanda lill-istati membri tiegħu biex jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u/jew miżuri oħra meħtieġa biex jipprevjenu l-użu frivolu, vessatorju jew malizzjuż tal-liġi u l-proċess legali biex jiġu intimidati u msikkta ġurnalisti u atturi oħrajn tal-media.

(17)

Ir-Rapporti tal-Kummissjoni tal-2020 (11) u tal-2021 (12) dwar l-Istat tad-Dritt jenfasizzaw li f’għadd ta’ Stati Membri, il-ġurnalisti u oħrajn involuti fil-protezzjoni tal-interess pubbliku qed jiffaċċaw dejjem aktar theddid u attakki fir-rigward tal-pubblikazzjonijiet u l-ħidma tagħhom, f’diversi forom inkluż l-użu tas-SLAPPs.

(18)

Eżempju ċar tal-użu ta’ proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika fl-Unjoni huwa dak tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li, fiż-żmien tal-qtil tagħha, kienet qed tiffaċċja aktar minn 40 libell ċivili u kriminali u proċedimenti tal-qorti ta’ malafama relatati max-xogħol investigattiv tagħha.

(19)

Il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (13) ppreżentat mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Diċembru 2020 jenfasizza r-rwol fundamentali tal-media libera u pluralistika fid-demokraziji kif ukoll l-importanza tas-soċjetà ċivili. Huwa jenfasizza fost l-oħrajn ir-rwol importanti li l-media indipendenti u pluralistika għandha biex tippermetti liċ-ċittadini jieħdu deċiżjonijiet infurmati, kif ukoll fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza fl-ispazju tal-informazzjoni, inkluża d-diżinformazzjoni. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni diġà adottat ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/1534 dwar l-iżgurar tal-protezzjoni, tas-sikurezza u tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra fil-media fl-Unjoni Ewropea (14). Dik ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol aktar sikuri għall-professjonisti kollha tal-media, liberi mill-biża’ u l-intimidazzjoni, kemm jekk online u kemm jekk offline. Fid-dawl tat-theddida dejjem tikber li tirriżulta minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika għal-libertà tal-media u l-parteċipazzjoni pubblika, jenħtieġ li l-Unjoni tiżviluppa approċċ koerenti u effettiv biex tiġġieled tali proċedimenti. Din ir-Rakkomandazzjoni tikkomplementa r-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/1534 billi tipprovdi rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Hija tmur lil hinn mill-protezzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra tal-media u tinkludi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tindirizza t-theddida speċifika ppreżentata minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika u billi tagħmel hekk, tappoġġa l-funzjonament xieraq tas-sistema ta’ kontrokontrolli f’demokrazija f’saħħitha. Jenħtieġ li hija tipprovdi gwida lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri effettivi, xierqa u proporzjonati biex jindirizzaw tali proċedimenti u biex jiżguraw f’dan il-kuntest b’mod partikolari l-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Jenħtieġ li l-miżuri rakkomandati jinkludu s-sensibilizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ għarfien espert, b’mod partikolari fost l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u l-miri ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, biex jiġi żgurat li jkun disponibbli appoġġ għal dawk fil-mira ta’ tali proċedimenti u biex jiġi appoġġat monitoraġġ imsaħħaħ.

(20)

Sabiex tiġi prevista protezzjoni effiċjenti kontra proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika u jiġi evitat li l-fenomenu jrabbi l-għeruq fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-oqfsa legali rispettivi tagħhom li jirregolaw il-proċedimenti ċivili, kriminali, kummerċjali u amministrattivi, jipprevedu s-salvagwardji meħtieġa biex jiġu indirizzati tali proċedimenti tal-qorti, b’rispett sħiħ tal-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għal proċess ġust u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Sabiex tiġi pprovduta protezzjoni konsistenti u effiċjenti kontra proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għan li jiżguraw li jkun possibbli li t-talba tiġi miċħuda malajr. Jenħtieġ li jkollhom l-għan ukoll li jipprovdu rimedji oħrajn kontra proċedimenti tal-qorti abbużivi, jiġifieri l-għoti tal-spejjeż sabiex rikorrent li jkun ressaq proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jkun jista’ jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti, il-kumpens għad-danni għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet dannu b’riżultat ta’ proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, u l-possibbiltà li jiġu imposti pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq il-parti li tkun fetħet proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. L-objettiv ewlieni li l-qrati jingħataw il-possibbiltà li jimponu pieni huwa li jiskoraġġixxu lir-rikorrenti potenzjali milli jibdew proċedimenti abbużivi tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li dawn il-pieni jkunu proporzjonali għall-elementi ta’ abbuż identifikati. Meta jistabbilixxu l-ammonti għall-pieni, il-qrati jistgħu jqisu l-potenzjal għal effett dannuż jew dissważiv tal-proċedimenti fuq il-parteċipazzjoni pubblika, inkluż fir-rigward tan-natura tal-pretensjoni, jekk ir-rikorrent ikunx beda proċedimenti multipli jew konċertati f’materji simili u l-eżistenza ta’ tentattivi ta’ intimidazzjoni, fastidju jew theddid fuq l-intimat.

(21)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għan li jinkludu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom salvagwardji simili għal kawżi domestiċi bħal dawk inklużi fl-istrumenti tal-Unjoni li jfittxu li jindirizzaw proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi u abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika għal kwistjonijiet ċivili b’implikazzjonijiet transfruntieri. Dan jipprovdi protezzjoni konsistenti u effiċjenti kontra proċedimenti tal-qorti ta’ dan it-tip u jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-fenomenu milli jrabbi l-għeruq fl-Unjoni.

(22)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrieżaminaw speċifikament l-oqfsa legali tagħhom applikabbli għall-malafama biex jiżguraw li l-kunċetti u d-definizzjonijiet eżistenti ma jkunux jistgħu jintużaw mir-rikorrenti kontra ġurnalisti jew difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

(23)

Sabiex jiġi evitat effett dissważiv fuq id-dibattitu pubbliku, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-pieni kontra l-malafama ma jkunux eċċessivi u sproporzjonati. Jenħtieġ li jagħtu attenzjoni partikolari lil-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa (15) li jindirizzaw il-qafas legali għall-malafama, b’mod partikolari d-dritt kriminali. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri mħeġġa jneħħu s-sentenzi ta’ priġunerija għall-malafama mill-qafas legali tagħhom. L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fir-Riżoluzzjoni 1577 (2007) (16) tagħha talbet lill-istati membri tagħha, li għadhom jipprevedu sentenzi ta’ priġunerija għall-malafama, anke jekk ma jiġux imposti realment, biex jaboluhom mingħajr dewmien. L-Istati Membri mħeġġa wkoll jiffavorixxu l-użu tad-dritt amministrattiv jew ċivili biex jittrattaw każijiet ta’ malafama, dment li tali dispożizzjonijiet ikollhom effett inqas punittiv minn dawk tad-dritt kriminali (17).

(24)

It-trattament tal-każijiet ta’ malafama minn angolu tad-dritt kriminali jenħtieġ li jintuża biss bħala l-aħħar ħaġa u jenħtieġ li jiġu ppreferuti r-risponsi permezz tad-dritt amministrattiv jew ċivili minflok, f’konformità mal-gwida mill-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (18) u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (19) rrakkomandaw it-tneħħija ta’ malafama mill-istatuti tad-dritt kriminali. Bl-istess mod, il-Kunsill tal-Ewropa esprima riżervi f’dan il-kuntest (20).

(25)

Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali huwa aktar ikkonkretizzat fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21). Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut. L-Artikolu 85 tal-GDPR, jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirrikonċiljaw skont il-liġi d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inkluż l-ipproċessar għal finijiet ġurnalistiċi u l-finijiet ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja.

(26)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-korpi awtoregolatorji u lill-assoċjazzjonijiet tal-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja biex jallinjaw, meta jkun meħtieġ, l-istandards deontoloġiċi tagħhom, inklużi l-kodiċijiet ta’ kondotta, ma’ din ir-Rakkomandazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll, kif rilevanti, li l-istandards deontoloġiċi li jfittxu li jiskoraġġixxu jew jipprojbixxu lill-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja milli jinvolvu ruħhom fi mġiba li tista’ tikkostitwixxi abbuż tal-proċess jew abbuż tar-responsabbiltajiet professjonali l-oħra tagħhom lejn l-integrità tal-proċess legali, u s-sanzjonijiet dixxiplinari korrispondenti tagħhom, ikopru proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li dan ikun akkumpanjat b’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ xierqa sabiex iżidu l-għarfien u l-effikaċja tal-istandards deontoloġiċi eżistenti li huma rilevanti għal proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

(27)

L-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja huma atturi ewlenin fi proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, jew billi jirrappreżentaw litiganti, iħarrku individwi jew jaġġudikaw tilwim. Għalhekk, huwa kruċjali li jkollhom l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex dan jagħmluh. Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw u joffru opportunitajiet ta’ taħriġ lil dawn l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja. It-taħriġ jista’ jikkontribwixxi b’mod sostantiv għall-bini tal-għarfien u l-kapaċità tagħhom dwar kif jidentifikaw proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, inklużi dawk b’element ta’ pajjiż terz, u jirreaġixxu b’mod xieraq. Jenħtieġ li tali taħriġ jindirizza l-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju fil-livelli kollha tal-qorti inklużi l-imħallfin, il-prosekuturi, il-persunal tal-qorti u tal-uffiċċju tal-prosekuturi, kif ukoll kwalunkwe professjonist ieħor tal-ġustizzja assoċjat mal-ġudikatura jew li b’xi mod ieħor jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, irrispettivament mid-definizzjoni fil-liġi nazzjonali, l-istatus legali jew l-organizzazzjoni interna, fil-livelli reġjonali u lokali, fejn proċeduri tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jinstemgħu fl-ewwel istanza. Jenħtieġ li dan it-taħriġ jindirizza wkoll operaturi oħrajn fil-qasam tal-ġustizzja bħall-avukati kwalifikati. L-iżvilupp ta’ kapaċità ta’ taħriġ lokali jista’ jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà fit-tul tat-taħriġ.

(28)

L-estensjoni ta’ tali taħriġ għall-ġurnalisti, il-membri tal-kunsill tal-istampa, il-professjonisti tal-media u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tgħinhom jagħrfu meta jiġu kkonfrontati b’tali proċedimenti tal-qorti u jiġu pprovduti b’ħiliet legali kritiċi biex jitnaqqsu r-riskji għalihom li jiġu esposti għal proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jew jkunu armati b’għarfien aħjar biex jindirizzawh aħjar. Dan jista’ jippermettilhom ukoll jinvolvu ruħhom f’rappurtar robust dwar is-SLAPPs. Jenħtieġ li t-taħriġ għall-ġurnalisti jirreferi wkoll għall-istandards etiċi u l-linji gwida stabbiliti mill-kunsilli nazzjonali tal-istampa jew tal-media. Biex jikkontribwixxi għall-bini tal-kapaċitajiet kumplessivi u jsaħħaħ ir-rispons istituzzjonali għal proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, tali taħriġ jista’ jinvolvi wkoll l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, l-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-istituzzjonijiet tal-ombudsman u l-korpi regolatorji statali tal-media.

