EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0043

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress fil-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika

COM/2017/043 final

Brussell, 25.1.2017

COM(2017) 43 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Dwar il-Progress fil-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika

{SWD(2017) 24 final}


1.    INTRODUZZJONI

Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV) ġie mwaqqaf waqt l-adeżjoni tal-Bulgarija għall-Unjoni Ewropea fl-2007 1  sabiex jindirizza nuqqasijiet fir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Minn dakinhar 'l hawn, ir-rapporti tal-MKV għenu biex l-isforzi tal-awtoritajiet Bulgari jiġu ffokati permezz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi u rreġistraw il-progress li sar mill-Bulgarija. Peress li din is-sena l-MKV laħaq l-għaxar anniversarju tiegħu, il-Kummissjoni qiegħda tieħu kont tiegħu b’ħarsa globali lejn il-kisbiet, l-isfidi pendenti, u l-passi li fadal meħtieġa sabiex jinkisbu l-objettivi tal-MKV.

Kif diġà għamilha ċara diversi drabi l-Kunsill, 2 il-MKV jintemm meta s-sitt parametri referenzjarji kollha li japplikaw għall-Bulgarija jintlaqgħu b’mod sodisfaċenti. Il-parametri referenzjarji kienu definiti fi żmien l-adeżjoni u jkopru kwistjonijiet essenzjali għall-ħidma tal-Istati Membri – effiċjenza u indipendenza ġudizzjarja, integrità u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Sabiex jintlaħqu, jeħtieġu taħlita ta’ passi leġiżlattivi u istituzzjonali. Barra minn hekk, tali passi jistgħu jkunu vvalutati kompletament biss billi wieħed jara jekk l-effett maħsub tagħhom jinħassx fil-prattika, u jekk jistgħux jitqiesu li huma integrata fil-qafas legali u istituzzjonali tal-Bulgarija u humiex irreversibbli. Dan jippermetti liċ-ċittadini jkollhom fiduċja li d-deċiżjonijiet u l-prattiki fil-Bulgarija jirrispettaw kompletament l-istat tad-dritt u jipprovdi bażi għall-fiduċja reċiproka li hija meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE.

Ir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni kienu kwistjonijiet ewlenin għas-soċjetà Bulgara tul dawn l-aħħar 10 snin 3 . Il-MKV għandu rwol importanti fil-Bulgarija bħala mutur għar-riforma, kif ukoll għodda sabiex jiġi rreġistrat il-progress. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u l-metodoloġija tal-MKV kellhom b'mod konsistenti l-appoġġ tal-Kunsill, kif ukoll ibbenefikaw mill-kooperazzjoni u l-kontribut ta' ħafna Stati Membri. Il-kooperazzjoni ġiet ukoll imsaħħa permezz tal-appoġġ lill-Bulgarija skont il-Fondi tal-UE u aktar riċentament minn assistenza mmirata kkoordinata mis-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali (SSRS) tal-Kummissjoni Ewropea.

Waqt li kienu qed jirreġistraw il-progress tul dawn l-aħħar 10 snin, ir-rapporti tal-MKV nnotaw ukoll li r-rata tar-riforma ma kienitx konsistenti, l-aktar minħabba perjodi ta’ instabbiltà politika. Daħal gradwalment fis-seħħ qafas li jinkludi żewġ strateġiji nazzjonali importanti dwar ir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. It-twettiq ta’ dan fil-progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’livelli għolja u l-kriminalità organizzata baqa’ jkun ta’ sfida: sabiex ir-riforma tidher li verament qed taqbad, hemm bżonn li jinbena rekord f’termini ta’ każijiet ta’ livell għoli għal konklużjoni b’suċċess fil-qorti.

Dan ir-rapport iħares lura lejn l-iżviluppi fil-Bulgarija sa mill-2007. Bħal fis-snin ta’ qabel, ir-rapport huwa r-riżultat ta’ analiżi bir-reqqa mill-Kummissjoni Ewropea, misluta minn kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Bulgari, kif ukoll mill-kontribut tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra, inklużi Stati Membri oħra.

Minn dan il-lat huwa importanti li nkunu ċari dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-MKV. Id-Deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-MKV jistipulaw il-parametri tal-kamp ta' applikazzjoni tal-MKV dwar ir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Dawn il-parametri se jiddeterminaw meta l-parametri referenzjarji jintlaħqu. Madankollu, il-pass u l-profondità tar-riforma ġew neċessarjament kundizzjonati mill-ambjent li fihom il-kwistjoni speċifiċi tal-MKV jistgħu javvanzaw, mill-karatteristiċi tas-soċjetà Bulgara u l-governanza tagħha. Pereżempju, f’dawn l-aħħar snin, l-isforzi biex tinbena l-kapaċità amministrattiva għadhom għaddejjin, biex b’hekk ikollhom konsegwenzi għall-proċess ta’ riforma. Il-proċess leġiżlattiv fil-Bulgarija ma pprovdiex ambjent legali prevedibbli 4 . L-ambjent tal-midja Bulgaru huwa ħafna drabi kkaratterizzat minn livell baxx ta’ indipendenza u infurzar ineffettiv tal-istandards ġurnalistiċi, li għandu impatt negattiv fuq id-dibattitu pubbliku dwar ir-riformi 5 . Filwaqt li dawn il-kwistjonijiet ma jaqgħux fil-mandat tal-MKV, għandhom impatt dirett fuq il-kapaċità li ssir riforma u għamluha aktar diffiċli għall-Bulgarija biex tavvanza.

Fil-qasam tal-ħidma tal-MKV, dan ir-rapport jagħmel ukoll għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għal rapportar u trasparenza aktar intensivi. Fil-perjodu l-qasir, dan se jgħin lill-Kummissjoni sabiex tilħaq il-konklużjonijiet finali; ġaladarba l-MKV jasal fi tmiemu, jipprovdi wkoll appoġġ lis-sostenibbiltà tar-riforma billi jgħin il-kontabbiltà.

Fl-aħħar nett, jeħtieġ jiġi enfasizzat li n-natura distinta tal-kamp ta' applikazzjoni tal-MKV taħdem kontra l-kollegamenti diretti ma’ oqsma oħra ta’ politika. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax xieraq li l-MKV jingħaqad ma’ deċiżjonijiet f’oqsma oħra, bħall-eliġibbiltà għal Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment jew l-aċċess għaż-Żona ta’ Schengen.

Dan ir-rapport juża perspettiva aktar fit-tul sabiex jidentifika l-passi ewlenin li jifdal lejn it-twettiq tal-għanijiet tal-MKV. Il-momentum li nbena sa issa jippermetti li l-enfasi tiċċaqlaq għal fuq il-passi ewlenin meħtieġa li fadal. Meta l-passi stabbiliti mill-parametri referenzjarji f'dan ir-rapport jittieħdu, il-valuri referenzjarji rispetti jkunu meqjusa proviżorjament lesti. Meta dan ikun japplika għall-parametri referenzjarji kollha, l-MKV jingħalaq. Ir-rakkomandazzjonijiet stipulati jistgħu għaldaqstant jitqiesu bħala suffiċjenti sabiex jintlaħaq dan l-għan - ħlief jekk l-iżviluppi jmorru lura b’mod ċar matul il-progress. Il-Kummissjoni temmen li dan għandu wkoll jgħaġġel il-proċess mill-awtoritajiet Bulgari u mill-UE b’mod ġenerali. Fil-parametri referenzjarji fejn huwa meqjus li sar progress sostanzjali, il-Kummissjoni tikkunsidra li implimentazzjoni determinata filwaqt li jinżammu kemm il-pass kif ukoll id-direzzjoni konsistenti tar-riforma jippermetti lil dawk il-parametri referenzjarji jingħalqu kmieni – għal parametri referenzjarji oħra, dan jaf ikun ta’ sfida ikbar. Il-Kummissjoni għaldaqstant għandha l-ħsieb li tippreżenta r-rapport li jmiss għall-aħħar tal-2017, u tibqa’ lesta li tipprovdi aktar assistenza sabiex tgħin tirrinforza l-irreversibbiltà tal-progress u għaldaqstant twassal il-mekkaniżmu sa tmiemu.

