EUR-Lex Baza aktów prawnych Unii Europejskiej

Powrót na stronę główną portalu EUR-Lex

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 62017CN0493

Kawża C-493/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverfassungsgericht (il-Ġermanja) fil-15 ta’ Awwissu 2017 – Heinrich Weiss et

ĠU C 402, 27.11.2017, str. 9—11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 402/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverfassungsgericht (il-Ġermanja) fil-15 ta’ Awwissu 2017 – Heinrich Weiss et

(Kawża C-493/17)

(2017/C 402/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverfassungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Heinrich Weiss, Jürgen Heraeus, Patrick Adenauer, Bernd Lucke, Hans-Olaf Henkel, Joachim Starbatty, Bernd Kölmel, Ulrike Trebesius, Peter Gauweiler, Johann Heinrich von Stein, Gunnar Heinsohn, Otto Michels, Reinhold von Eben-Worlée, Michael Göde, Dagmar Metzger, Karl-Heinz Hauptmann, Stefan Städter, Markus C. Kerber et

Konvenuti: Bundesregierung, Bundestag, Il-Bank Ċentrali Ewropew, Deutsche Bundesbank

Domandi preliminari

1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-4 ta’ Marzu 2015, dwar programm ta’ xiri ta’ assi ta’ swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/10) (1) fil-verżjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2101 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta’ Novembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta’ xiri ta’ assi ta’ swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/33) (2), tad-Deċiżjoni (UE) 2016/702 tal-Bank Ċentrali Ewropew, tat-18 ta’ April 2016, li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta’ xiri ta’ assi ta’ swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2016/8) (3), kif ukoll tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1041 tal-Bank Ċentrali Ewropew, tat-22 ta’ Ġunju 2016, dwar l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 (BĊE/2016/18) (4), jew il-mod kif hija implementata, tikser l-Artikolu 123(1) TFUE?

Jeżisti ksur tal-Artikolu 123(1) TFUE jekk, fil-kuntest tal-programm ta’ xiri ta’ assi ta’ swieq sekondarji mis-settur pubbliku (PSPP),

a)

dettalji rigward ix-xiri jiġu kkomunikati b’mod li jnissel fis-swieq iċ-ċertezza fattwali li l-Eurosistema ser tixtri parti mill-bonds li ser jinħarġu mill-Istati Membri?

b)

anki a posteriori, l-ebda dettall rigward l-osservanza ta’ termini minimi bejn il-ħruġ ta’ strument ta’ dejn fis-suq primarju u x-xiri tiegħu fis-suq sekondarju ma jiġi kkomunikat, b’tali mod li l-ebda stħarriġ ġudizzjarju ma huwa possibbli f’dan ir-rigward?

c)

it-totalità tal-bonds akkwistati ma tinbiegħx mill-ġdid, iżda tinżamm sad-data tal-maturità u għaldaqstant tiġi rtirata mis-suq?

d)

l-Eurosistema takkwista strumenti ta’ dejn negozjabbli nominali b’rata ta’ rendiment negattiv fid-data tal-maturità?

2)

Id-deċiżjoni msemmija fil-punt 1 tikser f’kull każ l-Artikolu 123 TFUE jekk, minħabba tibdil fil-kundizzjonijiet fis-swieq finanzjarji, b’mod partikolari minħabba l-iskarsezza tal-istrumenti ta’ dejn li jistgħu jinxtraw, it-tkomplija tal-implementazzjoni tagħha titlob li r-regoli ta’ xiri applikabbli inizjalment isiru kontinwament iktar flessibbli u jekk il-limiti ffissati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal programm ta’ xiri ta’ bonds, bħall-PSPP, jitilfu l-effett tagħhom?

3)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-4 ta’ Marzu 2015, imsemmija fil-punt 1, fil-verżjoni attwali tagħha, tikser l-Artikoli 119 u 127(1) u (2) TFUE, kif ukoll l-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, għaliex tmur lil hinn mill-mandat tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-politika monetarja, hekk kif jirregolawh dawn id-dispożizzjonijiet, u tinterferixxi għaldaqstant fil-kompetenza tal-Istati Membri?

B’mod partikolari, jinqabeż il-mandat tal-Bank Ċentrali Ewropew għaliex

a)

id-deċiżjoni msemmija fil-punt 1 għandha influwenza kunsiderevoli fuq il-kundizzjonijiet għall-finanzjament mill-ġdid tal-Istati Membri minħabba l-volum tal-PSPP, li fit-12 ta’ Mejju 2017, kien jammonta għal EUR 1 534,8 biljun?

b)

fid-dawl tat-titjib tal-kundizzjonijiet għall-finanzjament mill-ġdid tal-Istati Membri msemmija fil-punt (a) hawn fuq u tal-effetti ta’ dan fuq il-banek kummerċjali, mhux biss id-deċiżjoni msemmija fil-punt 1 għandha konsegwenzi indiretti fil-qasam tal-politika ekonomika, iżda wkoll, l-effetti oġġettivament determinabbli tagħha jagħtu l-impressjoni li, minbarra l-għan ta’ politika monetarja, il-programm isegwi, mill-inqas bl-istess prijorità, għan ta’ politika ekonomika?

c)

minħabba l-effetti importanti tagħha fil-qasam tal-politika ekonomika, id-deċiżjoni msemmija fil-punt 1 tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità?

d)

fl-assenza ta’ motivazzjoni speċifika, sa minn meta d-deċiżjoni msemmija fil-punt 1 hija fil-kors ta’ eżekuzzjoni, jiġifieri sa minn iktar minn sentejn, huwa impossibbli li jiġi eżaminat jekk hija għadhiex neċessarja u proporzjonata?

4)

Id-deċiżjoni msemmija fil-punt 1 tikser f’kull każ l-Artikoli 119 u 127(1) u (2) TFUE, kif ukoll l-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, għaliex il-volum u l-perijodu ta’ eżekuzzjoni tagħha ta’ iktar minn sentejn, kif ukoll l-effetti fil-qasam tal-politika ekonomika li jirriżultaw minnha, jagħtu lok sabiex tinbidel l-evalwazzjoni rigward in-neċessità u l-proporzjonalità tal-PSPP u għaliex, b’dan il-mod, minn ċertu mument, hija tmur lil hinn mill-mandat ta’ politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew?

5)

It-tqassim illimitat tar-riskji bejn il-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-bonds mill-gvernijiet ċentrali u mill-emittenti ekwivalenti tagħhom, li għandu mnejn ġie stabbilit mid-deċiżjoni msemmija fil-punt 1 jikser l-Artikoli 123 u 125 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 4(2) TUE, jekk dan jista’ jirrendi neċessarja r-rikapitalizzazzjoni ta’ banek ċentrali nazzjonali b’riżorsi baġitarji?


(1)  ĠU L 121, p. 20.

(2)  ĠU L 303, p. 106.

(3)  ĠU L 121, p. 24.

(4)  ĠU L 169, p. 14.


Góra