(29)

Il-fornituri ta’ taħriġ legali u l-assoċjazzjonijiet tal-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja jinsabu f’pożizzjoni tajba ħafna biex jagħtu taħriġ dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, kif ukoll biex jiddeterminaw l-objettivi ta’ tali taħriġ u biex jivvalutaw l-aktar metodoloġija ta’ taħriġ xierqa. It-taħriġ mogħti minn operaturi fil-qasam tal-ġustizzja lil operaturi fil-qasam tal-ġustizzja oħrajn jippermetti lil kulħadd jitgħallem bħala grupp, jaqsam aħjar l-esperjenzi u jrawwem fiduċja reċiproka. Jenħtieġ li l-iskambji ta’ prattiki rilevanti fil-livell Ewropew jiġu mħeġġa, inkluż bl-appoġġ tal-Kummissjoni, bl-involviment tan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN). L-involviment tal-ġuristi u l-assoċjazzjonijiet professjonali tagħhom, mit-tħejjija tal-analiżijiet tal-ħtiġijiet sal-evalwazzjoni tar-riżultati, huwa ta’ importanza assoluta biex jiġu żgurati l-effettività u s-sostenibbiltà tal-attivitajiet ta’ taħriġ.

(30)

Jenħtieġ li t-taħriġ jindirizza l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u drittijiet fundamentali oħrajn, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-liġijiet nazzjonali u jinkludi gwida prattika dwar kif għandha tiġi applikata l-ġurisprudenza rilevanti, ir-restrizzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem u l-artikulazzjoni bejniethom, inklużi l-libertà tal-espressjoni, is-salvagwardji proċedurali kif ukoll dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn skont il-liġijiet nazzjonali. Jenħtieġ li jittieħed kont debitu tal-manwal tal-Kunsill tal-Ewropa għall-ġuristi dwar il-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni skont il-KEDB (22).

(31)

Jenħtieġ li t-taħriġ, fost affarijiet oħra, jindirizza l-protezzjoni tad-data personali li tista’ tintuża biex jinbdew proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li jindirizza wkoll il-manipulazzjoni u l-interferenza tal-informazzjoni, inkluża d-diżinformazzjoni.

(32)

Jenħtieġ li t-taħriġ jikkunsidra l-qafas legali u l-kuntest nazzjonali. Li dawn jiġu kkombinati mal-gwida żviluppata mill-Kunsill tal-Ewropa, it-testimonjanzi minn persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika u l-aħjar prattiki minn Stati Membri oħrajn b’mod strutturat u koerenti jista’ jikkontribwixxi għall-objettivi ta’ tagħlim assoċjati mat-taħriġ dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi. It-taħriġ jista’ jintuża wkoll biex irawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri.

(33)

Biex tintlaħaq udjenza ikbar u jitrawwem l-appoġġ, jenħtieġ li t-taħriġ dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jagħmel ukoll l-aħjar użu mit-teknoloġiji l-ġodda, inkluż it-taħriġ online. L-aċċess għar-riżorsi elettroniċi, materjal aġġornat, u għodod ta’ tagħlim awtonomi dwar il-leġiżlazzjoni u l-gwida rilevanti jikkomplementaw il-benefiċċji ta’ tali attivitajiet ta’ taħriġ.

(34)

Sabiex jitrawmu sinerġiji ma’ inizjattivi simili dwar it-taħriġ ta’ operaturi fil-qasam tal-ġustizzja, moduli ta’ taħriġ dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi dwar il-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jiġu inklużi fit-taħriġ dwar suġġetti relatati, bħal-libertà tal-espressjoni u l-etika legali. Jenħtieġ li jitħeġġu l-użu ta’ materjali u prattiki ta’ taħriġ eżistenti bħal dawk promossi fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, is-Sett ta’ Għodod Globali tal-Unesco għall-Atturi Ġudizzjarji (23) u l-korsijiet online tal-HELP (Edukazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-Operaturi fil-qasam tal-ġustizzja) (24) tal-Kunsill tal-Ewropa.

(35)

L-inklużjoni ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika fil-kurrikuli tal-liġi u tal-ġurnaliżmu tgħin biex l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u l-ġurnalisti jkunu mgħammra b’għarfien aħjar biex jirrikonoxxu tali proċedimenti u b’għarfien speċifiku biex jirreaġixxu kif xieraq, u jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ għarfien espert u kompetenzi professjonali fost il-letturi. Tali għarfien jista’ jiġi pprovdut minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja f’korsijiet jew seminars komplementari matul l-aħħar snin ta’ programm ta’ lawrja, pereżempju lill-istudenti tal-liġi li jistudjaw il-liġi u l-ġurnaliżmu.

(36)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika organizzati fost l-oħrajn minn entitajiet nazzjonali, inklużi l-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

(37)

Attivitajiet ta’ komunikazzjoni dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jieħdu l-forma ta’ pubblikazzjonijiet, messaġġi, laqgħat pubbliċi, konferenzi, workshops u webinars.

(38)

Il-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika spiss ikollhom diffikultà biex isibu informazzjoni dwar ir-riżorsi ta’ appoġġ disponibbli. Sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta’ entitajiet jew korpi li jistgħu jipprovdu assistenza fi proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi u sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-appoġġ kontra tali proċedimenti, jenħtieġ li l-informazzjoni tinġabar u ssir disponibbli f’punt uniku, tkun mingħajr ħlas u faċilment aċċessibbli. Għal dak l-għan, jenħtieġ li kull Stat Membru jistabbilixxi punt fokali nazzjonali wieħed li jiġbor u jikkondividi informazzjoni dwar ir-riżorsi disponibbli.

(39)

Għan sottostanti tal-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jenħtieġ li jkun li jiġi promoss l-għarfien dwar l-importanza ta’ spazju pubbliku li jippermetti l-parteċipazzjoni demokratika u jippermetti liċ-ċittadini jkollhom aċċess għal pluralità ta’ fehmiet u informazzjoni affidabbli, mingħajr preġudizzji.

(40)

Jenħtieġ li l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni jiġu kkoordinati ma’ punti fokali nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħrajn biex tiġi żgurata l-effettività tagħhom. Jenħtieġ li jippruvaw ukoll joħolqu sinerġiji ma’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar suġġetti kompatibbli bħal dawk li jiffukaw fuq it-trawwim ta’ dibattitu miftuħ, liberu u ġust u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni jenħtieġ li jiġu integrati ma’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni li jippromwovu l-parteċipazzjoni ċivika attiva, il-pluraliżmu tal-fehmiet u l-aċċess għal informazzjoni affidabbli. Jenħtieġ li jippruvaw ukoll joħolqu sinerġiji, meta jkun rilevanti, mat-tisħiħ tar-reżiljenza dwar il-media, il-litteriżmu tal-informazzjoni, l-istandards ġurnalistiċi u l-verifika tal-fatti fil-kuntest ta’ miżuri li jindirizzaw id-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni, u l-interferenza inkluż minn barra l-pajjiż. L-udjenza fil-mira tista’ tinkludi fost l-oħrajn gruppi speċifiċi, bħall-professjonisti tal-media, l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u l-membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-professjonisti tal-komunikazzjoni, l-akkademiċi, il-gruppi ta’ riflessjoni, il-politiċi, l-impjegati taċ-ċivil, l-awtoritajiet pubbliċi u l-korporazzjonijiet privati.

(41)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għan li jiżguraw, bi kwalunkwe mezz li jqisu xieraq, id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar is-salvagwardji proċedurali u salvagwardji oħrajn skont l-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, inkluża informazzjoni dwar l-entitajiet jew il-korpi li jistgħu jiġu kkuntattjati biex jipprovdu assistenza kontra proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

(42)

Tali riżorsi ta’ appoġġ jistgħu jinkludu d-ditti legali li jiddefendu pro bono l-miri ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, l-uffiċċji ta’ konsultazzjoni legali tal-universitajiet li jipprovdu tali appoġġ, l-organizzazzjonijiet li jirreġistraw u jirrapportaw dwar is-SLAPPs, u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza finanzjarja u assistenza oħra lill-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi.

(43)

Hemm bżonn li l-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika ikunu adegwatament mgħammra biex jiffaċċjaw proċedimenti ta’ dan it-tip. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu żviluppati kapaċitajiet fl-Istati Membri sabiex jingħata appoġġ lil dawk fil-mira ta’ tali proċedimenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri joffru finanzjament u jippromwovu l-finanzjament disponibbli fil-livell tal-Unjoni lill-organizzazzjonijiet li jipprovdu gwida u appoġġ għall-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi.

(44)

Hemm bżonn ta’ monitoraġġ iktar sistematiku tal-proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika biex dan il-fenomenu jiġi ttrattat aħjar. Id-data miġbura jenħtieġ li tinkludi biżżejjed informazzjoni għall-awtoritajiet u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn biex jikkwantifikawhom u jifhmuhom aħjar inkluż bil-ħsieb li jipprovdu l-appoġġ meħtieġ għall-persuni fil-mira tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jafdaw, b’kont meħud tal-arranġamenti istituzzjonali tagħhom dwar l-istatistika ġudizzjarja (25), awtorità waħda jew aktar bil-ġbir u l-aggregazzjoni tad-data dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika miftuħin fil-qrati nazzjonali. Dawn l-awtoritajiet jistgħu jiġbru d-data mingħand bosta partijiet ikkonċernati. Sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir tad-data, l-awtoritajiet fdati biex jiġbru id-data jistgħu jistabbilixxu punti ta’ kuntatt sabiex l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-organizzazzjonijiet professjonali, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u partijiet ikkonċernati oħrajn ikunu jistgħu jikkondividu d-data dwar il-proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jafdaw lil waħda minn dawn l-awtoritajiet bil-koordinament tal-informazzjoni u r-rapportar tad-data aggregata miġbura fil-livell nazzjonali lill-Kummissjoni fuq bażi annwali li tibda mill-aħħar tal-2023. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ir-responsabbiltà tad-data miġbura. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiżguraw li l-proċess tal-ġbir tad-data jsegwi standards professjonali u li l-awtoritajiet fdati bil-ġbir tad-data u bl-istatistika jgawdu awtonomija suffiċjenti. Jenħtieġ li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.

(45)

Meta l-awtoritajiet jiġu fdati bil-ġbir u r-rappurtar tad-data, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jistabbilixxu sinerġiji mal-istrumenti rilevanti fil-qasam tal-istat tad-dritt u tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, fejn stabbiliti, jista’ jkollhom rwol importanti filwaqt li entitajiet oħrajn bħall-uffiċċji tal-ombudspersons, il-korpi tal-ugwaljanza, jew l-awtoritajiet kompetenti bħal dawk innominati skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) jistgħu jkunu rilevanti wkoll. Il-punti fokali nazzjonali li jipprovdu ħarsa ġenerali lejn ir-riżorsi ta’ appoġġ u l-entitajiet jew l-awtoritajiet fdati biex jiġbru u jirrappurtaw id-data jistgħu jinsabu fl-istess organizzazzjoni, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti u l-kriterji deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni.