2.    VALUTAZZJONI TAL-PROGRESS DWAR IT-TWETTIQ TAL-PARAMETRI REFERENZJARJI SA MILL-BIDU TAL-MKV

Barra li tħares lejn il-progress dwar ir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport tal-MKV tal-2016, din it-taqsima tagħmel valutazzjoni globali ta’ 10 snin ta’ riformi. L-aktar żviluppi u riżultati rilevanti huma stipulati f’dettall tekniku fir-rapport tekniku li jakkumpanja dan ir-rapport 6 . Is-sitt parametri referenzjarji jistgħu jiġu vvalutati individwalment, iżda hemm interkonnessjonijiet bejniethom. Il-valutazzjoni tal-progress involviet ħarsa lejn il-kundizzjonijiet strutturali (bħal liġijiet, istituzzjonijiet, u riżorsi); lejn ir-riżultati u r-rekord; u lejn jekk il-progress jistax jitqies irreversibbli. Ta’ min jinnota wkoll li sa minn meta kien hemm qbil dwar il-parametri referenzjarji tal-MKV, kien hemm żviluppi kbar fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-istandards internazzjonali u l-aħjar prattiki, u informazzjoni komparattiva dwar sistemi ta’ ġustizzja nazzjonali fl-UE, li ggwidaw l-awtoritajiet Bulgari fir-riformi tagħhom u għenu wkoll jagħtu objettiv u miżura komparabbli tal-iżvilupp tas-sistema ġudizzjarja Bulgara u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-mandat ta’ sitt parametri referenzjarji.

2.1    Ir-Riforma ġudizzjarja

Indipendenza u responsabbiltà tal-ġudikatura

L-ewwel parametru referenzjarju huwa dwar ir-riforma, u jiffoka fuq l-istabbiliment ta’ qafas kostituzzjonali stabbli għal sistema ġudizzjarja indipendenti u responsabbli. F’dawn l-aħħar 10 snin, il-Bulgarija emendat il-kostituzzjoni tagħha darbtejn, tejbet il-funzjonament tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem (KĠS) u daħħlet fis-seħħ Spettorat għall-Kunsill Ġudizzjarju Suprem (SKĠS) sabiex jippromwovi l-ġestjoni tajba ta’ korpi ġudizzjarji u jiddefendi standards ta’ integrità fil-maġistratura. L-ewwel bidliet saru ftit wara l-adeżjoni. Riformi sinifikanti oħra saru b’emendi kostituzzjonali adottati mill-Assemblea Nazzjonali f’Diċembru 2015. B’mod partikolari, dawn ħolqu kmamar separati fil-KSM għall-prosekuturi u l-imħallfin, filwaqt li tejbu t-trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet relatati mal-persunal u fl-elezzjoni ta’ membri tal-KĠS, u jsaħħu l-irwol tal-ispettorat għall-KĠS f’dak li jirrigwarda l-integrità tal-maġistrati. Uħud minn dawn il-bidliet – bħall-prinċipju “maġistrat wieħed, vot wieħed” fl-elezzjonijiet għall-KĠS – segwew fuq rapporti preċedenti tal-MKV. It-traduzzjoni ta’ dawn l-aħħar bidliet fil-liġi tlestiet matul l-2016, għalhekk l-implimentazzjoni jeħtieġ li titlesta qabel ikun jista’ jidher l-impatt sħiħ. Sa issa huwa ċar li r-riforma tal-Kunsill wasslet għal trasparenza ikbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, u ż-żieda fid-demokratizzazzjoni se tħalli impatt fuq l-elezzjonijiet tal-Kunsill fl-2017. Madankollu, tensjoni kontinwa fost il-membri tal-Kunsill, fost allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ oġġettività f’deċiżjoni essenzjali, baqgħet ta’ tħassib. Is-segwitu tardi u mhux komplut għas-sitwazzjoni skoperta fil-Qorti tal-Belt ta’ Sofija lejn l-aħħar tal-2014 ġie enfasizzat fl-aħħar żewġ rapporti tal-MKV u stimola aktar allegazzjonijiet ta’ influwenza mhux xierqa fil-KĠS. Kollox ma’ kollox, il-Bulgarija għamlet progress sostanzjali fuq l-Ewwel Parametru Referenzjarju, iżda għad trid turi riżultati f’termini ta’ implimentazzjoni tal-aħħar bidliet kostituzzjonali.

Il-qafas legali

It-tieni parametru referenzjarju jiffoka fuq il-qafas legali f’termini ta’ leġiżlazzjoni ewlenija li taffettwa s-sistema ġudizzjarja u l-proċeduri ġudizzjarji. Saru żviluppi sostanzjali matul dawn l-aħħar 10 snin, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-Att dwar is-Sistemi Ġudizzjarji u fit-titjib ta’ proċeduri ċivili. Bidliet fuq skala wiesgħa għall-Att tas-Sistemi Ġudizzjarji ġew adottati fl-2016, b’segwitu għall-istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja komprensiva żviluppata mill-gvern u approvata fl-Assemblea Nazzjonali fl-2015. Dawn l-emendi, li kienu mwettqa permezz ta’ konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u l-professjonijiet 7 , ifittxu li jtejbu l-leġiżlazzjoni f’għadd ta’ oqsma, minn żvilupp tal-karriera għall-maġistrati sal-governanza interna tal-qrati. Flimkien ma’ riformi preċedenti, dawn il-bidliet jirrappreżentaw pass ulterjuri sinjifikanti fir-riforma tal-ġudikatura Bulgara.

Fil-qasam tal-proċeduri kriminali, l-iżviluppi kienu anqas qawwija, u sfidi importanti għad iridu jiġu indirizzati. Minkejja titjib notevoli fis-snin ta’ wara l-adeżjoni mal-UE, il-proċeduri kriminali fil-Bulgarija jkomplu jippreżentaw problemi serji għal prosekuzzjoni effettiva ta’ każijiet kumplessi, li jinkludu dawk relatati ma’ korruzzjoni f’livelli għoljin u kriminalità organizzata. Għadd ta’ kwistjonijiet konkreti ġew identifikati matul is-snin, u xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet ġew indirizzati permezz ta’ azzjoni leġiżlattiva. Madankollu, il-formaliżmu tal-proċeduri kriminali jibqa’ ta’ sfida għas-sistema legali tal-Bulgarija. Aktar proposti leġiżlattivi kienu qegħdin jitlestew riċentement, u wħud minnhom — flimkien ma’ miżuri organizzattivi xierqa — jista’ jkollhom impatt importanti.

