EUR-Lex El acceso al Derecho de la Unión Europea

Volver a la página principal de EUR-Lex

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 62018CN0362

Kawża C-362/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Székesfehérvári Törvényszék (l-Ungerija) fil-5 ta’ Ġunju 2018 – Hochtief AG vs Fővárosi Törvényszék

ĠU C 311, 3.9.2018, p. 6/7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Székesfehérvári Törvényszék (l-Ungerija) fil-5 ta’ Ġunju 2018 – Hochtief AG vs Fővárosi Törvényszék

(Kawża C-362/18)

(2018/C 311/06)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Székesfehérvári Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Hochtief AG

Konvenuta: Fővárosi Törvényszék

Domandi preliminari

1)

Il-prinċipji fundamentali u r-regoli tad-dritt tal-Unjoni (b’mod speċifiku l-Artikolu 4(3) TUE, u r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni uniformi tal-liġi), hekk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fis-sentenza mogħtija fil-kawża Köbler, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-responsabbiltà tal-Istat minħabba deċiżjoni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tista’ tiġi stabbilita billi wieħed jibbaża lilu nnifsu biss fuq id-dritt nazzonali jew fuq kriterji żviluppati mid-dritt nazzjonali? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, il-prinċipji fundamentali u r-regoli tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari t-tliet kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Köbler fir-rigward tar-responsabbiltà tal-“Istat”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-okkorrenza tal-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà tal-Istat Membru minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati tal-imsemmi Stat Membru għandu jiġi evalwat fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali?

2)

Ir-regoli u l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (b’mod speċifiku l-Artikolu 4(3) TUE, u r-rekwiżit ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv), b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltà tal-Istati Membri mogħtija, fost oħrajn, fil-kawżi Francovich, Brasserie du pêcheur u Köbler, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ta’ res judicata ta’ deċiżjonijiet kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-qrati li jiddeċiedu fl-aħħar istanza teskludi li tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Membru?

3)

Il-prinċipji ta’ “effettività” u ta’ ekwivalenza previsti fid-Direttivi 89/665/KEE (1), 92/12/KEE (2) u 2007/66/KE (3), kif ukoll fis-sentenzi Kühne & Heitz, Kapferer, Impresa Pizzarotti u Transportes Urbanos, għandhom jiġu interpretati fis-sens li parti ma għandhiex tkun tista’ tinvoka iżjed, fl-istadju tal-proċedura ta’ reviżjoni, il-konstatazzjonijiet ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fi tmiem proċedura għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti tat-tieni istanza fil-kawża prinċipali, fejn dawn ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fil-proċedura prinċipali, b’mod partikolari fil-każ fejn il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tkun ċaħdet l-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat kontra s-sentenza mogħtija fil-proċedura prinċipali minħabba li l-parti ma tkunx invokat fil-ħin is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja?

4)

Id-direttivi msemmija fid-domanda 3, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni tal-ftuħ tar-reviżjoni, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi Impresa Pizzarotti (C-213/13), Kapferer (C-234/04), Kühne & Heitz (C-453/00) u Transportes Urbanos y Servicios Generales (C-118/08), kif ukoll, bl-istess mod, il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C-470/99, C-327/00 u C-241/06 fir-rigward tat-termini tad-dritt nazzjonali applikati fi proċeduri ta’ appell fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati nazzjonali jistgħu legalment japplikaw id-dekadenza fil-konfront tal-parti li, fit-tieni istanza, tinvoka, minn naħa, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-qorti ta’ tieni istanza kisbet fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiemha u, min-naħa l-oħra, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienet disponibbli fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru biss fit-tieni istanza, u sussegwentement tiċħad, minkejja dan, it-talba għal reviżjoni mressqa mill-imsemmija parti fuq il-bażi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja invokati minnha, iżda mhux meħuda inkunsiderazzjoni, u tal-fatti li huma rilevanti bis-saħħa ta’ tali sentenzi?