(46)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet fdati bil-ġbir tad-data jippubblikaw l-informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, f’formati aċċessibbli fuq is-siti web tagħhom, u, meta jkun rilevanti permezz ta’ għodod xierqa oħrajn. Meta jagħmlu hekk, jenħtieġ li jiżguraw li d-drittijiet fundamentali inkluż id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali ta’ dawk l-individwi involuti fi proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jiġu rispettati bis-sħiħ.

(47)

Sabiex jiġi delineat it-tul tal-proċedimenti li jikkonċernaw proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi, jenħtieġ li kull meta jkun possibbli tinġabar informazzjoni preċiża dwar l-avvenimenti, l-atti jew l-azzjonijiet li bdew u għalqu tali proċedimenti u d-dati ta’ meta seħħew. Jenħtieġ li d-data miġbura tinkludi wkoll, meta jkun rilevanti, informazzjoni dwar l-isfond ta’ każ, pereżempju, meta jkunu infetħu proċedimenti tal-qorti preċedenti ripetittivi kontra l-istess intimat jew mill-istess rikorrent.

(48)

Kif meħtieġ, il-grupp ta’ esperti tal-UE kontra s-SLAPP stabbilit mill-Kummissjoni (27) jista’ jappoġġa l-iżvilupp fl-Istati Membri kollha ta’ kriterji komparabbli li jistgħu jiġu applikati faċilment mill-awtoritajiet fdati biex jiġbru u jirrappurtaw data dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

(49)

Il-grupp ta’ esperti tal-UE kontra s-SLAPP jappoġġa l-iskambju u t-tixrid tal-prattika u l-għarfien fost il-prattikanti dwar kwistjonijiet relatati mas-SLAPP. Dan jista’ jipprovdi, fost l-oħrajn, assistenza teknika lill-awtoritajiet fit-twaqqif ta’ punti fokali, fl-iżvilupp ta’ materjal ta’ taħriġ u fl-organizzazzjoni ta’ assistenza legali.

(50)

Il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV), stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), għandu l-għan li jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet u l-valuri minquxa fit-Trattati u fil-Karta. Sabiex jiġu sostnuti u żviluppati aktar soċjetajiet demokratiċi bbażati fuq l-istat tad-dritt, il-programm CERV jipprevedi fost l-oħrajn il-possibbiltà li jiġu ffinanzjati attivitajiet marbutin mal-bini tal-kapaċità u s-sensibilizzazzjoni dwar il-Karta inkluż dwar il-libertà tal-espressjoni. Il-Programm dwar il-Ġustizzja, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/692 (29) jipprevedi fost l-oħrajn il-possibbiltà li jiġu ffinanzjati attivitajiet marbutin mat-taħriġ ġudizzjarju, bil-ħsieb li titrawwem kultura legali u ġudizzjarja komuni bbażata fuq l-istat tad-dritt, u li tiġi appoġġata u promossa l-implimentazzjoni konsistenti u effettiva tal-istrumenti legali tal-Unjoni li huma rilevanti fil-kuntest tal-Programm.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

SUĠĠETT

1.

Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi gwida għall-Istati Membri biex jieħdu miżuri effettivi, xierqa u proporzjonati biex jindirizzaw proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika u jipproteġu b’mod partikolari lill-ġurnalisti u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kontra tali proċedimenti, b’rispett sħiħ tal-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali.

OQFSA APPLIKABBLI

2.

Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-oqfsa legali applikabbli tagħhom jipprevedu s-salvagwardji meħtieġa biex jiġu indirizzati proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika b’rispett sħiħ tal-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt ta’ proċess ġust u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni.

3.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għan li jiżguraw li jkun hemm salvagwardji proċedurali biex talba tiġi miċħuda malajr f’każ ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li jkollhom l-għan ukoll li jipprovdu rimedji oħrajn kontra proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, jiġifieri l-għoti tal-spejjeż li jfisser li rikorrent li jkun fetaħ proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jkun jista’ jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti, il-kumpens għad-danni għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet dannu b’riżultat ta’ proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, u l-possibbiltà li jiġu imposti pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq il-parti li tkun fetħet proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

4.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għan li jinkludu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom salvagwardji simili għal kawżi domestiċi bħal dawk inklużi fl-istrumenti tal-Unjoni li jfittxu li jindirizzaw kawżi manifestament bla bażi u abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika għal kwistjonijiet ċivili b’implikazzjonijiet transfruntieri.

5.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-regoli tagħhom applikabbli għall-malafama ma jkollhomx impatt mhux ġustifikat fuq il-libertà tal-espressjoni, fuq l-eżistenza ta’ ambjent medjatiku miftuħ, liberu u pluralistiku, u fuq il-parteċipazzjoni pubblika.

6.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-regoli tagħhom applikabbli għall-malafama jkunu ċari biżżejjed, inklużi l-kunċetti tagħhom, biex jitnaqqas ir-riskju li jintużaw ħażin jew ikunu abbużati.

7.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll li l-pieni kontra l-malafama ma jkunux eċċessivi u sproporzjonati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu kunsiderazzjoni massima lil-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa (30) li jindirizzaw il-qafas legali għall-malafama, u b’mod partikolari d-dritt kriminali. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri mħeġġa jneħħu s-sentenzi ta’ priġunerija għall-malafama mill-qafas legali tagħhom. L-Istati Membri mħeġġa jiffavorixxu l-użu tad-dritt amministrattiv jew ċivili biex jittrattaw każijiet ta’ malafama (31), dment li tali dispożizzjonijiet ikollhom effett inqas punittiv minn dawk tad-dritt kriminali.

8.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex ikun hemm artikolazzjoni adegwata fil-leġiżlazzjoni tagħhom bejn id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni biex jirrikonċiljaw dawk iż-żewġ drittijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 85(2) tar-Regolament (UE) 2016/679.

9.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li r-regoli deontoloġiċi li jirregolaw l-imġiba tal-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u s-sanzjonijiet dixxiplinari għall-ksur ta’ dawk ir-regoli jikkunsidraw u jinkludu miżuri xierqa biex jiskoraġġixxu proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-korpi awtoregolatorji u lill-assoċjazzjonijiet tal-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja biex jallinjaw l-istandards deontoloġiċi tagħhom, inklużi l-kodiċijiet ta’ kondotta tagħhom, ma’ din ir-rakkomandazzjoni. Huwa rrakkomandat ukoll li jkun hemm sensibilizzazzjoni u taħriġ xierqa.

TAĦRIĠ

10.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw opportunitajiet ta’ taħriġ dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika għall-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja bħall-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju fil-livelli kollha tal-qorti, avukati kwalifikati kif ukoll għal persuni potenzjalment fil-mira ta’ tali proċedimenti tal-qorti. It-taħriġ jenħtieġ li jiffoka fuq il-bini ta’ għarfien espert biex jiġu identifikati tali proċedimenti u jkun hemm reazzjoni xierqa.

11.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu lill-assoċjazzjonijiet tal-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u lill-fornituri ta’ taħriġ legali biex joffru taħriġ dwar kif jittrattaw proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-fornituri ta’ taħriġ fil-livell Ewropew bħan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju biex jipprovdu taħriġ ta’ dan it-tip. Jenħtieġ li l-ġuristi u l-assoċjazzjonijiet professjonali tagħhom ikunu involuti fl-iżvilupp, l-organizzazzjoni, it-twettiq u l-evalwazzjoni tat-taħriġ.

12.

Jenħtieġ li t-taħriġ ikopri l-aspetti rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Jenħtieġ li jkun jinkludi gwida prattika dwar kif iridu jiġu applikati d-dritt tal-Unjoni, il-ġurisprudenza nazzjonali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar l-aċċertament li r-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti, rispettivament, mill-Artikolu 52 tal-Karta u mill-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll dwar l-artikolazzjoni tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u ma’ drittijiet fundamentali oħra.

13.

Jenħtieġ li t-taħriġ ikopri wkoll is-salvagwardji proċedurali kontra proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, meta jkun disponibbli, kif ukoll il-ġuriżdizzjoni u l-liġi applikabbli rilevanti f’materji kriminali, amministrattivi, ċivili, kummerċjali u tad-drittijiet fundamentali.

14.

Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ taħriġ jindirizzaw ukoll l-obbligu għall-Istati Membri, skont ir-Regolament (UE) 2016/679, li jirrikonċiljaw, bil-liġi, il-protezzjoni tad-data personali mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Jenħtieġ li dawn ikopru r-regoli adottati mill-Istati Membri għal dan il-għan u l-eżenzjonijiet jew id-derogi speċifiċi għar-Regolament (UE) 2016/679 applikabbli għall-ipproċessar tad-data mwettaq għal skopijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja (32). Jenħtieġ li jittieħed kont debitu tal-elementi msemmijin fl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

15.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw l-integrazzjoni ta’ dan it-taħriġ fit-taħriġ dwar il-libertà tal-espressjoni u l-etika legali.

16.

Jenħtieġ li t-taħriġ għall-ġurnalisti, għall-professjonisti medjati oħrajn u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem isaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jittrattaw proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li jiffoka fuq ir-rikonoxximent ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, kif jiġġestixxu s-sitwazzjoni li tkun fil-mira ta’ tali proċedimenti tal-qorti u jinfurmahom bid-drittijiet u l-obbligi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-passi meħtieġa biex jipproteġu ruħhom minn tali proċedimenti. Jenħtieġ li t-taħriġ għall-ġurnalisti jinkludi wkoll l-istandards etiċi u l-linji gwida stabbiliti mill-kunsilli nazzjonali tal-istampa jew tal-media.

17.

L-Istati Membri jistgħu jħeġġu lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex jinkludu għarfien dwar kif jidentifikaw proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika fil-kurrikuli tagħhom, speċjalment għal-lawrji fil-liġi u fil-ġurnaliżmu.

18.

It-taħriġ jista’ jinkludi testimonjanzi minn persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. It-taħriġ jista’ wkoll, filwaqt li jagħmel l-aħjar użu mill-għarfien żviluppat fil-qafas tal-grupp ta’ esperti tal-UE kontra s-SLAPP, irawwem l-iskambju tal-esperjenzi bejn l-Istati Membri.

SENSIBILIZZAZZJONI

19.

L-Istati Membri mħeġġa jappoġġaw inizjattivi, inklużi dawk tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, immirati lejn is-sensibilizzazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li ssir enfasi partikolari fuq l-indirizzar tal-miri potenzjali ta’ tali proċedimenti.

20.

Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni jkollhom l-għan li jispjegaw il-kwistjoni ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika b’mod sempliċi u aċċessibbli sabiex tali proċedimenti jiġu rikonoxxuti faċilment.