Il-kodiċi kriminali ġie identifikat ukoll bħala sors ta’ problemi fil-prosekuzzjoni ta’ reati serji u dan kien is-suġġett ta’ diskussjoni kontinwa taħt gvernijiet suċċessivi. 8 Fl-2015 il-Gvern nieda proċess ġdid ta’ riflessjoni dwar riforma usa’ fil-politika kriminali. u tmexxiet 'il quddiem fl-2016 permezz ta’ proġett ta’ assistenza teknika li tinvolvi esperti indipendenti. Dan għandu l-għan ta' riforma komprensiva, li se tkun teħtieġ analiżi bir-reqqa u tħejjija li tinvolvi konsultazzjoni wiesgħa fil-ġudikatura u l-professjonijiet legali. Huwa evidenti li kwalunkwe riforma ġenerali tal-kodiċi kriminali se tkun proċess fit-tul. Madankollu, proċess bħal dan ma jeskludix aktar bidliet immedjati li jista’ jkollhom impatt pożittiv f’dak li għandu x’jaqsam mal-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. B’mod ġenerali, il-Bulgarija għamlet xi progress fuq it-Tieni Parametru Referenzjarju, iżda għad hemm kwistjonijiet importanti pendenti, partikularment f’termini ta’ indirizzar ta’ proċeduri kriminali formalistiċi u t-titjib tal-qafas legali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Ir-riforma kontinwa tal-ġudikatura

It-tielet parametru referenzjarju jiffoka fuq ir-riforma tal-ġudikatura sabiex jittejbu l-professjonaliżmu, l-akkontabbiltà u l-effiċjenza tagħha. Il-perspettiva ta’ 10 snin wriet b’mod ċar id-diffikultà għall-progress jekk ma jkunx hemm kunsens bejn l-imħallfin jew il-prosekuturi. Matul is-snin, kien hemm titjib kbir f’diversi oqsma, inklużi t-taħriġ tal-maġistrati, l-allokazzjoni aleatorja tal-każi fil-qrati, u l-analiżi tal-ammont tax-xogħol tal-korpi ġudizzjarji u maġistrati individwali. Ittieħdu wkoll passi f’oqsma bħall-ġustizzja elettronika. Ir-rieda tal-maġistrati – kif ukoll tas-soċjetà ċivili – li jsemmgħu leħinhom f’appoġġ għar-riforma kienet fattur ewlieni fil-faċilitazzjoni ta’ dan il-progress. Madankollu, kien diffiċli li jittieħdu deċiżjonijiet f’oqsma sensittivi bħar-ritrutturar tal-qrati u l-uffiċċji tal-prosekuturi bħala parti minn riforma ġenerali tal-mappa ġudizzjarja. Filwaqt li deċiżjonijiet maniġerjali sensibbli – bħar-riallokazzjoni tal-pożizzjonijiet sena b’sena – immitigaw xi ftit lakuni bħal dawn, il-Kunsill Ġudizzjarju Suprem għadu ma setax jew ma riedx immexxi r-riforma 'l quddiem f’dawn l-oqsma. Dan ikkontribwixxa għal żbilanċ fl-ammont tax-xogħol għall-ikbar qrati fil-pajjiż, b’impatt negattiv fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-ġudikatura Bulgara. Fl-istess ħin, ftit li xejn kien hemm progress fl-istabbiliment tal-korrettezza u t-trasparenza fil-proċeduri dixxiplinarji tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem.

Ir-riforma tas-servizz tal-prosekuzzjoni huwa qasam ieħor li wera li hu sensittiv u kumpless immens fil-Bulgarija. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Bulgarija jifforma parti mill-ġudikatura u huwa indipendenti mill-poter eżekuttiv. Fl-istess ħin, għandu rwol ċentrali mhux biss fil-proċeduri kriminali iżda wkoll fil-monitoraġġ tal-amministrazzjoni b’mod ġenerali. Dan in-nuqqas ta’ distinzjoni bejn il-funzjonijiet tiegħu u l-eżekuttiv għandu ħabta jaggrava s-suspetti ta’ influwenza żejda u kritika ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà ġenerali tal-prosekuzzjoni. Barra mid-dibattitu jaħraq dwar dak li l-kritiċi jaraw bħala servizz tal-prosekuzzjoni qawwi żżejjed, il-prosekuzzjoni tinsab ukoll f’nofs dibattitu fuq in-nuqqas kontinwu fil-Bulgarija ta’ rekord konvinċenti ta’ kundanni li jikkonċernaw korruzzjoni fil-livelli għolja jew kriminalità organizzata serja. Tul dawn l-aħħar 10 snin, is-servizz tal-prosekuzzjoni ra diversi ċikli ta’ riorganizzazzjoni kif ukoll miżuri leġiżlattivi u oħrajn sabiex itejbu l-effettività tiegħu. Madankollu, minkejja dawn l-isforzi, ir-riżultati juru li għad fadal sfidi sinifikanti 9 . Dan kien l-isfond għad-deċiżjoni tal-Bulgarija fl-2016 li titlob l-għajnuna tal-SSRS u esperti minn għadd ta’ Stati Membri oħra fi proġett sabiex tippreżenta analiżi indipendenti tas-servizz tal-prosekuzzjoni tal-Bulgarija. Din tiżdied ma’ analiżi preċedenti li twettqet matul is-snin. Il-Bulgarija għadha teħtieġ li tislet il-konklużjonijiet minn dawn l-analiżi kollha u tippjana l-passi 'l quddiem fuq din il-kwistjoni importanti. B’mod ġenerali, minkejja li l-Bulgarija għamlet xi progress dwar it-Tielet Parametru Referenzjarju, fadal sfidi importanti x’jiġu indirizzati.

2.2    Korruzzjoni

Ir-raba’ u l-ħames parametri referenzjarji jirrelataw mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kemm dik f’livell għoli kif ukoll dik b’mod ġenerali, b’mod partikulari fil-livell lokali u fil-fruntieri. Fiż-żewġ oqsma, il-perspettiva ta’10 snin turi l-isfida li l-Bulgarija affaċċat fl-isforz sabiex bil-mod tibni l-liġijiet u l-istituzzjonijiet neċessarji sabiex jindirizzaw defiċit evidenti ta’ kredibbiltà kif jidher fl-opinjoni pubblika Bulgara. Sa issa, il-Bulgarija għandha rekord limitat ħafna ta’ każi konkreti li wasslu għal kundanni finali f’qorti fir-rigward ta’ korruzzjoni f’livell għoli, l-aktar mod ċar kif turi li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija prijorità ġenwina. Il-Bulgarija tibqa’ fil-kategorija mal-Istati Membri tal-UE bl-ogħla livell perċepit ta’ korruzzjoni, 10 u l-korruzzjoni għadha meqjusa bħala problema importanti miċ-ċittadini 11 u n-negozju 12 . Skandli ta’ profil għoli, bħal dak dwar il-kummissjoni ta’ kunflitt ta’ interess fl-2013 13 , ma jkollhomx segwitu ċar u determinat. Il-problemi kienu suġġetti għal analiżi estensiva tul is-snin u kandidati għal spegazzjonijiet jinkludu provvediment mhux aġġornati fil-kodiċi kriminali, in-nuqqas ta’ kapaċità fl-istituzzjonijiet ewlenin, strutturi diżorganizzati u frammentati, u proċeduri kkumplikati, kwistjonijiet li kollha jieħdu ż-żmien, l-impenn u d-determinazzjoni sabiex jiġu indirizzati. Fis-snin bikrin wara l-adeżjoni, il-Bulgarija wettqet għadd ta’ miżuri leġiżlattivi u istituzzjonali sabiex tindirizza l-korruzzjoni. Madankollu, filwaqt li r-riżultati bikrin dehru promettenti f’ċerti rispetti, dawn l-isforzi ma ġabux il-bidla meħtieġa fil-ġlied kontra l-korruzzjoni. Il-Gvern għamel sforz ulterjuri fl-2015 u fl-2016, iffokat fuq l-istabbiliment ta’ aġenzija kontra l-korruzzjoni b’poteri li twettaq investigazzjonijiet amministrattivi u tiċċekkja għal kunflitti ta’ interess u propjetà personali ta’ uffiċjali f’livell għoli. Iżda l-liġi kontra l-korruzzjoni ddiżinjata sabiex tistabbilixxi dan il-korp ma rnexxilhiex tilħaq ftehim fil-Parlament, u dan juri n-nuqqas ta’ kunsens politiku wara l-isforzi.

