EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali

Pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

L-għan tiegħu huwa li jiġi żgurat li l-Ġurnal Uffiċjali (ĠU) tal-UE jiġi ppubblikat f’forma elettronika li tkun awtentika u legalment vinkolanti, sabiex tippermetti aċċess aħjar għad-dritt tal-Unjoni.

PUNTI EWLENIN

  • L-edizzjoni elettronika tal-ĠU ilha disponibbli mingħajr ħlas għall-pubbliku minn Lulju 2013 fuq is-sit web tal-EUR-Lex f’format mhux skadut u għal perjodu mhux limitat.
  • L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE huwa responsabbli għall-pubblikazzjoni tal-edizzjoni elettronika tal-ĠU u biex jiggarantixxi l-awtentiċità tagħha. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu jamministra wkoll is-sistema ta’ informazzjoni li tipproduċi l-edizzjoni elettronika tal-ĠU kif ukoll li jaġġorna dik is-sistema skont żviluppi tekniċi futuri.
  • Fejn ma jkunx possibbli li tiġi ppubblikata l-edizzjoni elettronika tal-ĠU minħabba tfixkil eċċezzjonali u mhux previst fis-sistema ta’ informazzjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE, is-sistema ta’ informazzjoni għandha tiġi restawrata mill-aktar fis possibbli.
  • Fejn ikun neċessarju li jiġi ppubblikat il-ĠU meta s-sistema ta’ informazzjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ma tkunx operattiva bħala riżultat ta’ tfixkil, hija biss l-edizzjoni stampata tal-ĠU li titqies bħala awtentika u legalment vinkolanti.
  • Wara l-emenda tar-Regolament (UE) 2018/2056, l-edizzjoni elettronika tal-ĠU għandu jkollha firma elettronika kwalifikata jew siġill elettroniku kwalifikat kif definit skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014. Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-firma elettronika jew għas-siġill elettroniku se jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-EUR-Lex biex jippermettu lill-pubbliku jeżaminahom kif ukoll l-awtentiċità tal-edizzjoni elettronika tal-ĠU.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2013.

SFOND

Fl-2007, fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sostniet li l-atti legali tal-UE mhumiex infurzabbli kontra individwi jekk dawn ma jkunux ġew ippubblikati kif xieraq fil-ĠU, u li d-disponibbiltà ta’ tali atti online ma kinitx ekwivalenti għal pubblikazzjoni valida fil-ĠU, fin-nuqqas ta’ xi regoli f’dak ir-rigward fid-dritt tal-Unjoni.

Dan ir-Regolament ġie adottat sabiex jippermetti l-pubblikazzjoni tal-ĠU f’forma elettronika bil-għan li tikkostitwixxi pubblikazzjoni valida, sabiex b’hekk l-aċċess għad-dritt tal-Unjoni jsir kemm aktar veloċi kif ukoll aktar ekonomiku.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, 13.3.2013, pp. 1-3).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 216/2013 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti Tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 30.6.2009, pp. 41-47)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, pp. 73-114)

l-aħħar aġġornament 13.03.2019

Top