21.

Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni jipprovdu informazzjoni dwar strutturi ta’ appoġġ eżistenti, inkluża referenza għal punti ċentrali nazzjonali li jiġbru u jikkondividu informazzjoni dwar ir-riżorsi disponibbli. Jenħtieġ li l-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni jipprovdu wkoll ħarsa ġenerali ċara lejn il-linji legali ta’ difiża disponibbli taħt l-oqfsa nazzjonali f’każ ta’ proċediment tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużiv kontra l-parteċipazzjoni pubblika u kif dawn jistgħu jintużaw b’mod effettiv.

22.

Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni li jiġġieldu attitudnijiet negattivi, sterjotipi u preġudizzji wkoll jistgħu jindirizzaw il-proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

23.

Jenħtieġ li l-promozzjoni ta’ fehim aħjar tan-natura u l-firxa tal-impatt ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika tiġi inkluża f’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-dritt għal-libertà tal-espressjoni indirizzati lil gruppi speċifiċi, bħall-professjonisti medjatiċi, l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja, il-membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-akkademiċi, il-gruppi ta’ riflessjoni, il-professjonisti tal-komunikazzjoni, l-impjegati taċ-ċivil, il-politiċi, l-awtoritajiet pubbliċi u l-korporazzjonijiet privati.

MEKKANIŻMI TA’ APPOĠĠ

24.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jkollhom aċċess għal appoġġ individwali u indipendenti. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jidentifikaw u jsaħħu l-organizzazzjonijiet li jipprovdu gwida u appoġġ għal tali miri. Tali organizzazzjonijiet jistgħu jinkludu l-assoċjazzjonijiet ta’ professjonisti legali, il-kunsilli tal-media u tal-istampa, l-assoċjazzjonijiet inklużivi għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-assoċjazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, id-ditti legali li jiddefendu persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika pro bono, l-uffiċċji ta’ konsultazzjoni legali tal-universitajiet u organizzazzjonijiet nongovernattivi oħrajn.

25.

Jenħtieġ li kull Stat Membru jistabbilixxi punt fokali li jiġbor u jaqsam l-informazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu gwida u appoġġ għall-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi.

26.

L-Istati Membri mħeġġa jagħmlu użu mill-finanzjamenti nazzjonali u tal-Unjoni biex jipprovdu appoġġ finanzjarju u jippromwovu l-finanzjament disponibbli fil-livell tal-Unjoni lejn organizzazzjonijiet li jipprovdu gwida u appoġġ għall-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika b’mod partikolari biex jiżguraw li jkollhom biżżejjed riżorsi biex jirreaġixxu malajr kontra tali proċedimenti.

27.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm assistenza legali għall-intimati fi proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika b’mod affordabbli u aċċessibbli faċilment.

28.

Jenħtieġ li kull Stat Membru jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn l-organizzazzjonijiet li jipprovdu gwida u appoġġ għall-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi.

ĠBIR, RAPPURTAR U MONITORAĠĠ TAD-DATA

29.

Jenħtieġ li l-Istati Membri, b’kont meħud tal-arranġamenti istituzzjonali tagħhom dwar l-istatistika ġudizzjarja, jinkarigaw awtorità waħda jew aktar bir-responsabbiltà tal-ġbir u l-aggregazzjoni tad-data dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika miftuħin fil-qrati nazzjonali, b’rispett sħiħ tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li awtorità waħda tkun responsabbli biex tikkoordina l-informazzjoni u tirrapporta d-data aggregata miġbura fil-livell nazzjonali lill-Kummissjoni fuq bażi annwali u li dan jibda qabel tmiem l-2023, b’rispett sħiħ tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data. Il-Kummissjoni se tippubblika sommarju annwali tal-kontribuzzjonijiet li tirċievi.

30.

Meta jkun meħtieġ, il-grupp ta’ esperti kontra s-SLAPP tal-UE jista’ jappoġġa l-iżvilupp u l-aħjar użu tal-istandards u mudelli dwar il-ġbir tad-data.

31.

Jenħtieġ li d-data msemmija fil-punt 29 tinkludi:

(a)

l-għadd ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, miftuħin fis-sena rilevanti;

(b)

l-għadd ta’ każijiet ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, miċħudin fis-sena rilevanti mill-2022, kemm miċħudin abbażi tal-merti u kemm għal raġunijiet proċedurali;

(c)

l-għadd ta’ proċedimenti tal-qorti, ikklassifikati skont it-tip ta’ intimat (eż. ġurnalist, difensur tad-drittijiet tal-bniedem, stabbiliment tal-istampa);

(d)

l-għadd ta’ proċedimenti tal-qorti, ikklassifikati skont it-tip ta’ rikorrent (eż. politiku, persuna privata, kumpanija, jekk ir-rikorrent huwiex entità barranija);

(e)

ċifri dwar atti ta’ parteċipazzjoni pubblika li nfetħu proċedimenti tal-qorti għalihom;

(f)

ċifri dwar l-istimi tal-ammont tad-danni inizjali mitlubin mir-rikorrenti;

(g)

deskrizzjoni tal-bażijiet legali differenti użati mir-rikorrenti u ċ-ċifri relatati;

(h)

ċifri dwar it-tul tal-proċedimenti, inklużi l-istanzi kollha;

(i)

ċifri dwar elementi transfruntieri; u

(j)

meta tkun disponibbli, data oħra inkluż dwar l-ispejjeż ġudizzjarji tal-proċedimenti u, meta jkun rilevanti u xieraq, ċifri rilevanti dwar l-isfond storiku tal-kawżi.

32.

Jenħtieġ li l-awtorità li tiżgura l-koordinazzjoni, imsemmija fil-punt 29, tippubblika d-data, f’formati aċċessibbli fuq is-sit web tagħha, u meta jkun rilevanti permezz ta’ għodod xierqa oħrajn, filwaqt li tieħu l-arranġamenti meħtieġa biex tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ dawk involuti fi proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

33.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-appoġġ ta’ finanzjament disponibbli fil-livell tal-Unjoni biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, u jippromwovu l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli għall-entitajiet pubbliċi u privati, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari taħt il-Programm CERV u l-Programm dwar il-Ġustizzja.

34.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jittrażmettu sa tmiem l-2023 u sussegwentement fuq talba, f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni li jkun fih data aggregata kkonsolidata fil-livell tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se torganizza, meta jkun meħtieġ, diskussjonijiet mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, f’fora rilevanti, dwar il-miżuri u l-azzjonijiet meħuda biex tiġi applikata r-Rakkomandazzjoni.

35.

Mhux aktar tard minn 5 snin wara d-data tal-adozzjoni, il-Kummissjoni se tivvaluta l-impatt ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fuq l-evoluzzjoni ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika fl-Unjoni Ewropea. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tiddetermina jekk humiex meħtieġa passi addizzjonali biex tiġi żgurata l-protezzjoni adegwata tal-persuni fil-mira ta’ tali proċedimenti, filwaqt li jitqiesu l-konstatazzjonijiet tar-Rapporti tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt u informazzjoni rilevanti oħra inkluża data esterna.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Didier REYNDERS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ara pereżempju s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-14 ta’ Settembru 2010, Dink vs it-Turkija (rikorsi nri 2668/07, 6102/08, 30079/08, 7072/09 u 7124/09), il-paragrafu 137. Ara wkoll dwar l-obbligi pożittivi skont l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-Rapport tat-Taqsima tar-Riċerka tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem”, https://www.echr.coe.int/documents/research_report_article_10_eng.pdfI

(2)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-7 ta’ Diċembru 1976, Handyside vs Ir-Renju Unit (rikors nru 5493/72), il-paragrafu 49.

(3)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta’ Frar 2005, Steel and Morris vs Ir-Renju Unit (rikors nru 68416/01), il-paragrafu 89.

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2022)4 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-promozzjoni ta’ ambjent favorevoli għal ġurnaliżmu ta’ kwalità fl-era diġitali tipprevedi li “... ġurnaliżmu ta’ kwalità, li jserraħ fuq l-istandards tal-etika professjonali filwaqt li jieħu forom differenti skont il-kuntesti ġeografiċi, legali u soċjetali, isegwi l-għan doppju li jaġixxi bħala għassies pubbliku fis-soċjetajiet demokratiċi u jikkontribwixxi għas-sensibilizzazzjoni u l-illuminazzjoni tal-pubbliku”, https://search.coe.int/cm/pages/result_details.aspx?objectid=0900001680a5ddd0. Ir-riżoluzzjoni 2213 (2018) dwar l-istatus tal-ġurnalisti fl-Ewropa adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tirreferi fir-rigward tal-ġurnalisti professjonali għal “missjoni li tipprovdi informazzjoni lill-pubbliku dwar suġġetti ġenerali jew speċjalisti ta’ interess b’mod responsabbli u oġġettiv kemm jista’ jkun.” https://search.coe.int/cm/pages/result_details.aspx?objectid=0900001680a5ddd0.

(5)  Network akkademiku dwar id-drittijiet taċ-ċittadinanza Ewropea, Talba ad hoc – SLAPP fil-kuntest tal-UE, id-29 ta’ Mejju 2020, https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/ad-hoc-literature-review-analysis-key-elements-slapp_en.pdf, p. 4 u n-Network akkademiku dwar id-drittijiet taċ-ċittadinanza Ewropea, il-Kawżi Strateġiċi Kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika (SLAPP) fl-Unjoni Ewropea: Studju komparattiv, it-30 ta’ Ġunju 2021, https://ec.europa.eu/info/files/strategic-lawsuits-against-public-participation-slapp-european-union-comparative-study_en.

(6)  P9_TA(2020)0320. F’din ir-Riżoluzzjoni, il-Parlament tenna wkoll it-termini tar-Riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Marzu 2019 (P8_TA(2019)0328).

(7)  P9_TA(2021)0451.

(8)  Mill-2015 ’il quddiem, il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa ffaċilitat il-kompilazzjoni u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar tħassib serju dwar il-libertà tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti fl-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa. Organizzazzjonijiet Sħab Kontribwenti – NGOs internazzjonali u assoċjazzjonijiet ta’ ġurnalisti mistednin – joħorġu allerti dwar ksur tal-libertà tal-media u jippubblikaw rapporti annwali dwar is-sitwazzjoni tal-libertà tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti fl-Ewropa. L-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa mistennija jaġixxu u jindirizzaw il-kwistjonijiet u jinfurmaw lill-Pjattaforma bl-azzjonijiet meħudin b’rispons għall-allerti. Ir-rata baxxa ta’ rispons tal-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa, li huma wkoll Stati Membri tal-UE, turi ħtieġa għal aktar azzjoni. https://www.coe.int/en/web/media-freedom.