L-istabbiliment istituzzjonali b’mod ġenerali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-Bulgarija għadu frammentat u għaldaqstant fil-biċċa l-kbira ineffettiv. B’konsegwenza ta’ dan, problema ġeneralizzati ta’ korruzzjoni f’livelli aktar baxxi tal-amministrazzjoni pubblika jibqgħu ta’ sfida wkoll 14 . L-istrateġija tal-gvern kontra l-korruzzjoni tal-2015 ipprovdiet analiżi prezzjuża tal-problemi. Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija għadha biss fi stadju bikri 15 . B’mod ġenerali, il-progress tal-Bulgarija dwar il-Parametri Referenzjarji Erbgħa u Ħamsa kien limitat, bi sfidi kbar pendenti fir-rigward tal-qafas istituzzjonali u legali kif l-istabbiliment ta’ rekord.

2.3    Il-kriminalità organizzata

L-aħħar parametru referenzjarju jiffoka fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Dan il-parametru referenzjarju kien immotivat parzjalment mill-prevalenza ta’ organizzazzjonijiet kriminali kbar u potenti fil-Bulgarija ta’ wara t-tranżizzjoni, assoċjati ma’ livelli sinjifikanti ta’ vjolenza. L-awtoritajiet Bulgari raw evoluzzjoni fis-snin mill-adeżjoni, b’mudell aktar frammentat ta’ kriminalità organizzata, u bil-problema aktar kumparabbli mas-sitwazzjoni f’xi Stati Membri oħra. Madankollu, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-parametru referenzjarju jeħtieġ ukoll li l-Bulgarija turi l-kapaċità tal-awtoritajiet tagħha tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġġieldu effiċjentament kontra l-kriminalità organizzata u jiżviluppaw rekord f’dan il-qasam. Il-Bulgarija introduċiet bidliet istituzzjonali importanti matul is-snin, b’mod notevoli bl-istabbiliment ta’ qorti speċjalizzata fl-2012 u uffiċċju tal-prosekuzzjoni għall-kriminalità organizzata u Kummissjoni għall-Konfiska tal-Assi b’mandat għal konfiska tal-assi mingħajr kundanna. Il-Kummissjoni b’mod partikulari stabbiliet rekord li juri b’mod sinifikanti kif dan l-aspett ta’ riforma ġie inkorporat. Madankollu, il-Bulgarija qed tieħu wisq żmien biex tiżviluppa rekord f'termini ta’ kundanni finali f’każi serji ta’ kriminalità organizzata. Fi snin riċenti, ittieħdu deċiżjonijiet politiċi sabiex jiġu riorganizzati l-awtoritajiet investigatorji ewlenin li qed jindirizzaw il-kriminalità organizzata u l-progress ġie interott. Dan kellu impatt detrimentali fuq ir-riżultati. Dan stabbilizza issa, minkejja li bidla ulterjuri, li testendi l-kompetenzi tad-direttorat kontra l-kriminalità organizzata (GDBOB) għall-korruzzjoni, għaċ-ċiberkriminalità u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali u tippermettilhom li tidħol aktar kmieni f’investigazzjonijiet kriminali, kienet maqbula riċentament,. B’konsegwenza, il-qafas istituzzjonali attwali għad għandu bżonn iż-żmien sabiex juri rekord. Barra minn hekk, kif imsemmi hawn fuq, il-prosekuzzjoni effettiva tal-kriminalità organizzata tkompli tkun imtellfa minn qafas legali formalistiku. B’mod ġenerali, minkejja li fadal sfidi, il-Bulgarija għamlet progress sostanzjali fuq is-Sitt Parametru Referenzjarju.

3.    PASSI EWLENIN LI FADAL

B’mod ġenerali, il-perspettiva ta’ 10 snin turi li gvernijiet suċċessivi u l-istituzzjonijiet ġudizzjarji għamlu sforzi importanti. Kien hemm żviluppi leġiżlattivi u istituzzjonali importanti, b’mod notevoli min-naħa ġudizzjarja. Madankollu, il-progress effettiv fil-ħolqien ta’ dan ir-rekord kien aktar bil-mod milli kien mistenni meta l-MKV kien varat, b’każijiet riluttanza li jkun hemm segwitu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-MKV sabiex l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien sabiex jidentifikaw nuqqasijiet komuni u japplikaw soluzzjonijiet komuni. Ir-riforma teħtieġ tkompli u l-istrutturi interni jissaħħu sabiex tiġi żgurata eżekuzzjoni sodisfaċenti u irreversibbli tal-parametri referenzjarji. Għaldaqstant din it-taqsima timmira li tistabbilixxi l-passi li fadal meħtieġa sabiex l-objettivi tal-MKV jintlaħqu.

3.1    Ir-Riforma ġudizzjarja

Indipendenza u responsabbiltà tal-ġudikatura

Kif rikonoxxut f’rapporti reċenti, l-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja adottata mill-Gvern fl-2014 u approvata mill-Assemblea Nazzjonali fil-bidu tal-2015 tipprovdi pjan komprensiv għar-riforma tal-ġudikatura tal-Bulgarija. Minn dak iż-żmien, il-Gvern kompla bil-ħidma f’għadd ta’ oqsma. L-aktar importanti, l-emendi għall-Kostituzzjoni, adottati f’Diċembru tal-2015 u mmexxija 'l quddiem f’emendi leġiżlattivi fl-Att dwar is-Sistemi Ġudizzjarji u l-proċeduri interni fl-2016, jirrappreżentaw pass sinifikanti lejn it-titjib tal-funzjonament tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem u t-twettiq tal-Parametru Referenzjarju Wieħed. Għalkemm it-test tal-Parametru Referenzjarju Wieħed jiffoka fuq l-emendi kostituzzjonali, is-serħan il-moħħ sħiħa rigward l-indipendenza u l-obbligu ta’ rendikont tas-sistema ġudizzjarja ma jistgħux ikunu vvalutati ħlief fid-dawl tal-implimentazzjoni prattika ta’ dawn il-bidliet.

Il-Kunsill Ġudizzjarju Suprem huwa l-istituzzjoni ewlenija li tirregola l-ġudikatura Bulgara u riżultati konkreti f’termini ta’ riforma ġudizzjarja jistrieħu ħafna fuq KĠS li jiffunzjona sew, kemm f’termini ta’ professjonaliżmu u wkoll ta’ trasparenza. Il-ħidma tiegħu hija kruċjali sabiex ikun determinat jekk is-sistema ġudizzjarja tistax tkun irrispettata u biex iserraħ moħħ il-pubbliku ġenerali li l-indipendenza ġudizzjarja hija mħarsa. Dan jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn impenn usa’ mill-atturi statali kollha lejn l-indipendenza ġudizzjarja u kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet. Huma essenzjali natura mhux politika u l-klima tax-xogħol professjonali f’din l-istituzzjoni, li tiffoka fuq il-prijoritajiet tar-riforma ġudizzjarja. Is-serje ta’ kontroversji u ġlied intern li ħassru l-KSĠ matul l-aħħar snin taw lok għas-suspett ta’ influwenza esterna u affettwaw il-fiduċja tal-pubbliku fil-ġudikatura. 16 Għalhekk, wieħed mill-aktar testijiet sinifikanti għall-2017 se jkun l-elezzjoni tal-Kunsill il-ġdid, kemm għall-membri maħtura fil-maġistratura u dawk maħtura mill-Parlament. Se jkun importanti li dawn l-elezzjonijiet isiru, u li jidhru li qed jitwettqu, b’mod miftuħ u trasparenti wara dibattitu serju dwar il-merti rispettivi tal-kandidati. Imbagħad il-kulleġġ elett ġdid se jkollu jiżviluppa rekord ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet imparzjali u professjonali f’oqsma ewlenin.