5)

Id-direttivi msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi Impresa Pizzarotti (C-213/13), Kapferer (C-234/04), Kühne & Heitz (C-453/00) u Transportes Urbanos y Servicios Generales (C-118/08), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati nazzjonali jistgħu legalment, fejn il-parti fit-tilwima tiċċita s-sentenza [Kempter, C-2/06] – li skontha parti ma għandhiex l-obbligu li tinvoka espliċitament is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-qorti għandha l-obbligu li tapplikahom ex officio – ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-imsemmija sentenzi billi jinvokaw id-dritt proċedurali nazzjonali – sal-punt li lanqas ma jsemmu din iċ-ċirkustanza fid-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura, jew fil-motivazzjoni – u sussegwentement jiċħdu, minkejja dan, it-talba għal reviżjoni mressqa mill-imsemmija parti fuq il-bażi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja invokati minnha, iżda mhux meħuda inkunsiderazzjoni, u tal-fatti li huma rilevanti bis-saħħa tal-imsemmija sentenzi?

6)

Il-kundizzjoni ta’ “ksur suffiċjentement serju”, stabbilita fis-sentenzi Köbler u Traghetti del Mediterraneo, għandha tiġu interpretata fis-sens li ma tiġix issodisfatta meta l-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza ma tagħmilx riferiment għal ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u deskritta fid-dettall – u li ġiet ikkorroborata minn sensiela ta’ opinjonijiet legali – u, b’kuntrast manifest magħha, tiċħad mingħajr ebda motivazzjoni fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni talba għal reviżjoni mingħajr, evidentement, ma tkun eżaminat u lanqas semmiet il-ħtieġa ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li din il-ħtieġa tkun ukoll intweriet sal-iċken dettall fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja? Fid-dawl tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Cilfit et (283/81), il-qorti nazzjonali għandha tagħti motivazzjoni meta ma tawtorizzax ir-reviżjoni u teskludi interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkun ta’ natura vinkolanti u toqgħod lura, mingħajr ma tagħti motivazzjoni, milli tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari f’dan ir-rigward?

7)

Il-prinċipji ta’ rimedju effettiv u ta’ ekwivalenza, fis-sens tal-Artikoli 19 u 4(3) TUE, kif ukoll il-libertà ta’ stabbiliment u ta’ provvista ta’ servizzi kkonfermata fl-Artikolu 49 TFUE, jew ulterjorment id-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet], kif ukoll id-Direttivi 89/665/KE, 92/13/KE u 2007/66/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jippermettu li l-awtoritajiet u l-qrati aditi jiċħdu sistematikament, bi ksur manifest tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, ir-rikorsi ppreżentat mir-rikorrent talli jkun ġie eskluż mill-proċedura ta’ kuntratt pubbliku, fejn dawn l-appelli jkunu jirrikjedu, jekk ikun il-każ, ir-redazzjoni ta’ numru ta’ noti b’investiment kunsiderevoli ta’ ħin u ta’ flus, flimkien mal-parteċipazzjoni f’seduti, u fejn, anki jekk fit-teorija teżisti l-possibbiltà li tiġi stabbilita r-respnsabbiltà minħabba dannu kkawżat fl-eżerċizzju ta’ kompetenza ġudizzjarja, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tipprekludi lir-rikorrent milli jkun jista’ jirrikjedi mill-qorti l-ħlas għad-dannu li jkun ġarrab minħabba miżuri illegali?

8)

Il-prinċipji stabbiliti fis-sentenzi Köbler, Traghetti del Mediterraneo u San Giorgio għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħsara kkawżata mill-fatt li qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, b’kuntrast mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma tkunx awtorizzat ir-reviżjoni mitluba fil-ħin minn parti u li fil-kuntest tagħha l-imsemmija parti setgħet tirrikjedi r-rimbors tal-ispejjeż li jkunu ġew inkorsi, ma hijiex ħsara li għaliha huwa dovut kumpens?

9)

Sa fejn id-dritt nazzjonali jordna li tiġi awtorizzata r-reviżjoni meta din tkun neċessarja biex tiġi stabbilita l-kostituzzjonalità minħabba deċiżjoni ġdida mill-qorti kostituzzjonali, ikun għalhekk meħtieġ, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ ekwivalenza u tal-ġurisprudenza “Transportes Urbanos y Servicios Generales”, li tiġi awtorizzata r-reviżjoni fil-każijiet fejn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija preċedentement f’kawża oħra, kif ukoll sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja miskuba fil-kawża prinċipali, bħall-fatti li huma rilevanti bis-saħħa tal-imsemmija sentenzi, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fil-proċedura prinċipali minħabba d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali relatati mat-termini ta’ proċedura?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315).

(3)  Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU 2007, L 335, p. 31).


Arriba