(9)  Fl-2021, ġew ippubblikati 282 allert fuq il-Pjattaforma għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti (coe.int), fost dawn, bosta każijiet ikkonċernati ta’ intimidazzjoni ġudizzjarja, jiġifieri l-użu opportunistiku, arbitrarju jew vessatorju tal-leġiżlazzjoni, inkluż il-malafama, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, is-sigurtà nazzjonali, il-ħuliganiżmu jew il-liġijiet kontra l-estremiżmu. Ir-Rapport Annwali tal-2021 mill-organizzazzjonijiet sħab tal-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti nnota żieda fl-2020 meta mqabbla mas-sena preċedenti, kemm fl-għadd ta’ allerti kif ukoll fil-ġuriżdizzjonijiet tal-istati membri kkonċernati tal-Kunsill tal-Ewropa - 1680a2440e (coe.int).

(10)  Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u atturi tal-media oħrajn, https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectId=09000016806415d9#_ftn1.

(11)  COM(2020) 580 tat-30 ta’ Settembru 2020.

(12)  COM(2021) 700 final tal-20 ta’ Lulju 2021.

(13)  COM(2020) 790 final tat-3 ta’ Diċembru 2020.

(14)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1534 tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar l-iżgurar tal-protezzjoni, tas-sikurezza u tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra fil-media fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 331, 20.9.2021, p. 8).

(15)  Ara, fost l-oħrajn, Ir-Riżoluzzjoni 1577 tal-PACE Lejn id-dekriminalizzazzjoni tal-malafama (2007) https://assembly.coe.int/nw/xml/XRef/Xref-XML2HTML-en.asp?fileid=17588&lang=en, Ir-Rakkomandazzjoni tal-PACE Lejn id-dekriminalizzazzjoni tal-malafama 1814 (2007) https://assembly.coe.int/nw/xml/XRef/Xref-XML2HTML-en.asp?fileid=17587&lang=en, l-istudju tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Libertà tal-espressjoni u l-malafama. Studju tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (2012) https://rm.coe.int/study-on-the-alignment-of-laws-and-practices-concerning-alignment-of-l/16804915c5, u iktar reċenti l-istudju tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (2016) https://rm.coe.int/CoERMPublicCommonSearchServices/DisplayDCTMContent?documentId=09000016806ac95b.

(16)  Ir-Riżoluzzjoni 1577 (2007) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-4 ta’ Ottubru 2007 dwar lejn id-dekriminalizzazzjoni tal-malafama, https://assembly.coe.int/nw/xml/XRef/Xref-XML2HTML-en.asp?fileid=17588&lang=en.

(17)  Ara wkoll il-Kumment ġenerali Nru 34, l-Artikolu 19 tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem: Il-Libertajiet tal-opinjoni u tal-espressjoni tat-12 ta’ Settembru 2011, https://www2.ohchr.org/english/bodies/hrc/docs/gc34.pdf u r-Rapport Speċjali dwar il-fastidju legali u l-abbuż tas-sistema ġudizzjarja kontra l-media tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ewropa tar-Rappreżentant dwar il-Libertà tal-Media tat-23 ta’ Novembru 2021, https://www.osce.org/files/f/documents/c/f/505075_0.pdf

(18)  Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, Kumment ġenerali Nru 34 l-Artikolu 19: Libertajiet ta’ opinjoni u espressjoni tat-12 ta’ Settembru 2011, https://www2.ohchr.org/english/bodies/hrc/docs/gc34.pdf.

(19)  L-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ewropa tar-Rappreżentant għal-Libertà tal-Media, Rapport speċjali dwar il-fastidju legali u l-abbuż tas-sistema ġudizzjarja kontra l-media, it-23 ta’ Novembru 2021, https://www.osce.org/files/f/documents/c/f/505075_0.pdf.

(20)  Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u atturi tal-media oħrajn, ara l-paragrafu 6.

(21)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(22)  Il-manwal tal-Kunsill tal-Ewropa għall-prattikanti legali dwar il-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni skont il-KEDB (2017), https://rm.coe.int/handbook-freedom-of-expression-eng/1680732814.

(23)  Sett ta’ għodod globali għall-atturi ġudizzjarji: standards legali internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni, l-aċċess għall-informazzjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti (2021) https://unesdoc.unesco.org/ark:/48223/pf0000378755.

(24)  https://www.coe.int/en/web/help/home.

(25)  Ara l-Linji Gwida dwar l-istatistika ġudizzjarja tal-Kummissjoni Ewropea għall-effikaċja tal-ġustizzja (CEPEJ) fit-12-il laqgħa plenarja tagħha (Strasburgu, 10–11 ta’ Diċembru 2008) - CEPEJ-GT-EVAL (coe.int).

(26)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(27)  Ir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni u Entitajiet Oħra Simili (europa.eu)

(28)  Ir-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 (ĠU L 156, 5.5.2021, p. 1).

(29)  Ir-Regolament (UE) 2021/692 għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ spazju Ewropew ta’ ġustizzja u għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

(30)  Ara, fost l-oħrajn, Ir-Riżoluzzjoni 1577 tal-PACE Lejn id-dekriminalizzazzjoni tal-malafama (2007) https://assembly.coe.int/nw/xml/XRef/Xref-XML2HTML-en.asp?fileid=17588&lang=en, Ir-Rakkomandazzjoni tal-PACE Lejn id-dekriminalizzazzjoni tal-malafama 1814 (2007) https://assembly.coe.int/nw/xml/XRef/Xref-XML2HTML-en.asp?fileid=17587&lang=en, l-istudju tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Libertà tal-espressjoni u l-malafama. Studju tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (2012) https://rm.coe.int/study-on-the-alignment-of-laws-and-practices-concerning-alignment-of-l/16804915c5, u iktar reċenti l-istudju tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (2016) https://rm.coe.int/CoERMPublicCommonSearchServices/DisplayDCTMContent?documentId=09000016806ac95b.

(31)  Lil hinn mill-Kunsill tal-Ewropa (ara n-nota preċedenti f’qiegħ il-paġna), hemm domanda internazzjonali li qed tikber biex il-malafama tiġi dekriminalizzata. Ara l-Kumment ġenerali Nru 34, l-Artikolu 19 tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem: Il-Libertajiet tal-opinjoni u tal-espressjoni tat-12 ta’ Settembru 2011, https://www2.ohchr.org/english/bodies/hrc/docs/gc34.pdf u r-Rapport Speċjali dwar il-fastidju legali u l-abbuż tas-sistema ġudizzjarja kontra l-media tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ewropa tar-Rappreżentant dwar il-Libertà tal-Media tat-23 ta’ Novembru 2021, https://www.osce.org/files/f/documents/c/f/505075_0.pdf

(32)  Għal aktar informazzjoni dwar it-traspożizzjoni tal-Artikolu 85 GDPR fil-liġijiet nazzjonali, ara l-SWD, p. 26.


ANNESS

Elementi li jistgħu jiġu inklużi fit-taħriġ dwar talbiet għall-protezzjoni tad-data fil-kuntest ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (komunement magħrufa bħala “SLAPP”):

Il-leġiżlazzjoni adottata mill-Istati Membri biex jirrikonċiljaw id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, li għandha tipprevedi eżenzjonijiet jew derogi mid-dispożizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 85(2) tal-GDPR għall-ipproċessar imwettaq għal finijiet ġurnalistiċi jew għal finijiet tal-espressjoni akkademika, artistika jew letterarja, jekk dawn ikunu meħtieġa għar-rikonċiljazzjoni ta’ dawn iż-żewġ drittijiet.

Għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont il-GDPR, l-Artikolu 12(5) tal-GDPR jistabbilixxi li t-talbiet li jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, jistgħu jiġu rrifjutati (jew imposti b’tariffa raġonevoli).

Id-dritt ta’ rettifika fl-Artikolu 16 tal-GDPR jikkonċerna biss sitwazzjonijiet fejn id-data personali ma tkunx preċiża. Barra minn hekk, id-dritt li d-data personali li ma tkunx kompluta timtela mhuwiex awtomatiku u jiddependi mill-fini tal-ipproċessar.

Għall-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jintesa, il-GDPR jipprevedi li dan id-dritt ma għandux japplika sal-punt li l-ipproċessar ikun meħtieġ għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (l-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR).

Bħala ostaklu għall-għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni, l-Artikolu 79(2) tal-GDPR jipprevedi li l-proċedimenti kontra kontrollur jew proċessur tad-data – eż. il-ġurnalist, id-difensur tad-drittijiet, l-attur tas-soċjetà ċivili, il-kumpanija tal-media, eċċ. – jistgħu jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbiliment jew, sakemm il-kontrollur jew il-proċessur ma jkunx awtorità pubblika ta’ Stat Membru li jeżerċita s-setgħat pubbliċi tiegħu, fejn is-suġġett tad-data jkollu r-residenza abitwali tiegħu. Dik id-dispożizzjoni ma tħalli l-ebda lok għal azzjonijiet li jallegaw ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data quddiem qrati oħrajn mingħajr ebda rabta mal-ipproċessar tad-data personali, l-istabbiliment tal-ġurnalist jew tal-media jew ir-residenza abitwali tar-rikorrent, inkluż għad-danni.


REGOLI TA' PROĊEDURA

17.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/45


DEĊIŻJONI TAL-BORD MANIĠERJALI 28/2022

tal-4 ta’ April 2022

dwar ir-regoli interni li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fl-ambitu tal-attivitajiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

IL-BORD MANIĠERJALI,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1) (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament”), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (2) (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament EBCG”), u b’mod partikolari l-Artikolu 86(2) tiegħu,

Wara li kkonsulta mal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data fis-16 ta’ Novembru 2021,

Billi:

(1)

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“l-Aġenzija”) għandha s-setgħa li twettaq inkjesti amministrattivi, proċeduri predixxiplinari, dixxiplinari u ta’ sospensjoni, skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (3) (“Regolamenti tal-Persunal”), u bid-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali 26/2018 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tadotta d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni dwar it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċeduri dixxiplinari. Jekk meħtieġ, tgħarraf ukoll bil-każijiet lill-OLAF.

(2)

Il-membri tal-persunal tal-Aġenzija għandhom l-obbligu li jirrapportaw attivitajiet potenzjalment illegali, inklużi l-frodi u l-korruzzjoni, li huma ta’ detriment għall-interessi tal-Unjoni. Il-membri tal-persunal huma obbligati wkoll li jirrapportaw imġiba relatata mal-kwittanza ta’ dmirijiet professjonali li tista’ tikkostitwixxi nuqqas serju ta’ konformità mal-obbligi tal-uffiċjali tal-Unjoni. Dan huwa rregolat bid-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali 17/2019 tat-18 ta’ Lulju 2019 li tadotta l-Linji Gwida tal-Frontex dwar l-Iżvelar ta’ Informazzjoni protetta.

(3)

L-Aġenzija stabbiliet politika biex jiġu evitati u indirizzati b’mod effettiv il-każijiet reali jew potenzjali ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali fuq il-post tax-xogħol, kif previst fid-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali tagħha 16/2019 tat-18 ta’ Lulju 2019 li tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni skont ir-Regolamenti tal-Persunal. Id-Deċiżjoni tistabbilixxi proċedura informali li biha l-allegata vittma tal-fastidju tista’ tikkuntattja lill-konsulenti “kunfidenzjali” tal-Aġenzija.