Rakkomandazzjoni: Tkun żgurata elezzjoni trasparenti għall-KSM futur, b’seduta pubblika fl-Assemblea Nazzjonali qabel l-elezzjoni tal-membri tal-kwota parlamentari, u s-soċjetà ċivili tingħata l-possibilità li tagħmel osservazzjonijiet dwar il-kandidati.

Waħda mill-funzjonijiet ewlenin tal-KSM hija l-ħatra ta’ kapijiet tal-qrati u tal-uffiċċji tal-prosekuturi, kif ukoll in-nomina tal-Presidenti tal-ogħla tliet uffiċċji fil-ġudikatura tal-Bulgarija, il-Presidenti taż-żewġ Qrati Supremi u l-Prosekutur Ġenerali. It-twettiq ta’ dawn il-ħatriet b’mod trasparenti u bbażat fuq il-mertu huwa test ewlieni tal-kapaċità tiegħu li jaħdem bħala istituzzjoni professjonali u indipendenti li tista’ tikseb il-fiduċja tal-ġudikatura u tas-soċjetà usa’. Elezzjoni partikolarment importanti li se ssir fl-2017 tirrigwarda l-President tal-Qorti Amministrattiva Suprema

Rakkomandazzjoni: Tistabbilixxi rekord ta’ ħatriet trasparenti u skont il-mertu għal karigi ġudizzjarji ta’ livell għoli, inkluża l-ħatra li jmiss dalwaqt ta’ President ġdid għall-Qorti Amministrattiva Suprema.

L-Ispettorat tal-Kunsill Suprem Ġudizzjarju (IKSĠ) ikkontribwixxa għall-obbligu ta’ rendikont u l-effiċjenza tal-ġudikatura Bulgara permezz ta’ spezzjonijiet u rapporti regolari. Madankollu, il-potenzjal tiegħu għadu ma ġiex użat bis-sħiħ. Minn Jannar 2017, is-setgħat tal-Ispettorat ġew estiżi sabiex ikun jista’ jinvestiga l-kunflitti ta’ interess u kwistjonijiet oħra ta’ integrità fost il-maġistrati, u l-Gvern ipprovda lill-IKSĠ b’riżorsi addizzjonali biex iwettaq il-kompiti l-ġodda tiegħu. Filwaqt li fl-aħħar mill-aħħar iħallu d-deċiżjonijiet dwar sanzjonijiet dixxiplinarji f’idejn il-KSĠ, id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar l-integrità tal-maġistrati jagħtu lill-IKSĠ rwol aktar ċentrali fil-kompitu essenzjali ta’ segwitu tal-irregolaritajiet. L-IKSĠ jeħtieġ l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għat-twettiq tal-funzjonijiet il-ġodda tiegħu. F’dan ir-rigward, esperti esterni jistgħu jkunu element utli biex jiġu appoġġati l-isforzi biex tissaħħaħ il-kapaċità organizzazzjonali tiegħu.

Rakkomandazzjoni: Sabiex ittejjeb il-funzjonament prattiku tal-SKĠS u s-segwitu mill-Kunsill Ġudizzjarju Suprem għas-sejbiet tal-ispettorat, b’mod partikulari dwar kwistjonijiet ta’ integrità, ikkunsidra li titlob għajnuna esterna, pereżempju mill-SSRS u / jew il-Kunsill tal-Ewropa.

Il-qafas legali

Fl-2016, bħala parti mill-istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja, il-Gvern Bulgaru mexxa 'l quddiem żewġ pakketti sostanzjali ta’ emendi għall-Att dwar is-Sistemi Ġudizzjarji. It-tħejjija ta’ dawn l-atti bbenefikat minn dibattitu u konsultazzjoni wiesgħa mas-soċjetà ċivili. L-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas ġuridiku ġdid se tkun sfida kbira għall-korpi ġudizzjarji u se tistrieħ ħafna fuq il-progress ġenerali fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja (il-Parametru Referenzjarju Tlieta). Skont l-istrateġija tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja, jinħtieġ li l-Bulgarija tkompli tħares lejn kwalunkwe problema mqajma fir-rigward tal-qafas legali u jekk aktar emendi għall-Att tas-Sistemi Ġudizzjarji jindirizzawx dawn il-problemi.

Pakkett importanti ta’ emendi għall-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tħejja mill-Ministeru tal-Ġustizzja, bl-appoġġ tal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni. Dan itejjeb sostanzjalment ir-reazzjoni għal reati serji, b’mod partikolari billi jiġi indirizzat dewmien fil-proċedimenti kriminali u billi tkun iffaċilitata l-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni. Aktar ħtiġijiet għall-emenda tal-proċeduri kriminali ġew ukoll identifikati f’analiżi riċenti. Għalhekk se jkun importanti li dan il-proċess jitmexxa 'l quddiem.

Reviżjoni sħiħa tal-Kodiċi Kriminali ġiet ikkwotata fir-rapporti preċedenti bħala importanti, iżda din tirrikjedi riflessjoni wiesgħa dwar il-futur tal-politika kriminali, flimkien ma’ dibattitu mifrux u preparazzjoni bir-reqqa. Jinħtieġ li titqies bħala proġett fuq perjodu ta’ żmien itwal, filwaqt li titqies ukoll il-kapaċità amministrattiva tal-Bulgarija. F’dan l-istadju, jinħtieġ li l-prijorità tkun li jiġu implimentati għadd ta’ emendi mmirati f’oqsma fejn jeżistu dispożizzjonijiet li joħolqu diffikultajiet operazzjonali fil-prosekuzzjoni ta’ korruzzjoni jew kriminalità organizzata.

Rakkomandazzjoni: L-adozzjoni ta’ emendi għall-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u għall-Kodiċi Kriminali biex jittejjeb il-qafas legali għall-prosekuzzjoni ta’ korruzzjoni f’livell għoli u tal-kriminalità organizzata serja.

L-indirizzar tal-isfidi kumplessi li jaffettwaw proċeduri kriminali fil-Bulgarija se jkun jeħtieġ sforzi u prijoritizzazzjoni mill-awtoritajiet Bulgari l-ġodda. Madankollu, il-ħidma preparatorja li diġà bdiet, kif ukoll l-input minn proġetti ta’ assistenza teknika, inkluż l-iffinalizzar riċenti tal-proġett ikkoordinat mis-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali (SSRS) tal-Kummissjoni, jipprovdu bażi tajba. L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ dawn l-istudji differenti għandha tippermetti lill-Bulgarija biex tindirizza b’mod effettiv il-kwistjonijiet kemm taħt il-Parametru Referenzjarju Tnejn kif ukoll diversi kwistjonijiet f’Parametri Referenzjarji oħrajn, b’mod partikolari dawk relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Ir-riforma kontinwa tal-ġudikatura

L-implimentazzjoni usa’ tal-istrateġija tar- riforma tas-sistema ġudizzjarja se tirrikjedi sforz kontinwu u dedikazzjoni mill-awtoritajiet Bulgari. Għadd ta’ proġetti diġà tlestew u oħrajn jinsabu għaddejjin jew qed jitħejjew. Is-sistema l-ġdida tal-IT għall-allokazzjoni każwali tal-kawżi fil-qrati, li sa issa taħdem mingħajr kontroversja, hija pass promettenti li turi li problemi li ilhom jeżistu jistgħu jiġu indirizzati. L-Att emendat dwar is-Sistemi Ġudizzjarji għandu jgħin biex jipprovdi progress rapidu lejn soluzzjonijiet ta’ ġustizzja elettronika sabiex titjieb it-trasparenza u l-aċċessibbiltà tal-ġustizzja fil-pajjiż kollu. Ammont sinifikanti ta’ xogħol tlesta biex ikunu żviluppati standards għall-volum ta’ xogħol għall-valutazzjoni tal-volum ta’ xogħol fil-qrati u fl-uffiċċji tal-prosekuzzjoni. Dan ix-xogħol issa jista’ jitmexxa 'l quddiem biex dawn l-istandards isiru l-bażi għal deċiżjonijiet maniġerjali f’oqsma bħalma huma l-evalwazzjonijiet, il-promozzjoniijiet, il-proċedimenti dixxiplinarji u l-allokazzjoni tal-persunal.

Rakkomandazzjoni: Tippubblika rapport għall-konsultazzjoni pubblika li juri fid-dettall il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali għar-riforma ġudizzjarja u jistabbilixxi l-passi li fadal jittieħdu. Tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rapportar pubbliku kontinwu tal-progress għall-matul iż-żmien li baqa’ għall-implimentazzjoni tal-istrateġija.

Il-KSĠ kif ukoll il-prosekuzzjoni bdew it-tħejjijiet għal riformi usa’ tal-mappa tal-ġudikatura. Dan huwa neċessarjament proċess fit-tul peress li se jeħtieġ ħin għall-koordinazzjoni u l-bini ta’ kunsens mas-soċjetà inġenerali. Fuq medda qasira ta’ żmien, diġà jistgħu jittieħdu passi pragmatiċi biex jiġi indirizzat volum ta’ xogħol żbilanċjat bejn il-korpi ġudizzjarji u b’mod partikolari biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’xi wħud mill-ikbar u l-aktar qrati bieżla - u sakemm dan ikun possibbli, huwa diffiċli li wieħed jara kif il-kwistjonijiet ta’ dewmien fil-motivazzjonijiet jistgħu jiġu eżaminati fuq bażi oġġettiva. Il-KSĠ diġà ħadet passi inkrementali f’din id-direzzjoni fis-snin preċedenti, iżda fuq il-bażi tal-istandards il-ġodda tal-volum ta’ xogħol, tista’ ssir valutazzjoni aktar oġġettiva dwar il-ħtieġa li jkunu riallokati r-riżorsi bejn il-qrati.

Rakkomandazzjoni: Tindirizzaw is-sitwazzjoni tal-volum ta’ xogħol fil-qrati l-aktar bieżla abbażi tal-istandards il-ġodda tal-volum ta’ xogħol, u taqbel dwar pjan direzzjonali għar-riforma tal-mappa tal-ġudikatura b’mod parallel mal-iżvilupp tal-ġustizzja elettronika.

Il-limiti strutturali għall-indipendenza u l-obbligu ta' rendikont fl-organizzazzjoni tal-prosekuzzjoni huma kwistjoni li kienet enfasizzata fl-istrateġija għar-riforma tas-sistema ġudizzjarja. L-emendi reċenti għall-Att dwar is-Sistemi Ġudizzjarji jinkludu xi elementi li għandhom l-għan li jindirizzaw din is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, il-Bulgarija talbet l-assistenza tal-SSRS biex tħejji analiżi indipendenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur. Bħala riżultat, tħejja rapport dwar il-funzjonament tal-proċeduri minn esperti mill-Ġermanja, minn Spanja, min-Netherlands u mir-Renju Unit, li jipproponi wkoll rakkomandazzjonijiet.

Rakkomandazzjoni: Tistabbilixxi pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-SSRS rigward ir-riforma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-interazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet l-oħra, inkluż mekkaniżmu għar-rapportar tal-progress lill-pubbliku ġenerali.

F’Mejju 2016, il-Prosekutur Ġenerali kkummissjona studju biex janalizza s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li sab li l-awtoritajiet Bulgari naqsu milli jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jwettqu investigazzjoni effettiva 17  u li jipprovdu rimedji kull fejn il-vjolazzjonijiet għadhom rilevanti. L-analiżi tlestiet f’Novembru 2016 u tagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet siewja.

Rakkomandazzjoni: Tistabbilixxi pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-istudju, inkluż mekkaniżmu għar-rapportar tal-progress lill-pubbliku ġenerali.

It-tlestija ta’ azzjonijiet li jaqgħu taħt il-Parametru Referenzjarju Tlieta se tirrikjedi sforzi importanti. L-iżvilupp ta’ aktar proġetti ta’ assistenza teknika taħt l-awspiċji SSRS f’oqsma koperti mill-Parametru Referenzjarju Tlieta jista’ jitqies li jgħin lill-awtoritajiet Bulgari f’dawn l-isforzi.

3.2    Korruzzjoni

Ir-raba' u l-ħames parametri referenzjarji għall-Bulgarija fil-MKV jirrigwardaw il-ħtieġa għal miżuri effettivi kontra l-korruzzjoni, inkluża l-korruzzjoni ta' livell għoli kif ukoll il-korruzzjoni li ġeneralment tkun fl-istituzzjonijiet pubbliċi. L-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali aġġornata mill-Gvern għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni kien pass importanti, iżda tibqa’ l-isfida li tkun żgurata l-implimentazzjoni tagħha, li jkun adottat il-qafas legali meħtieġ u li jkunu stabbiliti l-istituzzjonijiet previsti. Sfortunatament, sena wara r-rapport ta’ Jannar 2016, progress uterjuri għadu limitat f’dan ir-rigward.

Korruzzjoni ta’ livell għoli

L-abbozz tal-gvern għal-liġi kontra l-korruzzjoni għadu ma ġiex adottat u konsegwentement l-awtorità ġdida magħquda kontra l-korruzzjoni proposta għadha ma twaqqfitx. Din se tkun responsabbli biex tikkontrolla l-kunflitti ta’ interess u d-dikjarazzjonijiet marbutin mal-propjetà ta’ uffiċjali għolja u mill-investigazzjonijiet amministrattivi dwar il-possibilità ta’ korruzzjoni u ta’ arrikkiment illeċitu.

L-adozzjoni ta’ liġi li twaqqaf istituzzjoni ġdida effettiva u li għandha obbligu ta’ rendikont kontra l-korruzzjoni se tkun it-test ewlieni fuq ir-rieda tal-Bulgarija fl-2017. Madankollu, xi fatturi previsti tal-istituzzjoni l-ġdida, bħalma huma l-inkorporazzjoni tal-Kummissjoni għall-Konfiska tal-Assi Illegali fl-istruttura l-ġdida, jinħtieġ li jiġu kkunsidrati bir-reqqa. Fid-dawl tar-rekord stabbilit tal-Kummissjoni għall-Konfiska tal-Assi Illegali, huwa importanti li tibdil organizzazzjonali ma jdgħajjifx il-progress li diġà nkiseb. Xi elementi anqas kontroversjali tal-istrateġija kontra l-korruzzjoni wkoll għadhom iridu jiġu implimentati, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-ispettorati amministrattivi, fejn il-proposti leġiżlattivi meħtieġa għad iridu jiġu ppreżentati.

Rakkomandazzjoni: Tadotta qafas legali ġdid dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’konformità mal-intenzjonijiet stipulati fl-istrateġija kontra l-korruzzjoni, u tiżgura l-implimentazzjoni tagħha. Twaqqaf awtorità effettiva kontra l-korruzzjoni.

Rakkomandazzjoni: Tadotta u timplimenta riforma tal-liġi dwar l-amministrazzjoni pubblika sabiex issaħħaħ l-ispettorati interni fl-amministrazzjoni pubblika.