(4)

L-Aġenzija tista’ twettaq ukoll investigazzjonijiet dwar ksur potenzjali tar-regoli ta’ sigurtà għall-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea (“IKUE”), skont ir-regoli ta’ sigurtà tagħha għall-protezzjoni tal-IKUE.

(5)

L-Aġenzija hija soġġetta għal awditi kemm interni kif ukoll esterni li jikkonċernaw l-attivitajiet tagħha, inkluż mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. L-awditi interni jitwettqu mill-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Aġenzija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali 43/2020 tad-9 ta’ Diċembru 2020 li tadotta l-istruttura organizzattiva emendata u d-Deċiżjoni rilevanti tad-Direttur Eżekuttiv skont l-Artikolu 80 tad-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali 19/2019 tat-23 ta’ Lulju 2019 li tadotta r-Regolament Finanzjarju tal-Frontex.

(6)

L-Aġenzija tittratta l-ilmenti esterni b’mod partikolari dawk li tirċievi fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-ilmenti stabbilit f’konformità mal-Artikolu 111 tar-Regolament EBCG biex timmonitorja u tiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tal-Aġenzija.

(7)

Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Frontex għandhom l-obbligu li jirrapportaw inċidenti serji skont l-Artikolu 38(3)(h) tar-Regolament EBCG u skont id-Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tad-19 ta’ April 2021 dwar il-Proċedura Operattiva Standard (SOP) - Rappurtar ta’ Inċidenti Serji (4). L-Aġenzija stabbiliet ukoll mekkaniżmu superviżorju biex jissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament EBCG dwar l-użu tal-forza mill-persunal statutorju, inklużi regoli dwar ir-rapportar u miżuri speċifiċi, bħal dawk ta’ natura dixxiplinarja fir-rigward tal-użu tal-forza matul l-istazzjonamenti. Dan huwa rregolat mid-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali 7/2021 tal-20 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi mekkaniżmu superviżorju għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-forza mill-persunal statutorju tal-Korp Permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. L-Aġenzija timmonitorja wkoll l-użu tal-forza minn persunal issekondat lill-Aġenzija mill-Istati Membri għal terminu twil, persunal ipprovdut mill-Istati Membri għal stazzjonamenti għal terminu qasir, u persunal li jifforma parti mir-riżerva għal reazzjoni rapida għal interventi rapidi fil-fruntiera, meta jkun qed japplika l-forza fl-attivitajiet operazzjonali tal-Frontex f’konformità mad-Deċiżjoni rilevanti tad-Direttur Eżekuttiv.

(8)

Fil-kuntest ta’ tali inkjesti amministrattivi, awditi, eżami ta’ lmenti u investigazzjonijiet, rapportar ta’ inċidenti serji u attivitajiet ta’ monitoraġġ, l-Aġenzija tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (5) u ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni.

(9)

L-Aġenzija tista’ tikkoopera ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, jew fuq talba tagħhom jew fuq inizjattiva tagħha stess.

(10)

L-Aġenzija hija involuta f’każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-qrati nazzjonali meta tirreferi kwistjoni lill-Qorti, tiddefendi deċiżjoni li tkun ħadet u li ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti jew tintervjeni f’każijiet rilevanti għall-kompiti tagħha. F’dan il-kuntest, l-Aġenzija jista’ jkollha bżonn iżżomm il-kunfidenzjalità tad-data personali li tinsab fid-dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervenjenti.

(11)

Biex twettaq il-kompiti tagħha, l-Aġenzija tiġbor u tipproċessa informazzjoni u diversi kategoriji ta’ data personali, inkluża data ta’ identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi, informazzjoni ta’ kuntatt, rwoli u kompiti professjonali, informazzjoni dwar il-kondotta u l-prestazzjoni privata u professjonali, u data finanzjarja. Għalhekk, l-Aġenzija taġixxi bħala kontrollur tad-data.

(12)

Skont ir-Regolament, l-Aġenzija hija għalhekk obbligata li tipprovdi informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar dawk l-attivitajiet ta’ pproċessar u li tirrispetta d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data.

(13)

L-Aġenzija tista’ tkun meħtieġa tirrikonċilja dawk id-drittijiet mal-objettivi tal-inkjesti amministrattivi, l-awditi, l-investigazzjonijiet, ir-rapportar ta’ inċidenti serji u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament EBCG dwar l-użu tal-forza, u l-proċeduri tal-qorti. Jista’ jkun meħtieġ ukoll li jinstab bilanċ bejn id-drittijiet ta’ suġġett tad-data u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti oħra tad-data. Għal dan il-għan, l-Artikolu 25 tar-Regolament u l-Artikolu 86(2) tar-Regolament EBCG jagħtu lill-Aġenzija l-possibbiltà li tillimita, taħt kundizzjonijiet stretti, l-applikazzjoni tal-Artikoli minn 14 sa 22, 35 u 36 tar-Regolament, kif ukoll l-Artikolu 4 tiegħu safejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 20. Sakemm ma jkunx hemm restrizzjonijiet previsti f’att legali adottat abbażi tat-Trattati, huwa neċessarju li jiġu adottati regoli interni li skonthom l-Aġenzija hija intitolata li tillimita dawn id-drittijiet.

(14)

Jista’ jkun, pereżempju, li l-Aġenzija jkollha bżonn tillimita l-informazzjoni li tipprovdi lil suġġett tad-data dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħu matul il-fażi ta’ valutazzjoni preliminari tal-inkjesta amministrattiva jew matul l-inkjesta innifisha, qabel iċ-ċaħda possibbli tal-każ jew fl-istadju predixxiplinari, jew fejn is-suġġett tad-data jista’ potenzjalment ikun soġġett għal miżuri speċifiċi, bħal miżuri ta’ natura dixxiplinari, fir-rigward tal-użu tal-forza matul l-iskjeramenti. F’ċerti ċirkostanzi, l-għoti ta’ tali informazzjoni jista’ jaffettwa serjament il-kapaċità tal-Aġenzija li twettaq l-inkjesta jew teżerċita l-monitoraġġ tagħha tal-funzjoni tal-użu tal-forza b’mod effettiv, kull meta, pereżempju, ikun hemm riskju li l-persuna kkonċernata tista’ teqred l-evidenza jew tinterferixxi ma’ xhieda potenzjali qabel ma jiġu intervistati.

(15)

L-Aġenzija jista’ jkollha bżonn ukoll tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tax-xhieda kif ukoll dawk ta’ persuni oħra involuti. Bl-istess mod, l-Aġenzija jista’ jkollha bżonn tillimita l-informazzjoni li tipprovdi lil suġġett tad-data dwar l-ipporċessar tad-data personali tiegħu jew tagħha meta l-għoti ta’ din l-informazzjoni jista’ jaffettwa serjament il-passi ta’ valutazzjoni u validazzjoni tal-proċess ta’ rapportar ta’ inċidenti serji f’konformità mal-Artikolu 38(3)(h) tar-Regolament EBCG.

(16)

Jista’ jkun meħtieġ li tiġi protetta l-anonimità ta’ xhud jew informatur li jkun talab li ma jiġix identifikat. F’każ bħal dan, l-Aġenzija tista’ tiddeċiedi li tillimita l-aċċess għall-identità, għad-dikjarazzjonijiet u għal data personali oħra ta’ tali persuni, sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom. B’mod partikolari, l-Aġenzija jista’ jkollha bżonn tipproteġi l-anonimità tax-xhieda jew ta’ persuni oħra li jirrapportaw inċidenti li jinvolvu l-użu tal-forza f’konformità mal-mekkaniżmu superviżorju għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament EBCG dwar l-użu tal-forza. Bl-istess mod, fil-kuntest tar-rapportar ta’ inċidenti serji f’konformità mal-Artikolu 38(3)(h) tar-Regolament EBCG, l-Aġenzija jista’ jkollha bżonn tipproteġi l-anonimità tal-parteċipanti f’attività tal-Frontex li rrappurtaw tali inċident.

(17)

Jista’ jkun meħtieġ li tiġi protetta informazzjoni kunfidenzjali li tikkonċerna membru tal-persunal li jkun ikkuntattja lill-konsulenti kunfidenzjali tal-Aġenzija. F’każijiet bħal dawn, l-Aġenzija tista’ tiddeċiedi li tillimita l-aċċess għall-identità, għad-dikjarazzjonijiet u għal data personali oħra tal-allegata vittma, tal-persuna allegatament responsabbli mill-fastidju u ta’ persuni oħra involuti sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ dawk kollha kkonċernati.

(18)

L-Aġenzija tipproċessa data personali tal-persunal statutorju tagħha dwar l-istat mediku u psikoloġiku, inkluż fejn meħtieġ għall-awtorizzazzjoni biex iġorru u jużaw armi f’konformità mal-Artikolu 82(7) tar-Regolament EBCG u d-Deċiżjoni tal-Bord ta’ Mmaniġġar 3/2021 tal-15 ta’ Jannar 2021 (6). Filwaqt li tqis in-natura sensittiva tad-data medika u sabiex tipproteġi s-suġġett tad-data minn aċċess dirett għal fajls li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa u l-istatus mentali tas-suġġett tad-data kkonċernat, l-Aġenzija għandha tipprovdi aċċess indirett għall-informazzjoni medika rilevanti permezz tal-konsulent mediku tal-Aġenzija jew ta’ fornitur mediku estern għall-informazzjoni u l-pariri mediċi rilevanti.

(19)

Jenħtieġ li l-Aġenzija tapplika r-restrizzjonijiet biss meta dawn ikunu jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, meta jkunu strettament meħtieġa u jkunu miżura proporzjonata f’soċjetà demokratika. Jenħtieġ li l-Aġenzija tagħti raġunijiet li jispjegaw il-ġustifikazzjoni għal dawn ir-restrizzjonijiet.

(20)

Fl-applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà, jenħtieġ li l-Aġenzija żżomm rekord tal-applikazzjoni tagħha tar-restrizzjonijiet.

(21)

Meta tiġi pproċessata data personali skambjata ma’ organizzazzjonijiet oħra fil-kuntest tal-kompiti tagħha, jenħtieġ li l-Aġenzija u dawn l-organizzazzjonijiet jikkonsultaw lil xulxin dwar ir-raġunijiet potenzjali għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet u n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, sakemm dan ma jipperikolax l-attivitajiet tal-Aġenzija.

(22)

L-Artikolu 25(6) tar-Regolament jobbliga lill-kontrollur li jinforma lis-suġġetti tad-data bir-raġunijiet prinċipali li fuqhom tkun ibbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni u bid-dritt tagħhom li jippreżentaw ilment mal-EDPS.

(23)

Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament, l-Aġenzija hija intitolata li tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad l-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ restrizzjoni għas-suġġett tad-data jekk b’xi mod dan jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Jenħtieġ li l-Aġenzija tivvaluta fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkanċellax l-effett tagħha.