Ir-rapportar tal-Bulgarija ta’ każijiet ġodda taħt investigazzjoni u mressqa l-qorti pprogressa. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, kwalunkwe valutazzjoni tar-rekord fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta’ livell għoli tiddependi fuq id-deċiżjonijiet finali tal-qorti li jkunu konklużi u eżegwiti, fid-dawl tal-profil tal-kawżi ta’ livell għoli li rarament jwasslu għal kundanni li jirnexxu. Li l-pubbliku jara li t-trasgressjonijiet jistgħu jiġu identifikati b’mod effettiv u li l-awturi tagħhom jittressqu quddiem il-ġustizzja b’mod effettiv se tkunu l-aktar evidenza b’saħħitha għas-suċċess tal-isforzi kontra l-korruzzjoni. Il-Bulgarija għadha trid turi rekord tajjeb f’termini tar-riżultati finali. Ħidma analitika utli twettqet fl-2016 f’diversi forom, inkluż permezz ta’ analiżi ta’ każijiet ta’ korruzzjoni fil-passat mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, li jistgħu jittieħdu bħala bażi għal aktar miżuri konkreti.

Rakkomandazzjoni: Filwaqt li tibni fuq l-analiżi ta’ kawżi fil-passat, tistabbilixxi pjan direzzjonali bejn l-istituzzjonijiet kollha relevanti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli, inkluż mekkaniżmu għar-rapportar tal-progress lill-pubbliku ġenerali.

Rakkomandazzjoni: Tistabbilixxi mekkaniżmu għal rapportar pubbliku dwar il-progress f’każijiet ta’ livell għoli li huma fid-dominju pubbliku. Il-Prosekuzzjoni Ġenerali għandha tirraporta - filwaqt li tirrispetta l-preżunzjoni ta’ innoċenza - dwar l-investigazzjonijiet u l-akkużi. Il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ministeru tal-Ġustizzja għandhom jirrapportaw dwar kundanni kif ukoll għall-infurzar ta’ sentenzi.

L-issodisfar tal-Parametru Referenzjarju Erbgħa se jinħtieġ approċċ ġdid mill-awtoritajiet Bulgari, l-aktar biex jiġi stabbilit rekord ta’ każijiet ta’ livell għoli. Il-ħidma preparatorja li diġà bdiet tista’ tipprovdi bażi tajba, għalkemm xi proposti għal bidliet f’istituzzjonijiet eżistenti tista’ tibbenefika minn aktar analiżi u valutazzjoni bir-reqqa biex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv li jista’ jkun hemm fuq il-prestazzjoni.

Il-korruzzjoni fil-livell lokali u l-fruntieri

Sforzi usa’ biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni f’livelli aktar baxxi huma meħtieġa b’mod partikolari f’termini ta’ miżuri biex tissaħħaħ il-prevenzjoni, li jinħtieġ li jkunu introdotti flimkien ma’ sforzi usa’ biex jiżdiedu t-trasparenza u l-professjonaliżmu tal-amministrazzjoni pubblika. L-akkwist pubbliku huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ bħala l-aktar qasam ta’ riskju għall-korruzzjoni. Il-Bulgarija għamlet progress dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar l-akkwist pubbliku sa mill-adozzjoni tagħha fl-2014, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta’ verifiki ex ante bbażati fuq ir-riskju. Issa jeħtieġ li turi rekord ta’ segwitu effettiv dwar dawn il-verifiki u tintroduċi sanzjonijiet effettivi għall-irregolaritajiet kollha.

Rakkomandazzjoni: Twettaq rieżami estern tal-verifiki ex ante tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku u tas-segwitu tagħhom, inkluż verifiki ex post, kif ukoll każijiet ta’ kunflitt ta’ interess jew ta’ korruzzjoni li ġew skoperti u l-miżuri ta’ rimedju meħuda biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati.

Il-Ministeru tal-Intern daħħal fis-seħħ għadd ta’ miżuri preventivi konkreti kontra l-korruzzjoni (b’mod partikolari mal-pulizija tat-traffiku u tal-fruntiera) fil-kuntest ta’ riforma usa’ tal-Ministeru. Jinħtieġ li dawn il-miżuri jitkomplew u jiġu segwiti kontinwament. Barra minn hekk, jinħtieġ li jiġu intensifikati pjanijiet sabiex jiġu estiżi dawn l-isforzi għall-ministeri oħra .

Rakkomandazzjoni: Timplimenta miżuri bbażati fuq ir-riskju biex tindirizzata l-korruzzjoni fil-livelli baxxi f’setturi ta’ riskju għoli fl-amministrazzjoni pubblika, billi tieħu ispirazzjoni minn dak li sar fil-Ministeru tal-Intern. Tkompli l-isforzi fil-Ministeru tal-Intern.

Rakkomandazzjoni: Tistabbilixxi mekkaniżmu għar-rapportar pubbliku dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni li jkopri l-perjodu ta’ żmien li fadal għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija.

3.3    Il-kriminalità organizzata

Is-sitt parametru referenzjarju tal-MKV jirrigwarda l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. L-analiżi tal-iżviluppi matul l-aħħar 10 snin turi l-evoluzzjoni tal-kriminalità organizzata, li saret aktar frammentata, versatili u diversifikata, bi żvilupp lejn negozji legali, kif ukoll saret anqas apertament vjolenti. Bosta interlokuturi Bulgari jqisu li l-Parametru Referenzjarju Sitta - kif miftiehem 10 snin ilu - qed isir għalhekk anqas rilevanti, fid-dawl li l-istampa tal-kriminalità qed tinbidel f’xi ħaġa aktar simili għal dik ta’ xi Stati Membri oħra. Madankollu, il-Bulgarija teħtieġ li turi li għandha sistema li tiffunzjona biex tiġġieled il-kriminalità organizzata billi tistabbilixxi rekord li juri li jintlaħqu u jkunu eżeġwiti deċiżjonijiet finali tal-Qorti f’każijiet li jinvolvu kriminalità organizzata serja.

Wara serje ta’ ristrutturar fis-snin riċenti, id-direttorat kontra l-kriminalità organizzata issa jidher li fil-biċċa l-kbira rkupra l-istabbiltà u l-kapaċità operazzjonali. Madankollu, il-problemi strutturali skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali msemmija hawn fuq, li jikkomplikaw l-investigazzjonijiet, għadhom sors ta’ tħassib. Barra minn hekk, hemm ukoll sfidi kontinwi f’termini ta’ kapaċità operazzjonali, taħriġ u tagħmir, li jeħtieġu li jissaħħu ulterjorment.

Il-Qorti Speċjalizzata u l-Uffiċċju tal-Prosekutur għall-kriminalità organizzata qed jistabbilixxu rekord. Valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-qrati speċjalizzati mill-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni enfasizzat xi kwistjonijiet kritiċi, li jeħtieġu aktar konsiderazzjoni fid-dawl tal-kwistjonijiet usa’ li jitqiesu fil-kuntest tal-Parametri Referenzjarji Tnejn u Tlieta ta’ hawn fuq. Saret proposta li testendi l-kompetenza tal-Qorti Speċjalizzata biex tinkludi każijiet ta’ korruzzjoni f’livell għoli. Dawn il-bidliet fil-ġurisdizzjoni jeħtieġ li jkunu mħejjija u akkumpanjati minn analiżi xierqa dwar il-ħtiġijiet tar-riżorsi u l-implikazzjonijiet legali possibbli tal-bidliet. Jeħtieġ li jkun ċar li mhux se jkun hemm impatt negattiv mhux mistenni fuq każijiet ta’ kriminalità organizzata.

B’mod ġenerali, huwa importanti li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kompetenti li jittrattaw il-kriminalità organizzata jingħataw l-istabbilità meħtieġa biex jaħdmu fuq każijiet u jressquhom quddiem il-qorti għall-konklużjoni. Il-Bulgarija wriet il-bidu ta’ rekord fil-każijiet ta’ kriminalità organizzata. Jinħtieġ li din ix-xejra pożittiva titkompla u tkun imsaħħa aktar.

Rakkomandazzjoni: Tistabbilixxi mekkaniżmu għal rapportar pubbliku dwar il-progress f’każijiet ta’ livell għoli li huma fid-dominju pubbliku. Il-Prosekuzzjoni Ġenerali għandha tirraporta - filwaqt li tirrispetta l-preżunzjoni ta’ innoċenza - dwar l-investigazzjonijiet u l-akkużi. Il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ministeru tal-Ġustizzja għandhom jirrapportaw dwar kundanni kif ukoll għall-infurzar ta’ sentenzi.

Dwar il-konfiska tal-assi, l-emendi għal-liġi dwar il-konfiska tal-assi kriminali ġew ppreżentati biex jirrimedjaw serje ta’ problemi (it-tnaqqis tal-limitu minimu għal ġid mhux ġustifikat pereżempju). Madankollu, dawn għadhom ma ġewx adottati mill-Assemblea Nazzjonali. Il-Kummissjoni għall-Konfiska tal-Assi Illegali xorta għadha qed tipproduċu riżultati solidi. Madankollu, il-futur tagħha bħala struttura indipendenti għadu mhux ċar minħabba l-proposti pendenti fużjoni tagħha fl-awtorità kontra l-korruzzjoni unifikata tal-futur.

Rakkomandazzjoni: Tadotta l-emendi meħtieġa għal-liġi dwar il-konfiska tal-assi kriminali u tiżgura li l-Kummissjoni għall-Konfiska tal-Assi Illegali tkompli topera b’mod indipendenti u effiċjenti.

4.    KONKLUŻJONI

Dawn ir-rapporti MKV tal-2015 u 2016 tal-Kummissjoni setgħu jagħrfu l-passi importanti meħuda mill-awtoritajiet Bulgari biex il-proċess tar-riforma jerġa’ jitpoġġa fuq l-aġenda. Matul l-2016 il-Bulgarija għamlet aktar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ riforma tas-sistema ġudizzjarja, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni għadha fi stadju bikri. B’mod aktar ġenerali, matul l-aħħar 10 snin, il-progress kumplessiv ma kienx mgħaġġel daqs kemm wieħed kien jittama, u għadd ta’ sfidi sinifikanti li għad iridu jiġu indirizzati. Il-gvern il-ġdid se jkollu bżonn jixpruna r-riforma 'l quddiem biex jiġu żgurati riżultati irreversibbli. Għalhekk, dan ir-rapport ma jistax jikkonkludi li l-parametri referenzjarji f’dan l-istadju huma ssodisfati b’mod sodisfaċenti. Madankollu huwa possibbli li jkunu identifikati għadd limitat ta’ rakkomandazzjonijiet prinċipali li jwasslu lejn l-għeluq proviżorju ta’ parametri referenzjarji individwali, u mbagħad għall-konklużjoni tal-proċess tal-MKV.

Il-Kummissjoni tqis li l-objettivi tal-MKV jistgħu jinkisbu billi jkunu segwiti r-rakkomandazzjonijiet stipulati f’dan ir-rapport. Il-ħeffa tal-proċess se tiddependi fuq kemm il-Bulgarija se tkun kapaċi tissodisfahom b’mod irreversibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Bulgarija biex tieħu azzjoni biex tissodisfa r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-rapport. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress li sar lejn tmiem l-2017.

(1)

     Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri, is-17 ta’ Ottubru 2006 (13339/06); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fil-Bulgarija li jindirizza parametri referenzjarji speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, it-13 ta’ Diċembru 2006 (C (2006) 6570 final).

(2)

     Riċentament fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill f’Marzu 2016, li ħeġġew aċċellerazzjoni deċiżiva tal-isforzi biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet kollha stipulati mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha tal-2016. ( http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7118-2016-INIT/mt/pdf ). Għad-dokumenti rilevanti dwar il-MKV, ara https://ec.europa.eu/info/effective-justice/rule-law/assistance-bulgaria-and-romania-under-cvm_mt  

(3)

     Ewrobarometru Flash 445: Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika għall-Bulgarija u r-Rumanija, ippubblikat fil-25 ta’ Jannar 2017

(4)

     Sar żvilupp importanti f’Novembru 2016, b’emendi fil-liġi dwar atti normattivi li ħtieġu valutazzjoni tal-impatt għal liġijiet ġodda proposti mill-gvern.

(5)

     Il-Bulgarija għandha l-aktar post baxx fil-klassifika tal-Istati Membri kollha tal-UE fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2016: https://rsf.org/en/ranking  

(6)

     SWD(2017) 24.

(7)

     Il-Gvern stabbilixxa kunsill konsultattiv dwar ir-riforma ġudizzjarja taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja, li kellu rwol ċentrali fil-finalizzazzjoni tal-proposti leġiżlattivi.

(8)

     L-abbozz tar-riforma tal-kodiċi kriminali ppreparat mill-gvern preċedenti fl-2014 ma rnexxiex peress li ma laħaqx l-aspettattivi, u l-Assemblea Nazzjonali ġiet xolta ftit wara l-preżentazzjoni tagħha.

(9)

     L-isfidi mhumiex limitati għal-ħidmiet interni tal-prosekuzzjoni, iżda jinvolvu l-istituzzjonijiet kollha kkonċernati fil-passi differenti tal-proċeduri kriminali.

(10)

     L-indiċi dwar il-perċezzjoni tal-korruzzjoni tal-2015 ta’ Transparency International jikklassifika lill-Bulgarija fid-69 post minn 168 pajjiż minn madwar id-dinja, l-agħar riżultat għal kwalunkwe Stat Membru tal-UE (Transparency International CPI, 2015).

(11)

     Ewrobarometru Flash 445: Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika għall-Bulgarija u r-Rumanija, ippubblikat fil-25 ta’ Jannar 2017.

(12)

     Ir-Rapport dwar il-Kompetittività Globali tal-Forum Ekonomiku Dinji 2016–2017 jikklassifika l-korruzzjoni bħala l-aktar fattur unikament problematiku għan-negozju fil-Bulgarija. Global Competitiveness Report 2016-2017, paġna 130.

(13)

     Il-president tiegħu kien akkużat b’abbuż ta’ poteri fl-2013 u aktar tard ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża. Madankollu, il-pożizzjoni ta’ President għal dan il-korp għadha mhix okkuppata.

(14)

     Stħarriġ ibbażat fuq l-esperjenza kif ukoll fuq il-perċezzjonijiet tal-korruzzjoni kif ukoll studji internazzjonali b’mod konsistenti jippuntaw lejn il-korruzzjoni bħala sfida kbira fil-Bulgarija, li qiegħda żżomm lura l-ekonomija u timmina l-fiduċja fil-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet pubbliċi.

(15)

     Eċċezzjoni notevoli f’dan ir-rigward hija l-miżuri konkreti li ttieħdu matul l-aħħar sentejn fil-Ministeru tal-Intern bħala parti minn sforz biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni fil-Ministeru, inkluża fost il-pulizija tal-fruntieri. Kien hemm ukoll sforzi serji ffukati fuq l-awtoritajiet tad-dwana. B’mod aktar ġenerali, il-Bulgarija implimentat ukoll diversi titjib tas-sistema ta’ akkwist pubbliku tagħha fl-aħħar snin, li huwa settur b’riskji sinjifikanti ta’ korruzzjoni, inkluż fil-livell lokali.

(16)

     Il-Bulgarija tidher b’mod konsistenti fost l-Istati Membri tal-UE bl-aktar perċezzjoni baxxa tal-indipendenza tal-ġustizzja. It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2016, p.35-36.

(17)

     Systemic problem of ineffectiveness of investigations in Bulgaria  ECHR 070 (2015)  

Top