(24)

Jenħtieġ li l-Aġenzija tneħħi r-restrizzjoni hekk kif il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw u tivvaluta dawk il-kondizzjonijiet fuq bażi regolari.

(25)

Sabiex tiġi żgurata l-akbar protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tas-suġġetti tad-data u f’konformità mal-Artikolu 44(1) tar-Regolament, jenħtieġ li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (l-UPD) tal-Aġenzija jkun ikkonsultat fi żmien xieraq b’kull restrizzjoni li tista’ tiġi applikata u jivverifika l-konformità tagħha ma’ din id-Deċiżjoni.

(26)

L-Aġenzija stabbiliet regoli separati dwar l-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 90 tar-Regolament EBCG, inklużi regoli interni speċifiċi dwar iż-żamma ta’ data personali operazzjonali u regoli dwar restrizzjonijiet applikati għad-drittijiet rilevanti tas-suġġett tad-data (7).

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u kontroll

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli relatati mal-kundizzjonijiet li skonthom l-Aġenzija tista’ tillimita l-applikazzjoni tal-Artikolu 4, minn 14 sa 22, 35 u 36 tar-Regolament, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament u l-Artikolu 86(2) tar-Regolament EBCG.

Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Aġenzija għall-fini ta’ kompiti amminstrattivi f’konformità mal-Artikolu 87(1)(h) tar-Regolament EBCG.

2.   F’konformità mal-paragrafu 1 u soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu applikati għad-drittijiet li ġejjin: id-dritt għall-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-suġġett tad-data, id-dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data, id-dritt tas-suġġett tad-data għal rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar, u d-drittijiet għall-komunikazzjonijiet ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data u għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

3.   Il-kategoriji tad-data personali kkonċernati minn din id-Deċiżjoni huma kemm data oġġettiva/fattwali (eż. data ta’ identifikazzjoni, data ta’ kuntatt, data professjonali, data amministrattiva, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data dwar it-traffiku) u kemm data suġġettiva (bħal data dwar ir-raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data relatata mal-prestazzjoni u l-imġiba u data relatata mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività inkwistjoni jew imressqa b’konnessjoni miegħu).

4.   L-Aġenzija, bħala l-kontrollur, hija rrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv. Għandhom japplikaw ir-regoli tal-Aġenzija li jimplimentaw ir-Regolament fir-rigward tal-kontroll tad-data (8).

5.   Is-suġġetti tad-data għandhom jiġu infurmati dwar il-kontrolluri maħtura permezz ta’ informazzjoni jew rekords ippubblikati fuq is-sit web u/jew l-intranet tal-Aġenzija.

Artikolu 2

Restrizzjonijiet

1.   L-Aġenzija tista’ tillimita l-applikazzjoni tal-Artikoli minn 14 sa 22, 35 u 36 tar-Regolament, u l-Artikolu 4 tiegħu sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli minn 14 sa 22 fil-kuntest tal-iskop tal-ipproċessar tad-data indikat fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni:

(a)

skont l-Artikolu 25(1)(b), (c), (f), (g) u (h) tar-Regolament, meta jitwettqu inkjesti amministrattivi, proċedimenti predixxiplinari, dixxiplinari jew ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 86 u l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u d-Deċiżjoni tal-Bord ta’ Maniġerjali 26/2018 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tadotta dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni dwar it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċeduri dixxiplinari, meta jiġu notifikati każijiet lill-OLAF u skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament, meta d-DPO jinvestiga kwistjonijiet direttament relatati mal-kompiti tiegħu/tagħha b’mod partikolari meta jwettaq inkjesti dwar attivitajiet ta’ pproċessar imwettqa fl-Aġenzija skont l-Artikolu 5(11) tad-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali 56/2021 tal-15 ta’ Ottubru 2021 (9). L-Aġenzija tista’ tillimita wħud mid-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni ta’ membru tal-persunal, ta’ persuna kkonċernata jew ta’ parti terza fir-rigward ta’ kull informazzjoni li tista’ taffettwa b’mod serju inkjesti futuri jew li jkunu għadhom għaddejjin, proċedimenti predixxiplinari, dixxiplinari jew ta’ sospensjoni inklużi dikjarazzjonijiet ta’ xhieda u dokumenti oħra,

(b)

skont l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament, meta jiġi żgurat li l-membri tal-persunal tal-Aġenzija jistgħu jirrapportaw il-fatti b’mod kunfidenzjali fejn jemmnu li jkun hemm irregolaritajiet serji, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali 17/2019 tat-18 ta’ Lulju 2019 li tadotta l-Linji Gwida tal-Frontex dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta, l-Aġenzija tista’ tillimita xi wħud mid-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tas-suġġetti tad-data potenzjalment implikati fl-allegati nuqqasijiet fir-rigward ta’ kull informazzjoni li tkun tista’ tikkomprometti l-anonimità ta’ persuna li tirrapporta irregolarità serja;

(c)

skont l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament, meta jiġi żgurat li l-membri tal-persunal tal-Aġenzija jkunu jistgħu jużaw l-appoġġ tal-konsulenti kunfidenzjali, kif definit mid-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali 16/2019 tat-18 ta’ Lulju 2019 dwar il-politika tal-Frontex dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali. L-Aġenzija tista’ tillimita xi wħud mid-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-persuni allegatament responsabbli mill-fastidju, jekk meħtieġ, biex tipproteġi l-anonimità tal-vittma potenzjali ta’ fastidju u l-anonimità tax-xhieda;

(d)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament, meta jitwettqu awditi interni u esterni fir-rigward ta’ attivitajiet jew dipartimenti tal-Aġenzija b’mod partikolari meta l-awditi interni jitwettqu mill-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Aġenzija. L-Aġenzija tista’ tillimita xi wħud mid-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tas-suġġetti tad-data fir-rigward ta’ informazzjoni li kapaċi tikkomprometti l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura mill-awditu jew li tinterferixxi fit-twettiq ta’ awditu li jkun għaddej;

(e)

skont l-Artikolu 25(1)(b), (e), (g) u (h) tar-Regolament, fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). L-Aġenzija tista’ tillimita xi wħud mid-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-informazzjoni meħtieġa biex tiżgura t-twettiq xieraq u l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet mill-UPPE;

(f)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (e), (g) u (h) tar-Regolament, meta tittratta l-ilmenti inklużi dawk li tirċievi l-Aġenzija fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-ilmenti stabbilit f’konformità mal-Artikolu 111 tar-Regolament EBCG biex timmonitorja u tiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tal-Aġenzija u d-Deċiżjoni rilevanti tad-Direttur Eżekuttiv. L-Aġenzija tista’ tillimita xi wħud mid-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni ta’ membru tal-persunal involut f’attività tal-Aġenzija (10), li jkun soġġett għal ilment, fir-rigward ta’ kull informazzjoni li tista’ taffettwa serjament ir-rieżami u t-trattament tal-ilment;

(g)

skont l-Artikolu 25(1)(c),(e), (g) u (h) tar-Regolament, meta jiġu trattati r-rapporti tal-inċidenti skont l-Artikolu 38(3)(h) tar-Regolament EBCG u d-Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tad-19 ta’ April 2021 dwar il-Proċedura Operattiva Standard (SOP) - Rappurtar ta’ Inċidenti Serji. L-Aġenzija tista’ tillimita xi wħud mid-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni tas-suġġetti tad-data li jinsabu fir-Rapport dwar Inċidenti Serji fir-rigward tal-informazzjoni li kapaċi taffettwa serjament il-validazzjoni u l-valutazzjoni tar-Rapport dwar Inċidenti Serji kif ukoll fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ segwitu u tal-anonimità tax-xhieda jew ta’ persuni oħra li jirrapportaw inċidenti inklużi migranti u persuni rimpatrijati;

(h)

skont l-Artikolu 25(1)(b), (c), (f), (g) u (h) tar-Regolament, meta timmonitorja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-forza mill-persunal statutorju tal-Korp Permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta skont l-Artikolu 55(5)(a) tar-Regolament EBCG u d-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali 7/2021 tal-20 ta’ Jannar 2021 u meta timmonitorja l-użu tal-forza minn persunal issekondat lill-Aġenzija mill-Istati Membri għal terminu twil, kif ukoll minn persunal ipprovdut mill-Istati Membri għal stazzjonamenti fuq terminu qasir u persunal li jifforma parti mir-riżerva għal reazzjoni rapida għal interventi rapidi fil-fruntiera meta japplika l-forza fl-attivitajiet operazzjonali tal-Frontex f’konformità mad-Deċiżjoni rilevanti tad-Direttur Eżekuttiv. L-Aġenzija tista’ tillimita xi wħud mid-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni tas-suġġetti tad-data li jinsabu f’rapport dwar l-użu tal-forza fir-rigward tal-informazzjoni (inklużi dikjarazzjonijiet ta’ xhieda u dokumenti oħra) li tista’ taffettwa serjament il-verifika tar-rapport u kull azzjoni ta’ segwitu inklużi inkjesti, proċedimenti predixxiplinari, dixxiplinari jew ta’ sospensjoni;

(i)

skont l-Artikolu 25(1)(b), (c), (d), (g) u (h) tar-Regolament, meta tipprovdi jew tirċievi assistenza lil istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni jew mingħandhom jew tikkoopera magħhom fil-kuntest tal-attivitajiet skont il-punti minn (a) sa (h) ta’ dan il-paragrafu u skont il-ftehimiet rilevanti dwar il-livell ta’ servizz, memoranda ta’ qbil u arranġamenti ta’ ħidma;

(j)

skont l-Artikolu 25(1)(b), (c), (g) u (h) tar-Regolament, meta tipprovdi jew tirċievi assistenza u kooperazzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE u mingħandhom, jew fuq talba tagħhom jew fuq inizjattiva proprja b’mod partikolari fil-kuntest tal-attivitajiet skont il-punti minn (f) sa (h) ta’ dan il-paragrafu u skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament EBCG u d-Deċiżjonijiet tal-Bord Maniġerjali;

(k)

skont l-Artikolu 25(1)(b), (c), (g) u (h) tar-Regolament, meta tipprovdi jew tirċievi assistenza lil awtoritajiet nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jew mingħandhom jew tikkoopera ma’ dawn l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet b’mod partikolari skont memoranda ta’ qbil u arranġamenti ta’ ħidma rilevanti;

(l)

skont l-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament, meta tkun qed tipproċessa data personali fil-kuntest ta’ proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew qrati u tribunali nazzjonali;

(m)

skont l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament, meta tittratta talbiet għal aċċess mill-membri tal-persunal għall-fajls mediċi tagħhom relatati mal-idoneità medika u psikoloġika tagħhom, jekk l-aċċess dirett għal dawn il-fajls jista’ jkun ta’ ħsara għas-suġġett tad-data kkonċernat meta wieħed iqis l-istatus tas-saħħa jew mentali tas-suġġett tad-data. F’każijiet bħal dawn, l-Aġenzija għandha tipprovdi aċċess indirett għall-informazzjoni medika rilevanti permezz tal-konsulent mediku tal-Aġenzija jew fornitur mediku estern;

(n)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (d), (g) u (h) tar-Regolament, meta jitwettqu analiżijiet tas-sigurtà li jistgħu jwasslu għal investigazzjonijiet interni relatati ma’ inċidenti tas-sigurtà ċibernetika jew abbużi tas-sistemi tal-IT, inkluż l-involviment estern ta’ CERT-UE, l-iżgurar tas-sigurtà interna permezz ta’ sorveljanza bil-vidjo, kontroll tal-aċċess u għal skopijiet ta’ investigazzjoni, meta jiġu protetti sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni u meta jitwettqu kontromiżuri tekniċi tas-sigurtà. L-Aġenzija tista’ tillimita xi wħud mid-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-informazzjoni li kapaċi taffettwa serjament dawk l-analiżijiet tas-sigurtà, il-mezzi biex tiġi żgurata s-sigurtà interna inkluż il-kontroll tal-aċċess, l-investigazzjonijiet tas-sigurtà u l-kontromiżui tekniċi tas-sigurtà.

2.   Kull restrizzjoni għandha tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tkun meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika.

3.   Għandu jsir test tan-neċessità u tal-proporzjonalità fuq bażi ta’ każ b’każ qabel ma jiġu applikati r-restrizzjonijiet. Ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal dak li hu strettament meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv tagħhom.

4.   Għal skopijiet ta’ responsabbiltà, l-Aġenzija għandha tfassal rekord li jiddeskrivi r-raġunijiet għar-restrizzjonijiet applikati, liema raġunijiet fost dawk elenkati fil-paragrafu 1 japplikaw u l-eżitu tat-test tan-neċessità u tal-proporzjonalità. Dawn ir-rekords għandhom ikunu parti minn reġistru, li għandu jkun disponibbli għall-EDPS wara li jintalab. L-Aġenzija għandha tħejji u tippubblika rapporti perjodiċi dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament.

5.   Meta tkun qed tipproċessa data personali rċevuta minn organizzazzjonijiet oħra fil-kuntest tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tikkonsulta ma’ dawk l-organizzazzjonijiet dwar ir-raġunijiet potenzjali għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet u dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet ikkonċernati, sakemm dan ma jipperikolax l-attivitajiet tal-Aġenzija.

Artikolu 3

Riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data

1.   Il-valutazzjonijiet tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data b’rabta mal-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet u dettalji tal-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu rreġistrati fir-rekord tal-attivitajiet ta’ pproċessar miżmum mill-Aġenzija skont l-Artikolu 31 tar-Regolament. Għandhom jiġu rreġistrati wkoll f’kull valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data rigward dawk ir-restrizzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 39 tar-Regolament.

2.   Kull meta l-Aġenzija tivvaluta n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ restrizzjoni, għandha tqis ir-riskji potenzjali għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data.

3.   Ir-restrizzjonijiet ma għandhomx japplikaw meta l-eżerċitar tad-dritt ristrett iċaħħad ir-restrizzjoni mill-iskop tagħha jew jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħrajn.

Artikolu 4

Salvagwardji u perjodi ta’ ħażna

1.   L-Aġenzija għandha timplimenta salvagwardji biex tipprevjeni l-abbuż u l-aċċess jew it-trasferiment illegali tad-data personali fir-rigward ta’ liema japplikaw jew jistgħu jiġu applikati restrizzjonijiet. Salvagwardji bħal dawn għandhom jinkludu miżuri tekniċi u organizzattivi u jkunu dettaljati kif meħtieġ fid-Deċiżjonijiet tal-Bord Maniġerjali tal-Aġenzija, fid-Deċiżjonijiet tad-Direttur Eżekuttiv, fil-pjanijiet operazzjonali mfassla f’konformità mal-Artikolu 38 tar-Regolament EBCG, fid-deċiżjonijiet interni, fil-proċeduri u fl-Avviżi Amministrattivi. Is-salvagwardji għandhom jinkludu:

(a)

definizzjoni ċara tar-rwoli, tar-responsabbiltajiet u tal-passi proċedurali;

(b)

jekk ikun xieraq, ambjent elettroniku sigur li jipprevjeni l-aċċess illegali u aċċidentali jew it-trasferiment ta’ data elettronika lil persuni mhux awtorizzati;

(c)

jekk ikun xieraq, ħażna u pproċessar siguri ta’ dokumenti tal-karti;

(d)

monitoraġġ xieraq tar-restrizzjonijiet u rieżami perjodiku tal-applikazzjoni tagħhom.

Ir-rieżamijiet imsemmija fil-punt (d) għandhom jitwettqu mill-inqas kull sitt xhur u jistgħu jirriżultaw fit-tneħħija tar-restrizzjonijiet skont il-paragrafu 2. Ir-rieżamijiet għandhom jiġu dokumentati mill-kontrollur maħtur għal skopijiet ta’ responsabbiltà.

2.   Ir-restrizzjonijiet għandhom jitneħħew hekk kif iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom ma jkunux għadhom japplikaw.

3.   Id-data personali għandha tinżamm f’konformità mar-regoli applikabbli dwar iż-żamma tal-Aġenzija, li għandhom jiġu definiti fir-rekords tal-protezzjoni tad-data miżmuma skont l-Artikolu 31 tar-Regolament. Fi tmiem il-perjodu taż-żamma, id-data personali għandha titħassar, tiġi anonimizzata jew trasferita fl-arkivji skont l-Artikolu 13 tar-Regolament.

Artikolu 5

Involviment tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   L-UPD għandu jkun infurmat mingħajr dewmien żejjed kull meta d-drittijiet tas-suġġett tad-data jkunu limitati skont din id-Deċiżjoni. Huwa għandu jingħata aċċess għar-rekords assoċjati u għal kull dokument li jikkonċerna l-kuntest fattwali jew legali.

2.   L-UPD jista’ jitlob rieżami tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni. L-Aġenzija għandha tinforma lill-UPD bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami.

3.   L-Aġenzija għandha tiddokumenta l-involviment tal-UPD fl-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, inkluż liema informazzjoni tiġi kondiviża miegħu jew magħha.

4.   Meta restrizzjonijiet titneħħa, il-kontrolluri maħtura għandhom jinfurmaw lill-UPD.

Artikolu 6

Informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet tagħhom

1.   L-Aġenzija għandha tinkludi taqsima fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data ppubblikati fuq is-sit web/intranet tagħha li jipprovdu informazzjoni ġenerali lis-suġġetti tad-data dwar potenzjal għar-restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 2(1). L-informazzjoni għandha tkopri liema drittijiet jistgħu jiġu limitati, ir-raġunijiet abbażi ta’ liema jistgħu jiġu applikati r-restrizzjonijiet u t-tul potenzjali tagħhom.

2.   L-Aġenzija għandha tinforma lis-suġġetti tad-data individwalment, bil-miktub u mingħajr dewmien żejjed dwar ir-restrizzjonijiet kontinwi jew futuri tad-drittijiet tagħhom. L-Aġenzija għandha tinforma lis-suġġett tad-data bir-raġunijiet prinċipali li fuqhom tkun ibbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni, bid-dritt tiegħu li jikkonsulta lill-UPD bil-għan li jikkontesta r-restrizzjoni u d-dritt tiegħu li jressaq ilment quddiem l-EDPS.

3.   L-Aġenzija tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad il-provvista ta’ informazzjoni li tikkonċerna r-raġunijiet għal restrizzjoni u d-dritt li jitressaq ilment quddiem l-EDPS sakemm dan jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Il-valutazzjoni dwar jekk dan ikunx ġustifikat għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ. Hekk kif ma tibqax tikkanċella l-effett tar-restrizzjoni, l-Aġenzija għandha tipprovdi l-informazzjoni lis-suġġett tad-data.

Artikolu 7

Komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data

1.   Meta l-Aġenzija tkun fl-obbligu li tikkomunika ksur tad-data skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament, hija tista’, f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, tillimita din il-komunikazzjoni b’mod sħiħ jew parzjali. Għandha tiddokumenta f’nota r-raġunijiet għar-restrizzjoni, il-bażi ġuridika għaliha skont l-Artikolu 2 u tagħmel valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tagħha. In-nota għandha tkun komunikata lill-EDPS fil-ħin tan-notifika tal-ksur tad-data personali.

2.   Meta r-raġunijiet għar-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, l-Aġenzija għandha tikkomunika l-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data kkonċernat u tinfurmah bir-raġunijiet prinċipali għar-restrizzjoni u bid-dritt tiegħu li jressaq ilment quddiem l-EDPS.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

1.   F’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, l-Aġenzija tista’ tillimita d-dritt għall-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont l-Artikolu 36 tar-Regolament. Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

2.   Meta l-Aġenzija tillimita d-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għal kull talba mis-suġġett tad-data, bir-raġunijiet ewlenin li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni u bid-dritt tiegħu jew tagħha li jressaq/tressaq ilment quddiem l-EDPS.

3.   L-Aġenzija tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad il-provvista ta’ informazzjoni li tikkonċerna r-raġunijiet għal restrizzjoni u d-dritt li jitressaq ilment quddiem l-EDPS sakemm dan jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Il-valutazzjoni dwar jekk dan ikunx ġustifikat għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul permezz ta’ proċedura bil-miktub fl-4 ta’ April 2022.

Għall-Bord Maniġerjali

Marko GAŠPERLIN

Il-President


(1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea u li jistabbilixxi miżuri speċjali temporanjament applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv Nru R-ED-2021–51 tad-19.4.2021 dwar il-Proċedura Operattiva Standard (SOP) — Rappurtar ta’ Inċidenti Serji.

(5)  Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, it-terminu “Stati Membri” jinkludi wkoll l-Istati li jipparteċipaw fl-iżvilupp rilevanti tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll tiegħu (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali 3/2021 tal-15 ta’ Jannar 2021 li tadotta regoli għad-Direttur Eżekuttiv biex jawtorizza persunal statutorju biex iġorr u juża armi, inkluż dwar il-kooperazzjoni obbligatorja mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u jiżgura li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjonijiet mill-persunal statutorju jibqgħu jiġu ssodisfati.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali 69/2021 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li tadotta regoli dwar l-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali mill-Aġenzija.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali 56/2021 tat-15 ta’ Ottubru 2021 li tadotta regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 dwar il-kompiti, id-dmirijiet u s-setgħat tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data kif ukoll ir-regoli dwar il-Kontrolluri Maħtura fil-Frontex.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali 56/2021 tal-15 ta’ Ottubru 2021 li tadotta regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 dwar il-kompiti, id-dmirijiet u s-setgħat tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data kif ukoll ir-regoli dwar il-Kontrolluri Maħtura fil-Frontex.

(10)  “Persunal involut f’attività tal-Aġenzija” jinkludi membri tat-timijiet bħall-persunal tal-Aġenzija stess jew membri tal-kategoriji 2, 3 u 4 tal-Korp Permanenti

(11)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).